23.4.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 142/17
Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tat-22 ta’ Frar 2018 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Fővárosi Törvényszék – l-Ungerija) – ERSTE Bank Hungary Zrt vs Orsolya Czakó
(Kawża C-126/17) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja - Protezzjoni tal-konsumaturi - Direttiva 93/13/KEE - Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi - Artikolu 4(2), Artikolu 5 u Artikolu 6(1) - Klawżoli li jiddefinixxu s-suġġett prinċipali tal-kuntratt - Kuntratt ta’ self konkluż f’munita barranija - Portata tal-kunċett “abbozzati b’lingwaġġ sempliċi u ċar” - Invalidità parzjali jew totali tal-kuntratt))
(2018/C 142/22)
Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż
Qorti tar-rinviju
Fővárosi Törvényszék
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: ERSTE Bank Hungary Zrt
Konvenuta: Orsolya Czakó
Dispożittiv
1)
L-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13/KEE tal-Kunsill tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti mal-konsumatur, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jissodisfaw ir-rekwiżit li l-klawżoli kuntrattwali għandhom jiġu abbozzati b’lingwaġġ sempliċi u ċar, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-klawżoli ta’ kuntratt ta’ self konkluż bejn konsumatur u bank, fi Stat Membru, fejn is-somma ta’ flus li ser issir disponibbli għal dan il-konsumatur, espressa f’munita barranija bħala l-valuta tal-kont, iddefinita fir-rigward tal-valuta tal-pagament, hija indikata b’mod ċar. Sa fejn id-determinazzjoni ta’ din is-somma tiddependi fuq ir-rata tal-kambju fis-seħħ fid-data tar-rilaxx tal-fondi, dan ir-rekwiżit jeħtieġ li l-metodi ta’ kalkolu tas-somma effettivament mislufa kif ukoll ir-rata tal-kambju applikabbli jkunu trasparenti, sabiex konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, jista’ jevalwa, fuq il-bażi ta’ kriterji preċiżi u intelliġibbli, il-konsegwenzi ekonomiċi li jirriżultaw minn dan il-kuntratt, inkluż, b’mod partikolari, l-ispiża totali tas-self tiegħu.
2)
L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ li qorti nazzjonali tikkonstata n-natura inġusta tal-klawżoli ta’ kuntratt ta’ self konkluż bejn konsumatur u bank, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din id-dispożizzjoni ma tipprekludix lil din il-qorti milli tiddikjara l-invalidità ta’ dan il-kuntratt kollu jekk dan ma jistax jibqa’ applikabbli wara t-tneħħija ta’ dawn il-klawżoli.
(1) ĠU C 221, 10.7.2017.