11.3.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 93/7
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-15 ta’ Jannar 2019 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Verwaltungsgerichtshof – l-Awstrija) – E.B. vs Versicherungsanstalt öffentlich Bediensteter BVA
(Kawża C-258/17) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Politika soċjali - Direttiva 2000/78/KE - Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol - Artikolu 2 - Attentat ta’ reat ta’ indeċenza mwettaq minn uffiċjal tas-servizz pubbliku fuq minuri ta’ sess maskili - Sanzjoni dixxiplinari adottata matul is-sena 1975 - Irtirar obbligatorju kmieni flimkien ma’ tnaqqis tal-ammont tal-pensjoni - Diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentament sesswali - Effetti tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78/KE fuq is-sanzjoni dixxiplinari - Modalitajiet ta’ kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar imħallsa))
(2019/C 93/07)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Verwaltungsgerichtshof
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: E.B.
Konvenut: Versicherungsanstalt öffentlich Bediensteter BVA
Dispożittiv
1)
L-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika, wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, jiġifieri sa mit-3 ta’ Diċembru 2003, għall-effetti futuri ta’ deċiżjoni dixxiplinari definittiva, adottata qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija direttiva, li tordna l-irtirar obbligatorju kmieni ta’ uffiċjal, kif ukoll tnaqqis fl-ammont tal-pensjoni tiegħu.
2)
Id-Direttiva 2000/78 għandha tiġi interpretata fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik imsemmija fil-punt 1 tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza, hija timponi fuq il-qorti nazzjonali l-obbligu li teżamina mill-ġdid, għall-perijodu li jibda fit-3 ta’ Diċembru 2003, mhux is-sanzjoni dixxiplinari definittiva li tordna l-irtirar obbligatorju kmieni tal-uffiċjal ikkonċernat, iżda t-tnaqqis tal-ammont tal-pensjoni tiegħu, sabiex tiddetermina l-ammont li huwa kien jirċievi fl-assenza ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentament sesswali.
(1) ĠU C 283, 28.8.2017.
Full & Egal Universal Law Academy