3.6.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 187/21
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-21 ta’ Marzu 2019 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Cour de cassation — Franza) — Henri Pouvin, Marie Dijoux, miżżewġa Pouvin vs Electricité de France (EDF)
(Kawża C-590/17) (1)
(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Direttiva 93/13/KEE - Kamp ta’ applikazzjoni - Artikolu 2(b) u (ċ) - Kunċetti ta’ “konsumatur” u ta’ “bejjiegħ jew fornitur” - Finanzjament tax-xiri ta’ abitazzjoni prinċipali - Self immobbiljari mogħti minn persuna li timpjega lil impjegat tiegħu u lill-konjuġi tiegħu, kodebitriċi in solidum)
(2019/C 187/23)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Qorti tar-rinviju
Cour de cassation
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Henri Pouvin, Marie Dijoux, miżżewġa Pouvin
Konvenuta: Electricité de France (EDF)
Dispożittiv
L-Artikolu 2(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur għandu jiġi interpretat fis-sens li impjegat ta’ impriża u l-konjuġi tiegħu, li jikkonkludu kuntratt ta’ kreditu ma’ din l-impriża, li huwa rriżervat, prinċipalment, għall-membri tal-persunal tal-imsemmija impriża, intiż għall-finanzjament tax-xiri ta’ proprjetà immobbli għal skopijiet privati, għandhom jitqiesu li huma “konsumaturi”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.
L-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-imsemmija impriża għandha titqies li hija “bejjiegħ jew fornitur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta tikkonkludi tali kuntratt ta’ kreditu fil-kuntest tal-attività professjonali tagħha, anki jekk l-għoti ta’ krediti ma jikkostitwixxix l-attività prinċipali tagħha.
(1) ĠU C 437, 18.12.2017.
Full & Egal Universal Law Academy