17.9.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 328/18
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-25 ta’ Lulju 2018 (talba għal deċiżjoni preliminari taż-Županijski Sud u Zagrebu – il-Kroazja) – Ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew kontra AY
(Kawża C-268/17) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali - Mandat ta’ arrest Ewropew - Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI - Artikolu 1(2), il-punt 2 tal-Artikolu 3 u l-punt 3 tal-Artikolu 4 - Raġunijiet ta’ rifjut ta’ eżekuzzjoni - Għeluq ta’ investigazzjoni kriminali - Prinċipju ne bis in idem - Persuna rikjesta li kellha l-kwalità ta’ xhud fi proċedura preċedenti dwar l-istess fatti - Ħruġ ta’ diversi mandati ta’ arrest Ewropej kontra l-istess persuna))
(2018/C 328/22)
Lingwa tal-kawża: il-Kroat
Qorti tar-rinviju
Županijski Sud u Zagrebu
Parti fil-kawża prinċipali
AY
Dispożittiv
1)
L-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni hija obbligata tadotta deċiżjoni fir-rigward ta’ kull mandat ta’ arrest Ewropew trażmess lilha, anki meta, f’dan l-Istat Membru, diġà kien hemm deċiżjoni dwar mandat ta’ arrest Ewropew preċedenti dwar l-istess persuna u li jikkonċerna l-istess fatti, iżda li t-tieni mandat ta’ arrest Ewropew nħareġ biss minħabba l-ħruġ tal-att tal-akkuża, fl-Istat Membru emittenti, fil-konfront tal-persuna rikjesta.
2)
Il-punt 2 tal-Artikolu 3 u l-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009, għandhom jiġu interpretati fis-sens li deċiżjoni tal-prosekutur pubbliku, bħal dik tal-Uffiċċju Nazzjonali Ungeriż tal-Investigazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li temmet investigazzjoni mibdija kontra awtur mhux magħruf, li fiha l-persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew instemgħet biss bħala xhud, mingħajr ma jkunu nbdew proċeduri kriminali kontra din il-persuna u li din id-deċiżjoni tkun ittieħdet fir-rigward ta’ dawn il-proċeduri, ma tistax tiġi invokata għall-finijiet li tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew abbażi ta’ waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet.
(1) ĠU C 256, 7.8.2017.