8.7.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 230/3
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-8 ta’ Mejju 2019 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesverwaltungsgericht — l-Awstrija) — Martin Leitner vs Landespolizeidirektion Tirol
(Kawża C-396/17) (1)
(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Politika soċjali - Projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq l-età - Direttiva 2000/78/KE - Esklużjoni tal-esperjenza professjonali miksuba qabel l-età ta’ 18-il sena - Sistema ġdida ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz tal-uffiċjali - Żamma tad-differenza ta’ trattament - Dritt għal rimedju effettiv - Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea - Ġustifikazzjonijiet)
(2019/C 230/03)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Bundesverwaltungsgericht
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Martin Leitner
Konvenuta: Landespolizeidirektion Tirol
Dispożittivi
1)
L-Artikoli 1, 2 u 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol moqrija flimkien mal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tidħol fis-seħħ b’mod retroattiv, li, sabiex ittemm diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, tipprevedi trasferiment tal-uffiċjali fis-servizz lejn sistema ġdida ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz li fil-kuntest tagħha l-ewwel klassifikazzjoni ta’ dawn l-uffiċjali hija ddeterminata abbażi tal-aħħar remunerazzjoni pperċepita taħt is-sistema preċedenti.
2)
L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tnaqqas il-portata tal-istħarriġ li l-qrati nazzjonali huma f’pożizzjoni li jeżerċitaw, bl-esklużjoni ta’ kwistjonijiet relatati mal-bażi tal-“ammont ta’ trasferiment” kif ikkalkolat skont ir-regoli tas-sistema l-antika ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz.
3)
Fl-ipoteżi fejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali ma jistgħux jiġu interpretati b’mod konformi mad-Direttiva 2000/78, il-qorti nazzjonali hija marbuta li tiżgura, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, il-protezzjoni legali tal-partijiet f’kawża li tirriżulta minn din id-direttiva u li tiggarantixxi l-effett sħiħ ta’ din, billi jekk ikun il-każ ma tapplikax kull dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja. Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta diskriminazzjoni, li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, tkun ġiet ikkonstatata u sakemm miżuri li jistabbilixxu mill-ġdid l-ugwaljanza fit-trattament ma jkunux ġew adottati, l-istabbiliment mill-ġdid tal-ugwaljanza fit-trattament, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, timplika l-għoti lill-uffiċjali żvantaġġati mis-sistema l-antika ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz mill-istess vantaġġi bħal dawk li minnhom setgħu jibbenefikaw l-uffiċjali vantaġġati minn din is-sistema, f’dak li jikkonċerna kemm it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ servizz imwettqa qabel l-età ta’ 18-il sena kif ukoll tal-avvanz fil-livell ta’ remunerazzjonijiet u, konsegwentement, l-għoti ta’ kumpens finanzjarju lill-uffiċjali ddiskriminati għad-differenza bejn l-ammont tar-remunerazzjoni li l-uffiċjal ikkonċernat kellu jirċievi kieku ma ġiex ittrattat b’mod diskriminatorju u l-ammont tar-remunerazzjoni li huwa effettivament rċieva.
(1) ĠU C 347, 16.10.2017.
Full & Egal Universal Law Academy