12.11.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 408/17
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-26 ta’ Settembru 2018 (talba għal deċiżjoni preliminari tar-Rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen – il-Belġju) – proċedura kriminali kontra Van Gennip BVBA, Antonius Johannes Maria ten Velde, Original BVBA, Antonius Cornelius Ignatius Maria van der Schoot
(Kawża C-137/17) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Direttivi 2006/123/KE, 2007/23/KE u 2013/29/UE - Tqegħid fis-suq ta’ oġġetti pirotekniċi - Moviment liberu tal-oġġetti pirotekniċi li huma konformi mar-rekwiżiti ta’ dawn id-direttivi - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi restrizzjonijiet għall-ħażna u l-bejgħ tal-imsemmija oġġetti - Sanzjonijiet kriminali - Skema ta’ awtorizzazzjoni doppja - Direttiva 98/34/KE - Kunċett ta’ “regolament tekniku”))
(2018/C 408/20)
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Qorti tar-rinviju
Rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen
Partijiet fil-proċedura kriminali prinċipali
Van Gennip BVBA, Antonius Johannes Maria ten Velde, Original BVBA, Antonius Cornelius Ignatius Maria van der Schoot
Dispożittiv
1)
Il-prinċipju ta’ moviment liberu ta’ oġġetti pirotekniċi, kif previst, b’mod partikolari, fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2007/23/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Mejju 2007 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ oġġetti pirotekniċi, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi ż-żamma jew l-użu mill-konsumaturi u l-bejgħ lilhom ta’ logħob tan-nar li fih kompożizzjoni piroteknika ta’ iktar minn 1 kg sakemm din il-leġiżlazzjoni tkun xierqa sabiex tiggarantixxi l-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika u ma tmurx lill hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġu protetti dawn l-interessi fundamentali, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.
2)
L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2006/123 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-ħażna ta’ oġġetti pirotekniċi li huma konformi mad-Direttiva 2007/23 u intiżi għal bejgħ bl-imnut għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni doppja, jiġifieri awtorizzazzjoni federali għall-isplużivi u permess tal-ambjent reġjonali, sa fejn il-kundizzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva jkunu ssodisfatti, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.
3)
L-Artikolu 20 tad-Direttiva 2007/23 u l-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 2006/123 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Istati Membru jistgħu jadottaw sanzjonijiet kriminali sakemm, għal dak li jirrigwarda d-Direttiva 2007/23, dawn is-sanzjonijiet ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi u, għal dak li jirrigwarda d-Direttiva 2006/123, sakemm ir-regoli nazzjonali tad-dritt kriminali ma jkollhomx l-effett li jevadu r-regoli ta’ din l-istess direttiva.
(1) ĠU C 178, 6.6.2017.
Full & Egal Universal Law Academy