21.1.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 25/10
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-21 ta’ Novembru 2018 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunal Supremo – Spanja) – Ministerio de Defensa vs Ana de Diego Porras
(Kawża C-619/17) (1)
((“Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Politika soċjali - Direttiva 1999/70/KE - Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat - Klawżola 4 - Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni - Ġustifikazzjoni - Klawżola 5 - Miżuri intiżi sabiex jipprevjenu l-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi - Kumpens fil-każ ta’ xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat għal raġuni oġġettiva - Assenza ta’ kumpens mal-iskadenza ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat dovut għal sostituzzjoni interim”))
(2019/C 25/12)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Qorti tar-rinviju
Tribunal Supremo
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Ministerio de Defensa
Konvenuta: Ana de Diego Porras
Dispożittiv
1)
Il-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat], għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedi l-ħlas ta’ ebda kumpens lill-ħaddiema impjegati permezz ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat konklużi sabiex jiġi ssostitwit ħaddiem li għandu dritt għaż-żamma tal-pożizzjoni ta’ xogħol tiegħu, bħalma huwa l-kuntratt ta’ sostituzzjoni interim inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mal-iskadenza tal-perijodu li għalih kienu ġew konklużi dawn il-kuntratti, filwaqt li jingħata kumpens lill-ħaddiema għal żmien indeterminat fl-okkażjoni tax-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol tagħhom minħabba raġuni oġġettiva.
2)
Il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat] li jinsab fl-Anness tad-Direttiva 1999/70 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, skont ir-regoli kollha tad-dritt nazzjonali applikabbli tagħha, jekk miżura, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-ħlas obbligatorju ta’ kumpens lill-ħaddiema impjegati permezz ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat mal-iskadenza tal-perijodu li għalih kienu ġew konklużi tikkostitwixxix miżura adegwata għall-prevenzjoni u, jekk ikun il-każ, għas-sanzjoni tal-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi jew miżura legali ekwivalenti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.
3)
Fil-każ li l-qorti nazzjonali tikkonstata li miżura, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-ħlas obbligatorju ta’ kumpens lill-ħaddiema impjegati permezz ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat mal-iskadenza tat-terminu li għalih dawn il-kuntratti ġew konklużi, tikkostitwixxi miżura adegwata għall-prevenzjoni u, jekk ikun il-każ, għas-sanzjoni tal-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi jew miżura legali ekwivalenti, fis-sens tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li l-iskadenza tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat li jappartjenu għal ċerti kategoriji tagħti lok għall-ħlas, lill-ħaddiema impjegati permezz ta’ dawn il-kuntratti, għal kumpens, filwaqt li l-iskadenza tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat li jappartjenu għal kategoriji oħra ma tagħti lok għall-għoti ta’ ebda kumpens lill-ħaddiema impjegati permezz ta’ dawn l-aħħar kuntratti, sakemm ma jkunx hemm ebda miżura effettiva oħra fl-ordinament ġuridiku nazzjonali għall-prevenzjoni u għas-sanzjoni ta’ tali abbuż fir-rigward ta’ dawn l-aħħar ħaddiema, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.
(1) ĠU C 22, 22.1.2018.
Full & Egal Universal Law Academy