3.6.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 187/19
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tas-27 ta’ Marzu 2019 (talba għal deċiżjoni preliminari tas-Sąd Najwyższy — il-Polonja) — Mariusz Pawlak vs Prezes Kasy Rolniczego Ubezpieczenia Społecznego
(Kawża C-545/17) (1)
(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Suq intern tas-servizzi postali - Direttivi 97/67/KE u 2008/6/KE - Artikolu 7(1) - Kunċett ta’ “drittijiet esklużivi jew speċjali għall-istabbiliment u l-provvista ta’ servizzi postali” - Artikolu 8 - Dritt tal-Istati Membri li jorganizzaw is-servizz ta’ posta rreġistrata użat fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji - Terminu għall-preżentata - Skadenza għat-tressiq ta’ att proċedurali quddiem qorti - Interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni - Limiti - Effett dirett invokat minn emanazzjoni ta’ Stat Membru fil-kuntest ta’ tilwima kontra individwu)
(2019/C 187/21)
Lingwa tal-kawża: il-Pollakk
Qorti tar-rinviju
Sąd Najwyższy
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Mariusz Pawlak
Konvenut: Prezes Kasy Rolniczego Ubezpieczenia Społecznego
Dispożittiv
1)
L-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz, kif emendata bid-Direttiva 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2008, moqrija flimkien mal-Artikolu 8 tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi regola ta’ dritt nazzjonali li tirrikonoxxi biss bħala ekwivalenti għall-preżentata ta’ att proċedurali quddiem il-qorti kkonċernata dik il-preżentata ta’ tali att f’uffiċċju tal-posta ta’ operatur innominat sabiex jipprovdi s-servizz postali universali, u dan mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva bbażata fuq raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika.
2)
Awtorità pubblika, ikkunsidrata bħala emanazzjoni ta’ Stat Membru, ma tistax tinvoka d-Direttiva 97/67, kif emendata bid-Direttiva 2008/6, bħala tali, kontra individwu.
(1) ĠU C 13, 15.1.2018.
Full & Egal Universal Law Academy