7.1.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 4/3
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tal-25 ta’ Ottubru 2018 (talba għal deċiżjoni preliminari tas-Symvoulio tis Epikrateias – il-Greċja) – Anodiki Services EPE vs GNA, O Evangelismos – Ofthalmiatreio Athinon – Polykliniki, Geniko Ogkologiko Nosokomeio Kifisias – (GONK) “Oi Agioi Anargyroi”
(Kawża C-260/17) (1)
(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Kuntratti pubbliċi - Direttiva 2014/24/UE - Artikolu 10(g) - Esklużjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni - Kuntratti ta’ impjieg - Kunċett - Deċiżjonijiet ta’ sptarijiet irregolati mid-dritt pubblik li jikkonkludu kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat għall-ħtiġijiet ta’ ristorazzjoni, ta’ provvista ta’ ikliet u ta’ tindif - Direttiva 89/665/KEE - Artikolu 1 - Dritt għal azzjoni legali)
(2019/C 4/04)
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Qorti tar-rinviju
Symvoulio tis Epikrateias
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Anodiki Services EPE
Konvenuti: GNA O Evangelismos – Ofthalmiatreio Athinon – Polykliniki, Geniko Ogkologiko Nosokomeio Kifisias – (GONK) “Oi Agioi Anargyroi”
fil-preżenza ta’: Arianthi Ilia EPE, Fasma AE, Mega Sprint Guard AE, ICM – International Cleaning Methods AE, Myservices Security and Facility AE, Kleenway OE, GEN – KA AE, Geniko Nosokomeio Athinon “Georgios Gennimatas”, Ipirotiki Facility Services AE
Dispożittiv
1)
L-Artikolu 10(g) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas 26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, kif emendata bir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/2170, tal-24 ta’ Novembru 2015, għandu jiġi interpretat fis-sens li kuntratti tax-xogħol bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri kuntratti tax-xogħol individwali għal żmien determinat li huma konklużi ma’ persuni magħżula fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi bħat-tul tal-perijodu ta’ qgħad, l-esperjenza preċedenti u n-numru ta’ wlied dipendenti tagħhom jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “kuntratti ta’ impjieg” imsemmi f’din id-dispożizzjoni.
2)
Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/24, l-Artikoli 49 u 56 TFUE, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ trasparenza u ta’ proporzjonalità kif ukoll l-Artikoli 16 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma humiex applikabbli fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ awtorità pubblika li tirrikorri għall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ impjieg bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sabiex tissodisfa ċerti impenji li jirriżultaw mill-obbligi tagħha ta’ interess pubbliku.
3)
L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet], kif emendata bid-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2014, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-deċiżjoni ta’ awtorità kontraenti li tikkonkludi kuntratti ta’ impjieg ma’ persuni fiżiċi għall-provvista ta’ ċerti servizzi mingħajr ma tirrikorri għal proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi konformement mad-Direttiva 2014/24, għar-raġuni li, fil-fehma tagħha, dawn il-kuntratti ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, tista’ tkun suġġetta għal azzjoni taħt l-imsemmija dispożizzjoni, ippreżentata minn operatur ekonomiku li jkollu interess li jipparteċipa f’kuntratt pubbliku li jkollu l-istess oġġett bħall-imsemmija kuntratti u li jqis li dawn jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva.
(1) ĠU C 239, 24.7.2017