8.4.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 131/11
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-14 ta’ Frar 2019 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Općinski Sud u Rijeci — il-Kroazja) — Anica Milivojević vs Raiffeisenbank St. Stefan-Jagerberg-Wolfsberg eGen
(Kawża C-630/17) (1)
(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Artikoli 56 u 63 TFUE - Libertà li jiġu pprovduti servizzi - Moviment liberu tal-kapital - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi n-nullità tal-kuntratti ta’ kreditu li għandhom aspetti internazzjonali konklużi ma’ kreditur mhux awtorizzat - Regolament (UE) Nru 1215/2012 - Artikolu 17(1) - Kuntratt ta’ kreditu konkluż minn persuna fiżika fid-dawl ta’ provvista ta’ servizzi ta’ akkomodazzjoni turistika - Kunċett ta’ “konsumatur” - Artikolu 24(1) - Kompetenzi esklużivi fil-qasam tad-drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli - Rikors għan-nullità ta’ kuntratt ta’ kreditu u għall-kanċellazzjoni ta’ iskrizzjoni ipotekarja fir-Reġistru tal-Proprjetà)
(2019/C 131/13)
Lingwa tal-kawża: il-Kroat
Qorti tar-rinviju
Općinski Sud u Rijeci
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Anica Milivojević
Konvenut: Raiffeisenbank St. Stefan-Jagerberg-Wolfsberg eGen
Dispożittiv
1)
L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li b’mod partikolari għandha bħala effett li l-kuntratti ta’ kreditu u l-atti legali bbażati fuq tali kuntratti, konklużi fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru bejn debituri u kredituri, stabbiliti fi Stat Membru ieħor, li ma jkollhomx awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti tal-ewwel Stat Membru, sabiex jeżerċitaw l-attività tagħhom fit-territorju tiegħu, ikunu nulli u mingħajr effett mill-jum tal-konklużjoni tagħhom, anki jekk dawn ikunu ġew konklużi qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-leġiżlazzjoni.
2)
L-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, fil-kuntest ta’ kawżi dwar kuntratti ta’ kreditu li għandhom aspetti internazzjonali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, tippermetti lid-debituri li jressqu azzjoni kontra dawk il-kredituri li ma għandhomx awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru biex jeżerċitaw l-attività tagħhom fuq it-territorju tiegħu, jew quddiem il-qrati tal-Istat li fit-territorju tiegħu dawn il-kredituri għandhom is-sede tagħhom, jew fil-qrati tal-post fejn id-debituri jkollhom id-domiċilju jew is-sede tagħhom u tirriżerva l-ġurisdizzjoni fir-rigward tal-azzjoni tal-imsemmija kredituri kontra debitur biss għall-qrati tal-Istat li fit-territorju tiegħu dawn id-debituri jkollhom id-domiċilju tagħhom, kemm jekk dawn tal-aħħar ikunu konsumaturi jew negozjanti.
3)
L-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li debitur li kkonkluda kuntratt ta’ kreditu biex iwettaq xogħlijiet ta’ tiġdid fi proprjetà immobbli li hija d-domiċilju tiegħu, b’mod partikolari bil-għan li jipprovdi servizzi ta’ akkomodazzjoni turistika fiha, ma jistax jiġi kklassifikat bħala “konsumatur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sakemm, fid-dawl tal-kuntest tat-tranżazzjoni, ikkunsidrat fit-totalità tiegħu, li għalih ikun ġie konkluż dan il-kuntratt, dan tal-aħħar ma jkollux rabta tant dgħajfa ma’ din l-attività professjonali li jkun jidher b’mod ċar li l-imsemmi kuntratt essenzjalment isegwi għanijiet privati, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.
4)
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxu azzjonijiet “li għandhom x’jaqsmu ma’ drittijiet in rem fuq propjetà immobbli”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, azzjonijiet intiżi għat-tħassir mir-reġistru tal-artijiet tal-ipoteka fuq proprjetà immobbli, iżda li ma taqax taħt dan il-kunċett azzjoni għal dikjarazzjoni tan-nullità ta’ kuntratt ta’ kreditu u ta’ att notarili dwar il-ħolqien ta’ ipoteka rreġistrata bħala garanzija tad-dejn li nħoloq minn dan il-kuntratt.
(1) ĠU C 22, 22.01.2018.
Full & Egal Universal Law Academy