KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BOT
ippreżentati fid‑19 ta’ Settembru 2018 ( 1 )
Kawża C‑127/17
Il-Kummissjoni Ewropea
vs
Ir-Repubblika tal-Polonja
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 96/53/KE – Artikoli 3 u 7 – Trasport – Traffiku bit-triq internazzjonali – Vetturi – Piż massimu awtorizzat tal-fus – Limitazzjonijiet fuq ċerti toroq jew strutturi ta’ inġinerija – Sistema ta’ awtorizzazzjoni speċjali”
1.
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi imponiet fuq l-impriżi tat-trasport l-obbligu li jkollhom awtorizzazzjonijiet speċjali sabiex jitħallew jiċċirkolaw fuq ċerti toroq pubbliċi, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha taħt id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 3 u 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE tal‑25 ta’ Lulju 1996 li tistabbilixxi għal ċerti vetturi tat-triq li jiċċirkulaw fi ħdan il-Komunità id-dimensjonijiet massimi awtorizzati fit-traffiku nazzjonali u internazzjonali u l-piżijiet massimi awtorizzati fit-traffiku internazzjonali ( 2 ), kif emendata mid-Direttiva (UE) 2015/719 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 ( 3 ) moqrija flimkien mal-punti 3.1. u 3.4. tal-Anness I tad-Direttiva 96/53.
2.
Dan ir-rikors igawdi importanza speċifika minħabba, minn naħa, in-natura innovattiva tiegħu, minkejja li d-Direttiva 96/53 ilha fis-seħħ għal iktar minn 20 sena, u, min-naħa l-oħra, minħabba xi interessi ekonomiċi li jirrapreżenta l-obbligu li jiġu osservati l-istandards armonizzati fl-Unjoni mill-1985, intiżi sabiex jiffaċilitaw iċ-ċirkolazzjoni bejn l-Istati Membri, fil-kuntest ta’ żieda kbira fit-trasport bit-triq Ewropew tal-merkanzija ( 4 ). Fil-fatt, huwa kruċjali għall-iżvilupp tal-kummerċ internazzjonali u nazzjonali li l-merkanzija tkun tista’ tiġi ttrasportata b’għaġġla, f’sigurtà sħiħa u bi spejjeż ikkontrollati, speċjalment minħabba ċerti prattiki ekonomiċi, fosthom ir-rilokazzjoni. B’hekk, hija neċessarja viġilanza partikolari fir-rigward tal-fondatezza tar-ristrezzjonijiet li huma suġġetti għalihom it-trasportaturi, peress li dawn ma għandhomx jostakolaw it-twettiq tal-għanijiet Ewropej, b’mod partikolari fir-rigward tal-ambjent u l-kompetizzjoni.
3.
F’dawn il-konklużjonijiet, ser nindika r-raġunijiet li għalihom jien tal-fehma li dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa fondat.
I. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
1. Id-Direttiva 96/53
4.
Il-premessi 1, 2, 3, 5, 7 u 12 tad-Direttiva 96/53 jistabbilixxu:
“(1)
[…] [I]d-Direttiva tal-Kunsill 85/3/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1984 dwar il-piżijiet, id-dimensjonijiet u ċerti karatteristiċi tekniċi oħrajn tal-vetturi tat-triq[ ( 5 )] stabbiliet, fil-qafas tal-politika dwar it-trasport komuni, standards komuni li jippermetu l-użu mtejjeb tal-vetturi tat-triq fi traffiku bejn l-Istati Membri;
(2)
[…] [I]-Direttiva 85/3 […] ġiet emendata sinifikament f’ħafna okkażjonijiet; […] fl-okkażjoni ta’ l-aħħar emenda tagħha għandha għal raġunijiet ta’ kjarezza u razzjonalità terġa’ tiġi fformolata bħala test singolu flimkien mad-Direttiva tal-Kunsill 86/364/KEE ta’ l-24 ta’ Lulju 1986 li għandha x’taqsam max-xhieda ta’ konformità tal-vetturi mad-Direttiva 85/3/[ ( 6 )];
(3)
[…] d-differenzi bejn l-istandards fis-seħħ fl-Istati Membri fejn għandhom x’jaqsmu l-piżijiet u d-dimensjonijiet tal-vetturi tat-triq kummerċjali jistgħu jkollhom effett kuntrarju fuq il-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni u jikkostitwixxu ostakolu għat-traffiku bejn l-Istati Membri;
[…]
(5)
[…] l-istandards imsemmija fuq jirriflettu bilanċ bejn l-użu razzjonali u ekonomiku tal-vetturi tat-triq kummerċjali u l-ħtiġiet tal-manutenzjoni ta’ l-infrastruttura, is-sigurtà fit-triq u l-protezzjoni ta’ l-ambjent u ċ-ċiklu tal-ħajja;
[…]
(7)
[…] il-ħtiġiet tekniċi addizzjonali li għandhom x’jaqsmu mal-piżijiet u d-dimensjonijiet tal-vetturi jistgħu japplikaw għal vetturi kummerċjali reġistrati jew imqiegħda f’ċirkolazzjoni fi Stat Membru; […] dawn il-ħtiġiet m’għandhomx jikkostitwixxu ostakolu għaċ-ċirkolazzjoni tal-vetturi kummerċjali bejn l-Istati Membri;
[…]
(12)
[…] għall-karatteristiċi l-oħrajn tal-vetturi, l-Istati Membri huma awtorizzati japplikaw fit-territorju tagħhom valuri differenti minn dawk provduti f’din id-Direttiva biss għal vetturi użati fit-traffiku nazzjonali.”
5.
Skont l-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva:
“Din id-Direttiva tapplika għal:
a)
id-dimensjonijiet tal-vetturi bil-mutur fil-kategoriji M2 u M3 u l-karrijiet tagħhom fil-kategorija 0 u l-vetturi bil-mutur fil-kategoriji N2 u N3 u l-karrijiet tagħhom fil-kategoriji 03 u 04, kif definiti fl-Anness II tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tal‑5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru [Qafas]) ( 7 )];
b)
il-piżijiet u ċerti karatteristiċi oħrajn tal-vetturi definiti f’(a) u speċifikati fl-Anness 1(2) [ ( 8 ),] ma’ din id-Direttiva.”
6.
L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi:
“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:
–
[…]
–
‘kombinazzjoni ta’ vettura’:
–
road train li tikkonsisti f’vettura bil-mutur agganċjata ma’ trailer,
–
vettura artikolata li tikkonsisti f’vettura bil-mutur agganċjata ma’ semi-trailer,
–
‘“il-piż massimu awtorizzat’: għandu jfisser il-piż massimu għall-użu ta’ vettura mgħobbija fit-traffiku internazzjonali,
–
‘il-piż tal-fus massimu awtorizzat’: għandu jfisser il-piż massimu għall-użu fit-traffiku internazzjonali ta’ fus mgħobbi jew ta’ grupp ta’ fusijiet,
–
‘tagħbija indivisibbli’: għandha tfisser tagħbija li ma tistax, għall-iskop ta’ trasport bit-triq, tinqasam f’żewġ tagħbijiet jew iktar mingħajr spejjeż żejda jew riskju ta’ ħsara u li minħabba d-dimensjonijiet jew il-massa tagħha ma tistax tinġarr minn vettura bil-mutur, trailer, road train jew vettura artikolata li tikkonforma ma’ din id-Direttiva fejn jidħlu l-kwistjonijiet kollha,
[…]”
7.
L-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva jipprevedi:
“Stat Membru ma jistax jiċħad jew jipprojbixxi l-użu fit-territorju tiegħu:
–
fit-traffiku internazzjonali, ta’ vetturi reġistrati jew imqiegħda f’ċirkolazzjoni f’kull Stat Membru ieħor għal raġunijiet li għandhom x’jaqsmu mal-piżijiet u d-dimensjonijiet tagħhom,
–
fit-traffiku nazzjonali, il-vetturi rreġistrati jew imqiegħda fiċ-ċirkolazzjoni f’xi Stat Membru ieħor għal raġunijiet relatati mad-dimensjonijiet tagħhom,
sakemm dawn il-vetturi jikkonformaw mal-valuri limiti speċifikati fl-Anness I.
Din id-dispożizzjoni għandha tapplika minkejja l-fatt li:
a)
l-vetturi msemmija mhumiex konformi mal-ħtiġiet ta’ dak l-Istat Membru fejn għandhom x’jaqsmu ċerti karattersitiċi ta’ piż u dimensjoni mhux koperti mill-Anness I;
b)
l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru fejn il-vetturi huma reġistrati jew imqiegħda f’ċirkolazzjoni għandha limiti awtorizzati mhux imsemmija fl-Artikolu 4(1) li jeċċedu dawk imqiegħda fl-Anness I.”
8.
L-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/53 huwa mfassal kif ġej:
“Din id-Direttiva m’għandhiex tipprekludi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar it-traffiku fit-toroq fis-seħħ f’kull Stat Membru li jippermetti li l-piż u/jew id-dimensjonijiet tal-vetturi fuq ċerti toroq jew strutturi ta’ inġinerija ċivili jkun limitat, irrispettivament mill-Istat tar-reġistrazzjoni ta’ dawk il-vetturi jew l-Istat fejn dawk il-vetturi jkunu tqiegħdu fiċ-ċirkolazzjoni.
Dan jinkludi l-possibiltà li jiġu imposti restrizzjonijiet lokali dwar id-dimensjonijiet massimi awtorizzati u/jew il-piżijiet tal-vetturi li jistgħu jintużaw f’żoni speċifiċi jew fuq toroq speċifiċi, fejn l-infrastruttura ma tkunx adattata għal vetturi twal u tqal, bħal ċentri ta’ l-ibliet, villaġġi żgħar u postijiet ta’ interess naturali speċjali.”
9.
L-Anness I ta’ din id-direttiva huwa intitolat “Il-piżijiet u d-dimensjonijiet massimi u l-karatteristiċi relatati tal-vetturi” ( 9 ).
10.
Il-punt 3 ta’ dan l-anness huwa intitolat “Il-piż massimu awtorizzat tal-fusijiet tal-vetturi msemmija fl-Artikolu 1(1)(b) (f’tunnellati metriċi)”. Il-punti 3.1. u 3.4. jippreċiżaw:
“3.1.
Fusijiet singoli | Fus singolu mhux tas-sewqan 10 tunnellati metriċi
[…]
3.4.
Il-Fus tas-sewqan [ (1)]
3.4.1.
Il-Fus tas-sewqan tal-vetturi msemmija f’ 2.2.1 [ (2)] 11.5 tunnellati metriċi u 2.2.2 [ (3)]
3.4.2.
Il-fus tas-sewqan tal-vetturi msemmija fil-punti 2.2.3,[ (4)], 11.5 tunnellati metriċi 2.2.4[ (5)], 2.3[ (6)] u 2.4[ (7)]
[…]”
2. Id-Deċiżjoni Nru 1692/96/KE
11.
Id-Deċiżjoni Nru 1692/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Lulju 1996 fuq linji gwida tal-Komunità għall-iżvilupp tan-network tat-trasport trans-Ewropew ( 10 ), li ġiet issostitwita bid-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE ( 11 ), u din tal-aħħar ġiet issostitwita bir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 ( 12 ), jipprevedi fl-Artikolu 2 tiegħu, intitolat “Objettivi”:
“1. In-network ta’ trasport trans-Ewropew għandu jkun mwaqqaf gradwalment sa l-2010[ ( 13 )],billi jkunu integrati t-trasport ta’ l-art, tal-baħar u ta’ l-ajru u networks ta’ l-infrastruttura ġewwa l-Komunità skond il-pjanijiet abbozzati indikati fuq il-mapep fl-Anness I u/jew l-ispeċifikazzjonijiet fl-Anness II.
2. In-network irid:
a)
jassigura li l-mobilità sostenibbli ta’ persuni u oġġetti ġewwa arja mingħajr fruntieri interni taħt l-aħjar kondizzjonijiet soċjali u ta’ sigurtà, u jgħinu jilħqu għanijiet tal-Komunità, partikolarment rigward l-ambjent u l-kompetizzjoni, u jikkontribwixxu għas-sodar ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali;
[…]”
3. L-Att ta’ Adeżjoni tal-2003
12.
L-Artikolu 24 tal-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta’ l-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta’ l-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea ( 14 ), jiddisponi:
“Il-miżuri mniżżla fl-Annessi V, VI, VII, VIII, IX, X, XI, XII, XIII u XIV ta’ dan l-Att għandhom japplikaw fir-rigward ta’ l-Istati Membri l-ġodda taħt il-kondizzjonijiet stipulati f’dawk l-Annessi.”
13.
L-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 huwa intitolat “Il-lista li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 24 ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni: Il-Polonja”. Il-punt 8 ta’ dan l-Anness, intitolat “Il-politika tat-trasport”, fih paragrafu 3 li jiddikjara applikabbli lid-Direttiva 96/53 fit-termini li ġejjin:
“31996 L 0053: Id-Direttiva […] 96/53/KE […] kif l-aħħar emendata bi:
–
32002 L 0007: Id-Direttiva 2002/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-[18 ta’ Frar 2002 ( 15 )].
B’deroga mill-Artikolu 3(1) […] vetturi li jikkonformaw mal-valur ta’ limiti tal-kategorija 3.4 fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva jistgħu biss jużaw dawk il-partijiet min-network tat-toroq Pollakk li l-livell tagħhom mhux imtejjeb sal-31 ta’ Diċembru 2010 jekk jikkonformaw mal-limiti tal-piż tal-fus tar-rota Pollakki. Mid-data ta’ l-adeżjoni l-ebda restrizzjoni ma tista’ tiġi mposta fuq l-użu, minn vetturi li jikkonformaw mal-ħtiġiet tad-Direttiva 96/53 […], tar-rotot ta’ transitu prinċipali stipulati fl-Anness I tad-Deċiżjoni [Nru] 1692/96 […].
Il-Polonja għandha timxi ma’ l-iskeda ta’ żmien stipulata fit-tabelli ta’ hawn taħt biex tittejjeb fil-livell tan-network tat-toroq ewlieni tagħha, kif imniżżla fl-Anness I tad-Deċiżjoni [Nru] 1692/96 […]. Kull investiment ta’ infrastruttura li jinvolvi l-użu ta’ fondi mill-budget [tal-Unjoni] għandu jiżgura li l-arterji jiġu mibnija jew il-livell tagħhom imtejjeb sabiex ikollhom il-kapaċità li jifilħu piż ta’ 11.5 tunnellata metrika għal kull fus tar-rota.
Flimkien mat-tlestija tat-titjib fil-livell, għandu jkun hemm il-ftuħ progressiv tan-network tat-toroq Pollakk, inkluża n-network mniżżel fl-Anness I tad-Deċiżjoni [Nru] 1692/96 […], għal vetturi fit-traffiku internazzjonali li jikkonformaw mal-valur ta’ limiti tad-Direttiva. Fejn hu teknikament possibbli, matul il-perijodu transitorju kollu l-użu ta’ partijiet min-network ta’ toroq sekondarji li l-livell tagħhom mhux imtejjeb għandu jitħalla għall-iskopijiet ta’ tagħbija w ħatt.
[…]”
14.
Il-kalendarja għall-modernizzazzjoni tan-netwerk tat-toroq Pollakk previst fit-tielet subparagrafu tal-punt 8(3) tal-Anness XII, tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 huwa stabbilit fi tmien tabelli, li jkopru l-perijodu bejn l‑1 ta’ Jannar 2004 sal‑1 ta’ Jannar 2011.
B. Id-dritt Pollakk
15.
L-Artikolu 41 tal-ustawa o drogach publicznych (il-Liġi fuq it-Toroq Pubbliċi) ( 16 ), tal‑21 ta’ Marzu 1985, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data meta seħħew il-fatti ( 17 ), jistabbilixxi:
“1. Huwa awtorrizzat fit-toroq pubbliċi s-sewqan ta’ vettura ta’ piż awtorizzat tal-fus motorizzat [tas-sewqan] singolu ta’ 11.5 tunnellata, bla ħsara għall-paragrafi 2 u 3.
2. Il-Minister właściwy do spraw transportu [il-Ministru għat-Trasport, il-Polonja] jfassal, b’mod leġiżlattiv, il-lista:
1)
tat-toroq nazzjonali u reġjonali li fuqhom jistgħu jiċċirkolaw il-vetturi ta’ piż awtorrizzat tal-fus singolu ta’ 10 tunnellati,
2)
tat-toroq nazzjonali li fuqhom jistgħu jiċċirkolaw il-vetturi ta’ piż awtorizzat tal-fus singolu ta’ 8 tunnellati
b’teħid inkunsiderazzjoni tal-bżonn li jiġu protetti t-toroq u li jiġi żgurat it-tranżitu.
3. It-toroq reġjonali, barra dawk iddefiniti konformement mal-punt 1 tal-paragrafu 2, tat-toroq tad-distrett u t-toroq komunali li jikkostitwixxu netwerk tat-toroq li fuqhom jistgħu jiċċirkolaw il-vetturi b’piż awtorizzat tal-fus singolu ta’ 8 tunnellati.”
16.
Fuq il-bażi tal-Artikolu 41(2) tal-Liġi fuq it-Toroq Pubbliċi, il-Minister Infrastruktury i Rozwoju (il-Ministru għall-Infrastruttura u għaż-Żvilupp, il-Polonja), stabbilixxa, fit-13 ta’ Mejju 2015, ir-rozporządzenie w sprawie wykazu dróg krajowych oraz dróg wojewódzkich, po których mogą poruszać się pojazdy o dopuszczalnym nacisku pojedynczej osi do 10 t, oraz wykazu dróg krajowych, po których mogą poruszać się pojazdy o dopuszczalnym nacisku pojedynczej osi do 8 t (ir-Regolament Dwar il-Lista ta’ Toroq Nazzjonali u Reġjonali li Fuqhom Jistgħu Jiċċirkolaw il-Vetturi ta’ Piż Awtorizzat tal-Fus Singolu ta’ 10 Tunnellati u l-Lista ta’ Toroq Nazzjonali li Fuqhom Jistgħu Jiċċirkolaw il-Vetturi ta’ Piż Awtorizzat tal-Fus Singolu ta’ 8 Tunnellati) ( 18 ).
17.
Il-punt 35a) tal-Artikoku 2 tal-prawo o ruchu drogowym (il-Liġi fuq it-Traffiku fit-Toroq) ( 19 ), tal-20 ta’ Ġunju 1997, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data meta seħħew il-fatti ( 20 ), jiddefinixxi vettura mhux standard bħala vettura jew kombinazzjoni ta’ vetturi li l-piż tal-fus, b’tagħbija jew le huwa ogħla minn dawk awtorizzat u previst għal triq partikolari mid-dispożizzjonijiet dwar it-toroq pubbliċi, jew li d-dimensjonijiet jew il-piż totali reali, b’tagħbija jew le huma ogħla minn dawk awtorizzati u previsti mid-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi.
18.
Il-punt 35b) tal-Artikolu 2 tal-Liġi fuq it-Traffiku fit-Toroq jiddefinixxi tagħbija indiviżibbli bħala tagħbija li ma tistax tinqasam f’żewġ tagħbijiet jew iktar mingħajr spejjeż żejda jew riskju ta’ ħsara bla qies.
19.
L-Artikolu 64(1) sa (3) ta’ din il-liġi jistabbilixxi:
“1. Il-vetturi mhux standard huma awtorizzati sabiex jiċċirkolaw sakemm josservaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:
1)
il-kisba ta’ awtorizzazzjoni ta’ ċirkolazzjoni għal vetturi mhux standard tal-kategorija korrispondenti, maħruġa mill-awtorità kompetenti permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva […];
2)
l-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ ċirkolazzjoni stabbiliti fl-awtorizzazzjoni prevista fil-punt 1);
3)
is-sewqan tal-vettura mhux standard minn xufier[ ( 21 )] meta l-vettura taqbeż mill-inqas wieħed mid-dimensjonijiet li ġejjin:
a)
tul: 23 m;
b)
wisa’: 3.2 m;
c)
għoli: 4.5 m;
d)
piż reali totali: 60 tunnellata;
4)
viġilanza partikolari minn naħa tas-sewwieq tal-vettura mhux standard.
2. It-trasport, minn vettura mhux standard, ta’ tagħbijiet li ma humiex indiviżibbli huwa pprojbit, bl-eċċezzjoni ta’ vetturi mhux standard awtorizzati sabiex jiċċirkolaw abbażi ta’ awtorizzazzjoni tal-kategorija I jew II.
3. Id-dimensjonijiet, il-piż u l-piż awtorizzat tal-fus tal-vetturi mhux standard awtorizzati sabiex jiċċirkolaw abbażi ta’ awtorizzazzjoni tal-kategoriji I sa VII kif ukoll it-toroq li fuqhom dawn il-vetturi huma ammessi għaċ-ċirkolazzjoni huma ppreċiżati fit-tabella [ ( 22 )] tal-Anness 1 ta’ din il-liġi.”
20.
L-Artikoli 64a. sa 64d. tal-imsemmija liġi jiddefinixxu, għal kull waħda mis-seba’ kategoriji ta’ vetturi mhux standard, il-proċedura li tirrigwarda l-preżentata ta’ applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni, kif ukoll dik li tirrigwarda l-għoti tagħha. F’dak li jikkonċerna l-vetturi ta’ piż awtorizzat tal-fus tas-sewqan singolu ta’ 11.5 tunnellata, l-awtorizzazzjoni hija tal-kategorija I jew IV skont il-kategorija ta’ toroq pubbliċi li fuqhom dawn il-vetturi jiċċirkolaw.
21.
L-Artikolu 64a(3) tal-liġi fuq it-traffiku fit-toroq jippreċiża li l-awtorizzazzjoni tal-kategorija I ( 23 ) tingħata mill-operatur tat-toroq kompetenti li fuqhom ser jitwettaq il-vjaġġ. L-awtorizzazzjoni tinħareġ f’terminu ta’ seba’ t’ijiem tax-xogħol li jibdew jiddekorru mill-ġurnata tal-preżentata ta’ din l-applikazzjoni.
22.
Huwa indikat fil-punt 2 tal-Artikolu 64c.(3) ta’ din il-liġi li l-awtorizzazzjoni, b’mod partikolari tal-kategorija IV ( 24 ) tinħareġ mill-Generalny Dyrektor Dróg Krajowych i Autostrad (id-Direttur Ġenerali tat-Toroq Nazzjonali u tal-Awtostradi, il-Polonja). Konformement mal-Artikolu 64c(4), waqt id-dħul fit-territorju tar-Repubblika tal-Polonja, din l-awtorizzazzjoni tingħata wkoll min-naczelnik urzędu celno (id-Direttur tal-Uffiċċju tad-Dwana u tat-Taxxi, il-Polonja). Konformement mal-Artikolu 64c.(7), l-awtorizzazzjoni tal-kategorija IV tinħareġ f’terminu ta’ tlett ijiem tax-xogħol li jibdew jiddekorru mill-ġurnata tal-preżentata ta’ din l-applikazzjoni.
23.
Konformement mal-punt 3 tal-Artikolu 64d.(2) tal-Liġi Fuq it-Traffiku fit-Toroq, iċċitat mir-Repubblika tal-Polonja, l-awtorizzazzjoni tingħata b’mod partikolari meta jkun possibbli li jiġi identifikat itinerarju li jiggarantixxi lis-sigurtà u l-effikaċja tat-traffiku fit-toroq, u, b’mod partikolari meta:
“a)
l-intensità tat-traffiku jippermetti ċirkolazzjoni sikura tal-vettura mhux standard;
b)
l-istat tal-kwalità teknika tal-bini li jinsab tul l-itinerarju previst (u dan l-istat għandu jiġi ddeterminat fuq il-bażi tar-ragoli tad-dritt tal-kostruzzjoni) jippermeti tali ċirkulazzjoni;
c)
l-imsemmija ċirkolazzjoni ma tipperikolax l-istat tekniku tal-bini li jinsab viċin tal-itinerarju msemmi iktar ’il fuq.”
24.
L-Artikolu 64f. ta’ din il-liġi jistabbilixxi, għal kull kategorija, il-limitu ta’ ħlas dovut għall-għoti tal-awtorizzazzjoni, li jvarja bejn 240 zloty Pollakk (PLN) (madwar EUR 55 ( 25 )) għall-kategorija I u PLN 5800 (madwar EUR 1326) għall-kategorija VI. Għall-kategorija IV, l-ammont massimu huwa stabbilit għal PLN 3600 (madwar EUR 823).
25.
Fit-taqsima 4 tal-istess liġi, l-Artikoli 140aa et seq. jipprevedu l-multi imposti fuq il-vetturi mhux standard li jiċċirkolaw mingħajr awtorizzazzjoni jew bi ksur tal-kundizzjonijiet iddefiniti fl-awtorizzazzjoni.
26.
Ir-Repubblika tal-Polonja ppreċiżat li l-ammont preċiż ta’ ħlas dovut għall-awtorizzazzjoni huwa stabbilit mir-rozporządzenie Ministra Transportu, Budownictwa i Gospodarki Morskiej w sprawie wysokości opłat za wydanie zezwolenia na przejazd pojazdu nienormatywnego (ir-Regolament tal-Ministru għat-Trasport, għall-Kostruzzjoni u għall-Ekonomija Marittima li Jikkonċerna l-Ammont tal-Ħlas Dovut għall-Awtorizzazzjoni taċ-Ċirkolazzjoni ta’ Vetturi Mhux Standard) ( 26 ), tat‑28 ta’ Marzu 2012, u jogħla sa:
“1)
għall-kategorija I:
–
PLN 50 [madwar EUR 11.50] għal awtorizzazzjoni valida għal xahar;
–
PLN 100 [madwar EUR 23] għal awtorizzazzjoni valida għal sitt xhur;
–
PLN 200 [madwar EUR 46] għal awtorizzazzjoni valida għal tnax-il xahar.
[…]
4)
għall-kategorija IV:
–
PLN 500 [madwar EUR 115] għal awtorizzazzjoni valida għal xahar;
–
PLN 1000 [madwar EUR 230] għal awtorizzazzjoni valida għal sitt xhur;
–
PLN 2000 [madwar EUR 460] għal awtorizzazzjoni valida għal tnax-il xahar;
–
PLN 3000 [madwar EUR 686] għal awtorizzazzjoni valida għal 24 xahar.”
II. Il-proċedura prekontenzjuża
27.
Wara lmenti ppreżentati mill-impriżi tat-trasport li jeżerċitaw l-attività tagħhom fuq it-territorju Pollakk u l-ġabra ta’ informazzjoni mir-Repubblika tal-Polonja, fil-kuntest ta’ proċedura EU Pilot ( 27 ), il-Kummissjoni indirizzat, fit‑30 ta’ April 2015, lil dan l-Istat Membru ittra ta’ intimazzjoni.
28.
Permezz ta’ din l-ittra, il-Kummissjoni talbet l-attenzjoni tar-Repubblika tal-Polonja għall-fatt li ċerti dispoizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tagħha ma kinux konformi mal-obbligi li hija għandha, minn naħa, taħt l-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/53, minnħabba l-fatt li kważi 97 % tan-netwerk tat-toroq Pollakk kien magħluq għaċ-ċirkolazzjoni tal-vetturi li josservaw il-limiti ta’ piż stabbiliti fil-punti 3.1.u/jew 3.4. tal-Anness I ta’ din id-direttiva, kif ukoll, min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, peress li dan l-Istat Membru invoka d-derogi previsti f’din id-dispożizzjoni, mingħajr ma ġġustifika r-raġunijiet li minħabba fihom, 97% tan-netwerk tat-toroq Pollakk seta’ jibbenefika minnhom.
29.
Barra minn hekk, permess tal-ittra ta’ intimazzjoni tagħha, il-Kummissjoni kkontestat is-sistema speċjali ta’ awtorizzazzjoni li tippermetti lill-vetturi li josservaw il-limitazzjonijiet ta’ piż stabbiliti fil-punti 3.1. u/jew 3.4. tal-Anness I tad-Direttiva 96/53 li jiċċirkolaw fuq l-infrastrutturi normalment magħluqa għal dawn il-vetturi.
30.
Billi kkunsidrat li r-risposta tar-Repubblika tal-Polonja tad‑29 ta’ Ġunju 2015 ma kinitx sodisfaċenti, il-Kummissjoni ħarget, permezz ta’ ittra tas‑26 ta’ Frar 2016, opinjoni motivata. Hija sostniet li r-Repubblika tal-Polonja ma osservatx l-obbligi li hija għandha taħt id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 3 u 7 tad-Direttiva 96/53, billi llimitat iċ-ċirkolazzjoni tal-vetturi mhux tas-sewqan li l-piż massimu tal-fus tas-sewqan singolu tagħhom huwa ta’ 11.5 tunnellata għat-toroq li huma parti min-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u għal ċerti toroq oħra nazzjonali, kif ukoll billi tissuġġetta liċ-ċirkolazzjoni ta’ dawn il-vetturi fuq toroq pubbliċi oħra għal sistema ta’ awtorizzazzjoni speċjali li hija tikkontesta wkoll il-ħtieġa tagħha.
31.
Ir-Repubblika tal-Polonja ressqet lill-Kummissjoni, fis‑26 ta’ April 2016, talba għal proroga tat-terminu tar-risposta għall-opinjoni motivata, li ġiet miċħuda mill-Kummissjoni, minħabba l-fatt li ma kienx fiha informazzjoni konkreta fuq l-emendi leġiżlattivi previsti sabiex jintemm dan il-ksur.
32.
Fir-risposta tagħha għall-opinjoni motivata tat‑30 ta’ Awwissu 2016, ir-Repubblika tal-Polonja informat lill-Kummissjoni bl-isforzi tagħha sabiex, prinċipalment, tkabbar in-netwerk tat-toroq pubbliċi li fuqhom huwa awtorizzat iċ-ċirkolazzjoni tal-vetturi li l-piż massimu tal-fus huwa ta’ 11.5 tunnellata, kif ukoll l-emendi tad-dispożittivi leġiżlattivi u regolamentarji applikabbli intiżi sabiex jitnaqqas in-numru ta’ sezzjonijiet ta’ toroq nazzjonali u reġjonali, suġġetti għal limitazzjonijiet ta’ piż tal-vetturi. Ir-Repubblika tal-Polonja ppreċiżat li dawn l-emendi kellhom jidħlu fis-seħħ f’Mejju 2017 u fi Frar 2018.
33.
Peress li ma kinitx konvinta bil-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-emendi ddikjarati u billi ma aċċettatx it-terminu li fih kellhom iseħħu l-emendi testwali, il-Kummissjoni ddeċidiet li ppreżenta dan ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 258 TFUE.
34.
Permezz ta’ lment uniku, il-Kummissjoni takkuża lir-Repubblika tal-Polonja li naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 3 u 7 tad-Direttiva 96/53, moqrija flimkien mal-punti 3.1. u 3.4. tal-Anness I tiegħu billi ssuġġettat, b’mod partikolari, iċ-ċirkolazzjoni tal-vetturi li l-piż massimu tal-fus tas-sewqan huwa ta’ 11.5 tunnellata f’numru għoli wisq ta’ toroq pubbliċi, għal sistema ta awtorizzazzjoni speċjali.
III. L-argumenti tal-partijiet
A. Il-Kummissjoni
35.
Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-limitazzjoni tal-aċċess għat-toroq pubbliċi tal-vetturi u l-karrijiet tagħhom, previsti mid-Direttiva 96/53 ( 28 ), li josservaw il-piż massimu awtorizzat tal-fus, jiġifieri 10 tunnellati għall-fus mhux tas-sewqan u 11.5 tunnellata għal fus tas-sewqan, li tirrizulta mill-kombinazzjoni ta’ żewġ fatturi, jiġifieri, l-ewwel nett, il-ftuħ ta’ traffiku għal vetturi fejn il-piż massimu tal-fus tas-sewqan huwa ta’ 11.5 unnellata fit-toroq biss li huma parti minn netwerk trans-Ewropew biss u ta’ ċerti toroq oħra nazzjonali, li jirriżulta mill-Artikolu 41(2) tal-Liġi Fuq it-Toroq Pubbliċi, u, it-tieni nett, l-obbligu li jkun hemm awtorizzazzjoni speċjali li tippermetti ċ-ċirkolazzjoni fuq toroq oħra, konformement mal-Artikoli 64 et seq. tal-Liġi Fuq it-Traffiku fit-Toroq.
36.
Sabiex jiġi illustrat l-impatt ekonomiku ta’ dan l-obbligu fuq l-attività ta’ fabbriki ta’ importanza Ewropea u internazzjonali, il-Kummissjoni ċċitat b’mod partikolari l-eżempju ta’ toroq li jippermettu l-aċċess lejn il-belt ta’ Kętrzyn (il-Polonja), fejn huma stabbiliti l-fabbriki Plastivaloire u Philips, li s-sistema ta’ ċirkolazzjoni tobbliga lit-trasportaturi sabiex jagħmlu devjazzjonijiet twal sabiex iwasslu l-prodotti mmanifatturati f’dawn il-fabbriki lejn is-swieq tal-Ewropa tal-Punent.
1. Fir-rigward tal-limitazzjoni tat-traffiku internazzjoni fit-toroq tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u f’ċerti toroq nazzjonali
37.
Il-Kummissjoni ssostni argument prinċipali li jgħid li l-limitazzjoni prevista mil-leġiżlazzjoni Pollakka hija kuntrarja għall-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/53 li jistabbilixxi sistema ta’ moviment liberu tal-vetturi li l-piż massimu tal-fus tas-sewqan huwa ta’ 11.5 tunnellata.
38.
F’dan ir-rigward, hija ssostni, fl-ewwel lok li, għalkemm l-Artikolu 41(1) tal-liġi fuq it-toroq pubbliċi jistabbilixi l-prinċipju ta’ ċirkolazzjoni tal-vetturi li l-piż massimu tal-fus tas-sewqan huwa ta’ 11.5 tunnellata fuq it-toroq pubbliċi kollha, il-paragrafi (2) u (3) ta’ dan l-artikolu jintroduċu xi derogi li jċaħħdu lill-paragrafu 1 mis-sustanza tiegħu peress li jwasslu għall-esklużjoni ta’ kważi 97% tan-netwerk tat-toroq għal dawn il-vetturi.
39.
Fit-tieni lok, hija tenfassizza li, mill-informazzjoni pprovduta mir-Repubblika tal-Polonja fid‑29 ta’ Ġunju 2015, jirriżulta li mill-inqas 40 % tan-netwerk tal-awtostradi u toroq nazzjonali huma miftuħa mingħajr restrizzjoni għaċ-ċirkolazzjoni tal-vetturi li l-piż massimu tal-fus tas-sewqan huwa ta’ 11.5 tunnellata li jirrapreżenta inqas minn 4 % tan-netwerk tat-toroq ikkostitwit mill-awtostradi, toroq nazzjonali u toroq reġjonali l-iktar importanti fit-territorju Pollakk.
40.
Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-Repubblika tal-Polonja li jgħid li huma biss t-toroq li fihom huwa kkonċentrat it-traffiku internazzjonali, jiġifieri t-traffiku transkonfinali fuq in-netwek tat-trasport fit-toroq trans-Ewropew, li jaqgħu taħt ir-rekwiżiti tad-Direttiva 96/53. Minn naħa, hija ssostni, billi tipprovdi diversi eżempji, li xi sezzjonijiet ta’ toroq li jippermettu l-aċċess lejn bliet importanti, ikkonċernati bit-trasport internazzjonali u speċjalment mit-tagħbija u l-ħatt ( 29 ), ma jistgħux jintużaw liberament.
41.
Min-naħa l-oħra, hija tinnota li, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-Repubblika tal-Polonja, l-ebda restrizzjoni ma tidher fid-Direttiva 96/53, konformement mal-għanijiet li hija tipprevedi, minn meta daħlet fis-seħħ u li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ma ġiex emendat wara l-ħolqien tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport mid-Deċiżjoni Nru 1692/96, anki jekk din tipparteċipa fl-istess għan li tiġi ffaċilitata ċ-ċirkolazzjoni tal-merkanzija. Hija tippreċiża li, għalkemm l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva ma fihx definizzjoni tat-traffiku internazzjonali, il-premessi 3 u 7 tal-imsemmija direttiva, li jirreferu għaċ-ċirkolazzjoni bejn l-Istati Membri, moqrija fid-dawl tal-premessa 12 tagħha, jindikaw li dan il-kunċett għandu jiġi interpretat bħala li jikkonċerna kull ċirkolazzjoni transkonfinali mingħajr kunsiderazzjoni tat-tip ta’ toroq. Kull interpretazzjoni differenti ċċaħħad mis-sens tiegħu lill-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/53.
42.
Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-argumenti tar-Repubblika tal-Polonja bbażati fuq l-istat tal-infrastruttura tat-toroq, il-Kummissjoni tenfassizza li, għalkemm id-Direttiva 96/53 ma timponix l-obbligu li jinbnew it-toroq pubbliċi kollha sabiex il-kriterji tal-punti 3.1. u 3.4. tal-Anness I ikunu jistgħu jiġu osservati, l-Istati Membri jkollhom madankollu josservawhom. Barra minn hekk, it-toroq li jifilħu għal piż ta’ 10 tunnellati jkunu jistgħu jifilħu traffiku limitat ta’ vetturi li l-piż tagħhom tal-fus tas-sewqan huwa ta’ 11.5 tunnellata.
43.
Inżid li r-Repubblika tal-Polonja ma tistax ma tosservax l-istandards adottati fid-Direttiva 96/53, dwar il-piż massimu awtorizzat tal-fus, billi tinvoka t-tfittxija tal-ekwilibriju, prevista fil-premessa 5, anki meta din isseħħ.
44.
F’dak li jikkonċerna l-kategorija u l-lokalizzazzjoni tat-toroq pubbliċi, li l-biċċa l-kbira tagħhom huma mingħajr tarmak, invokati mir-Repubblika tal-Polonja, il-Kummissjoni tikkunsidra li dan ma huwiex argument validu peress li d-dibattitu ma jirrigwardax it-toroq fejn ma hemmx postijiet importanti ta’ tagħbija u ħatt fejn l-istat tagħhom jista’ jiġġustifika li jaqgħu taħt l-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/53, iżda lill-maġġoranza ta’ toroq bit-tarmak li jistgħu jintużaw.
45.
Fil-ħames lok, il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-Repubblika tal-Polonja bbażat fuq il-paragrafu 3 tal-punt 8 tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, minħabba l-fatt li l-ewwel subparagrafu ta’ dan jeżiġi b’mod ċar adattament għat-traffiku internazzjoni ta’ toroq oħra barra dawk tan-netwerk tat-trasport bit-triq Trans-Ewropew, wara l‑31 ta’ Diċembru 2010, mingħajr ma jkun hemm stennija għall-progressjoni tal-modernizzazzjoni tan-netwerk tat-toroq nazzjonali, kif kien ġie ammess waqt il-perijodu tranżitorju.
46.
B’mod supplimentari, hija tindika li, mill-2004, diversi eluf ta’ kilometri ta’ toroq barra t-toroq nazzjonali jew tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport kienu ġew immodernizzati fil-kuntest tal-programm nazzjonali ta’ kostruzzjoni mill-ġdid ta’ toroq lokali, iffinanzjati mill-fondi Ewropej. Issa, skont il-leġiżlazzjoni Pollakka, bħala prinċipju, dawn it-toroq kummerċjali, jew distrettwali jaqgħu taħt il-limitazzjoni ta’ piż tal-fus singolu ta’ 8 tunnellati, mingħajr distinzjoni skont il-modernizzazzjoni tagħhom. Dan għadu l-istess mid-dħul fis-seħħ tar-rozporządzenie Ministra Infrastruktury i Budownictwa w sprawie wykazu dróg krajowych oraz dróg wojewódzkich, po których mogą poruszać się pojazdy o dopuszczalnym nacisku pojedynczej osi do 10 t, oraz wykazu dróg krajowych, po których mogą poruszać się pojazdy o dopuszczalnym nacisku pojedynczej osi do 8 t (ir-Regolament tal-Ministru għall-Infrastruttura u għall-Kostruzzjoni dwar il-Lista ta’ Toroq Nazzjonali u Reġjonali li Fuqhom Jistgħu Jiċċirkolaw il-Vetturi ta’ Piż Awtorrizzat tal-Fus tas-Sewqan Singolu ta’ 10 Tunnellati u l-Lista ta’ Toroq Nazzjonali li Fuqhom Jistgħu Jiċċirkolaw il-Vetturi ta’ Piż Awtorrizzat tal-Fus Motorizzat Singolu ta’ 8 Tunnellati) ( 30 ) tal‑21 ta’ April 2017, li għalih tagħmel riferiment ir-Repubblika tal-Polonja, daħal fis-seħħ sussegwentement għall-preżentata tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li bl-effett tiegħu l-vetturi ta’ piż massimu tal-fus konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 96/53 xorta ma jistgħux jiċċirkolaw mingħajr awtorizzazzjoni fuq kważi 45 % tat-toroq nazzjonali. Hija tqis ukoll, li peress li ċ-ċirkolazzjoni kienet madankollu possibbli permezz ta’ awtorizzazzjoni bi ħlas, il-motiv ta’ difiża bbażat fuq il-modernizzazzjoni li qed issir tan-netwerk tat-toroq huwa infondat.
47.
Il-Kummissjoni tinvoka argument sekondarju li jgħid li r-restrizzjonijiet previsti fl-Artikolu 41(2) u (3) tal-Liġi Fuq it-Toroq Pubbliċi huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/53, li jipprevedi eċċezzjoni mill-prinċipju ta’ moviment liberu tal-vetturi li l-piż massimu tal-fus tas-sewqan huwa ta’ 11.5 tunnellata. Qabel kollox, il-Kummissjoni tfakkar li r-Repubblika tal-Polonja ma tistax issostni li l-limitazzjoni tikkonċerna t-toroq li fuqhom ma hemmx traffiku internazzjonali, minħabba r-raġuni prinċipali li l-ebda att tal-Unjoni ma jipprevedi tali distinzjoni.
48.
Sussegwentement, hija tippreċiża, li l-unika deroga possibbli mill-prinċipju ta’ moviment liberu fuq it-toroq kollha għandha tkun ibbażata fuq l-inadegwatezza tagħhom għaċ-ċirkolazzjoni tal-vetturi li l-piż massimu tal-fus tas-sewqan huwa ta’ 11.5 tunnellata. Il-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għandhom ikunu s-sigurtà ta’ dan it-traffiku, il-kapaċita tal-ġarr tal-istrutturi ta’ inġinerija u l-intensità tat-traffiku fit-toroq. Hija tenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/53, li jipprevedi l-fakultà ta’ derogazzjoni mill-prinċipju ta’ moviment liberu “fuq ċerti toroq jew strutturi ta’ inġinerija”, għandu jkun interpretat b’mod strett. Taħt dawn iċ-ċirkustanzi, id-derogi fuq 97 % tan-netwerk tat-toroq Pollakk, jew sempliċement, fuq it-totalità tat-toroq lokali, ikunu infondati.
49.
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tosserva li r-ristrezzjonijiet ta’ aċċess għal ċerti toroq pubbliċi Pollakki ma humiex ibbażati fuq xi kunsiderazzjonijiet tal-istat tagħhom jew tas-sezzjonijiet tagħhom, hekk kif jirriżulta mis-sistema tal-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ ċirkolazzjoni mhux limitati.
2. Fir-rigward tar-rekwiżit li jirrigwarda l-pussess ta’ awtorizzazzjoni speċjali għaċ-ċirkolazzjoni fuq toroq oħra
50.
Il-Kummissjoni ssostni li s-sistema ta’ projbizzjoni ta’ ċirkolazzjoni taħt il-kundizzjoni li tinkiseb awtorizzazzjoni hija kuntrarja għad-Direttiva 96/53 sa fejn tillimita u tostakola l-moviment liberu ta’ dawn il-vetturi.
51.
Hija tosserva li, skont is-sistema ristrettiva li għaliha huma suġġetti t-toroq reġjonali, distrettwali jew komunali, awtorizzazzjonijiet iridu jintalbu, għal kull waħda minnhom, mingħand awtoritajiet diversi, għal vjaġġ wieħed. Hija tikkunsidra li, fin-nuqqas ta’ uffiċċju uniku, u minħabba d-dewmien sabiex tinkiseb l-awtorizzazzjoni kif ukoll it-tariffi stabbiliti, is-sistema implimentata hija spiża, tieħu wisq ħin u tali li toħloq diskriminazzjoni indiretta kontra trasportaturi mhux residenti u li ġejjin mill-Istati Membri. Hija tippreċiża li, konformement mal-Artikolu 64(2) tal-Liġi fuq it-Traffiku fit-Toroq, l-awtorizzazzjonijiet tal-Kategorija IV, li jippermettu lill-vetturi li l-piż tal-fus tas-sewqan tagħhom huwa ta’ 11.5 tunnellata sabiex jiċċirkolaw fuq toroq nazzjonali, ma tistax isservi fil-każ tat-trasport ta’ tagħbijiet diviżibbli, filwaqt li dawn jikkostitwixxu l-maġġoranza tat-tagħbijiet ittrasportati bit-triq. B’hekk ix-xogħol tal-impriżi ta’ trasport isir iktar diffiċli minħabba l-obbligu li jintużaw numbru ikbar ta’ trakkijiet. Hija tenfassizza li dawn l-inkonvenjenzi kollha ġġustifikaw it-tressiq tal-ilmenti li wasslu għar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tagħha. Hija tinvoka wkoll restrizzjoni serja għall-libertà li jiġu pprovduti servizzi bit-triq.
52.
Hija ssostni li l-argument tar-Repubblika tal-Polonja li jgħid li s-sistema ta’ awtorizzazzjoni ma hijiex kuntrarja għad-Direttiva 96/53, peress li hija applikata mingħajr restrizzjoni jew diskriminazzjoni u b’rieda tajba, huwa mhux biss ineffettiv minħabba l-prinċipju ta’ moviment liberu stabbilit minn din id-direttiva, iżda juri wkoll li l-protezzjoni tal-infrastruttura tat-toroq u l-kontroll tan-numbru ta’ vetturi li jiċċirkolaw fuqha ma humiex tali li jiġġustifikaw is-sistema stabbilita mil-leġiżlatur Pollakk.
53.
Il-Kummissjoni żżid li ma jistax jiġi sostnut mir-Repubblika tal-Polonja li l-obbligu li tinkiseb awtorizzazzjoni huwa intiż sabiex jinkorraġixxi t-trasportaturi sabiex jiċċirkolaw fuq toroq paralleli li huma adattati aħjar għat-traffiku tat-trakkijiet, peress li din il-ġustifikazzjoni hija kuntrarja għall-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva.
54.
Barra minn hekk, hija tosserva, minn naħa, bħala eżempju, li għat-triq nazzjonali DK 92 bejn Berlin (il-Ġermanja) u Varsavja (il-Polonja), dan l-għan intlaħaq permezz ta’ mezz ieħor, jiġifieri dak tal-ġbir ta’ tariffa fuq it-trakkijiet, li huwa metodu ta’ ġestjoni raġonevoli tat-traffiku, bil-kontra tas-sistema ta’ awtorizzazzjonijiet. Min-naħa l-oħra, fakkar li, fuq ċerti toroq, sabiex ikun hemm aċċess għall-postijiet ta’ tagħbija u ħatt tal-merkanzija, ma hemmx soluzzjoni oħra għajr il-kisba ta’ awtorizzazzjoni.
B. Ir-Repubblika tal-Polonja
55.
Ir-Repubblika tal-Polonja tikkunsidra li r-rikors tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikoli 3 u 7 tad-Direttiva 96/53 u titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħdu.
1. Fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/53
a) Fuq it-toroq previsti mill-obbligu li tiġi ammessa ċ-ċirkolazzjoni tal-vetturi tqal li jintużaw “fit-traffiku internazzjonali”
56.
Fuq dan il-punt, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, fl-ewwel lok, li l-Kummissjoni tqis b’mod żbaljat li l-kunċett ta’ “traffiku internazzjonali” jirrigwarda t-totalità tan-netwerk tat-toroq tal-Istati Membri, filwaqt li dan jirriferi biss għat-traffiku transkonfinali u t-toroq li jifilħu għat-traffiku li huwa kkonċentrat fuqhom. Hija ssostni li l-interpretazzjoni estensiva tal-Kummissjoni tat-traffiku internazzjonali, li jwassal sabiex tinfetaħ kwalunkwe triq tal-Istati Membri, anki lokali, għall-vetturi li l-piż massimu tal-fus tas-sewqan huwa ta’ 11.5 tunnellata ma tirriżulta fl-ebda dispożizzjoni u la minn ebda premessa tad-Direttiva 96/53, u wkoll lanqas mid-dibattiti fid-dawl tal-emenda tagħha. Skont dan l-Istat Membru, din l-interpretazzjoni ċċaħħad mis-sens tiegħu it-tieni inċiż tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, li jillimita t-traffiku nazzjonali minħabba d-dimensjonijiet tal-vetturi.
57.
Ir-Repubblika tal-Polonja tinvoka wkoll l-obbligu li tiġi interpretata d-Direttiva 96/53, b’koerenza mad-Deċiżjoni Nru 1692/96 dwar in-netwerk trans-Ewropew tat-trasport, li l-għanijiet tagħha huma konverġenti, peress li dawn l-istrumenti saru vinkolanti flimkien waqt l-adezjoni tagħha mal-Unjoni.
58.
Minn dan, ir-Repubblika tal-Polonja tiddeduċi li hija ma kisritx l-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/53 billi dderogat mill-prinċipju ġenerali l-moviment liberu tal-vetturi li l-piż massimu tal-fus tas-sewqan huwa ta’ 11.5 tunnellata mill-użu ta’ ċerti toroq nazzjonali u lokali, bħalma huma t-toroq reġjonali, distrettwali u komunali. L-għażliet li hija wettqet huma intiżi sabiex tikseb l-għan stabbilit fil-premessa 5 tal-imsemmija direttiva. Hija wkoll fittxet ekwilibriju bejn l-użu razjonali u ekonomiku tal-vetturi tat-toroq utilitarji u r-rekwiżiti tal-manteniment tal-infrastruttura, tas-sigurtà fit-triq kif ukoll tal-protezzjoni tal-ambjent u tal-kwalità tal-ħajja.
59.
Sussidjarjament, ir-Repubblika tal-Polonja tinvoka d-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, li jinsab fl-Anness XII, li jirregolaw, fil-punt 8(3), il-kwistjonijiet marbuta mal-implimentazzjoni tad-Direttiva 96/53 u tad-Deċiżjoni 1692/96, u speċjalment it-tieni u t-tielet subparagrafi ta’ dan il-paragrafu li minnhom jirriżulta li l-ebda terminu ma ġie impost fuqha sabiex tadatta t-toroq l-oħra bħal dawk tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport, għall-livell massimu ta’ kapaċità ta’ ġarr.
60.
Minn naħa, hija tenfassizza li, konformement mat-tielet subparagrafu tal-punt 8(3) ta’ dan l-anness, il-ftuħ progressiv tan-netwerk tat-toroq lill-vetturi fit-traffiku internazzjonali kellu jseħħ b’mod parallel mat-tmiem tal-proċess ta’ modernizzazzjoni ta’ dawn it-toroq. Hija ma taqbilx mal-opinjoni tal-Kummissjoni li tgħid li din l-interpretazzjoni hija kuntrarja għad-dispożizzjonijiet tat-tieni sentenza ta’ dan it-tielet subparagrafu, li jipprevedu l-awtorizzazzjoni tal-użu ta’ dawn il-partijiet mhux modernizzati tan-netwerk sekondarju għall-finijiet ta’ tagħbija u ta’ ħatt, waqt il-perijodu tranżitorju kollu, minħabba l-fatt li hija eċezzjoni mill-prinċipju.
61.
Min-naħa l-oħra, hija tikkontesta l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-interpretazzjoni tagħha tad-dispożizzjonijiet tranżitorji twassal sabiex jiġi aċċettat li l-ftuħ tan-netwerk tat-toroq Pollakki, konformement mad-Direttiva 96/53, ma huwiex ser iseħħ qabel ma jgħaddu għexieren ta’ snin. Hija ssostni li l-isforzi ta’ modernizzazzjoni għandhom jitwettqu fuq it-toroq bit-tarmak, u li, minbarra dawk li diġà jintużaw, 54.2 % tat-totalità tat-toroq nazzjonali huma miftuħa għaċ-ċirkolazzjoni tal-vetturi inkwistjoni.
62.
F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Polonja tfakkar, qabel kollox, li madwar 91 % tat-toroq pubbliċi nbnew fil-Polonja qabel l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni, bil-limitu, għat-toroq nazzjonali, ta’ 10 tunnellati piż massimu tal-fus singolu u ta’ 8 tunnellati għat-toroq l-oħra, u li l-leġizlazzjoni Pollakka ġiet emendata sabiex jiġu osservati l-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni.
63.
Sussegwentement, ir-Repubblika tal-Polonja tippreċiża li t-toroq nazzjonali, li jirrappreżentaw 5 % tat-toroq pubbliċi, jifilħu sa 60 % tat-traffiku. Il-95 % li jibqgħu mit-toroq pubbliċi huma toroq lokali fejn 88 % huma toroq distrettwali u komunali. Huma jintużaw għal bżonnijiet lokali u terz mit-toroq pubbliċi ma għandhomx tarmak, hekk kif jirriżulta mill-istatistiċi uffiċjali tal-Eurostat, iċċitati mill-Kummissjoni. Konsegwentment, ir-Repubblika tal-Polonja tikkunsidra li l-Kummissjoni ma tistax tafferma li 97 % tan-netwerk tat-toroq Pollakk huwa magħluq għaċ-ċirkulazzjoni tal-vetturi li l-piż massimu tal-fus tas-sewqan huwa ta’ 11.5 tunnellata, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi ta’ dan in-netwerk.
64.
Fl-aħħar nett, hija qed tagħmel sforzi kostanti, wara l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni, sabiex tiftaħ toroq nazzjonali ġodda, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet tat-traffiku internazzjonali u tal-ambjent, u tinnota l-piż finanzjarju kunsiderevoli, fuq tul ta’ żmien twil, li jirrapreżenta l-adattament, eċċezzjonali fi Stat Membru tal-Unjoni, tan-netwerk tat-toroq kollu tiegħu għaċ-ċirkolazzjoni tal-vetturi li l-piż massimu tal-fus tas-sewqan huwa ta’ 11.5 tunnellata.
b) Fuq ir-rekwiżit li jirrigwarda l-pussess ta’ awtorizzazzjoni ta’ ċirkolazzjoni fuq toroq oħra
65.
Billi tibda mill-prinċipju li r-restrizzjoni tal-użu tan-netwerk tat-toroq ma huwiex kuntrarju għall-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/53, ir-Repubblika tal-Polonja żżid li huwa preċiżament grazzi għall-kontribuzzjoni finanzjarja għall-manteniment tat-toroq iddegradati mill-vetturi tqal li jiċċirkolaw fuqhom, previst mill-Artikoli 64 et seq. tal-Liġi Fuq it-Traffiku fit-Toroq, li huwa żgurat fuq perijodu ta’ żmien twil il-moviment liberu tal-vetturi li l-piż tal-fus tagħhom ma huwiex adattat għall-kapaċitajiet tekniċi ta’ dawn it-toroq.
66.
F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Polonja tinnota li l-Kummissjoni ppreżentat is-sistema ta’ awtorizzazzjoni b’mod parzjalment mhux eżatt u tippreċiża li l-awtorizzazzjonijiet jinħarġu mill-operatur tat-toroq, f’dak li jikkonċerna l-awtorizzazzjonijiet ta’ kategorija I ( 31 ), jew mid-Direttur Ġenerali tat-Toroq Nazzjonali u tal-Awtostradi, fir-rigward tal-awtorizzazzjonijiet tal-kategorija IV, intiżi għat-toroq nazzjonali kkonċernati. L-awtorizzazzjonijiet tal-kategorija I jinħarġu għat-trasportatur, skont l-applikazzjoni tiegħu, għal tul ta’ xahar, ta’ sitt xhur jew ta’ tnax-il xahar, mingħajr indikazzjoni tal-vetturi kkonċernati. L-awtorizzazzjoni tinħareġ f’terminu massimu ta’ seba’ t’ijiem tax-xogħol li jibdew jiddekorru mill-ġurnata tal-preżentata tal-applikazzjoni. L-istess regoli japplikaw għall-awtorizzazzjonijiet tal-kategorija IV, fejn dawn tal-aħħar jistgħu jinħarġu wkoll għal tul ta’ erbgħa u għoxrin xahar, u dan f’terminu massimu ta’ tliet’ijiem tax-xogħol li jibdew jiddekorru mill-ġurnata tal-preżentata tal-applikazzjoni.
67.
Skont ir-Repubblika tal-Polonja, sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali tal-partijiet ikkonċeranti, l-ammont massimu tat-tariffa għall-awtorizzazzjonijiet tal-kategorija I huwa ffissat għal PLN 240 (madwar EUR 55), filwaqt li, għall-awtorizzazzjonijiet tal-kategorija IV, jogħlew sa PLN 3600 (madwar EUR 850). Madankollu, l-ammont reali tat-tariffa, stabbilit mir-regolament tal-Ministru għat-Trasport, għall-Kostruzzjoni u għall-Ekonomija Marittima jikkonċerna l-ammont tat-tariiffa dovut għall-awtorizzazzjoni taċ-ċirkolazzjoni tal-vetturi mhux standard, li hija differenti skont it-tul ta’ kull awtorizzazzjoni. Konsegwentement, skont din l-iskema li ma nbidlitx mill-2012, l-awtorizzazzjoni l-iktar għolja tal-Kategorija I, valida għal tnax-il xahar, tiswa PLN 200 (madwar EUR 50), filwaqt li l-awtorizzazzjoni tal-kategorija IV, valida għal tnax-il xahar, tiswa PLN 2000 (madwar EUR 470) u dik valida għal erbgħa u għoxrin xahar PLN 3000 (madwar EUR 710) ( 32 ).
68.
Ir-Repubblika tal-Polonja tikkonkludi fuq dan il-punt, fir-risposta tagħha, billi tindika li ma taqbilx mal-analiżi tal-Kummissjoni li tgħid li din is-sistema tiswa ħafna u taħli l-ħin, peress li hija trasparenti u tiffaċilità ċ-ċaqliq tat-trasportaturi fuq in-netwerk kollu. Hija tirrifjuta, barra minn hekk, l-ipoteżi tal-Kummissjoni li tgħid li hemm interdizzjoni ta’ ċirkolazzjoni fil-każ ta’ nuqqas ta’ awtorizzazzjoni, peress li jkun possibbli li tintgħażel it-triq li fuqha ser jitwettaq it-trasport internazzjonali.
69.
Fil-kontroreplika tagħha, hija tqajjem l-inammissibbiltà, minħabba n-novità tagħhom, tal-motivi bbażati fuq diskriminazzjoni indiretta fir-rigward tat-trasportaturi ġejjin minn Stati Membri oħra u restrizzjoni għall-provvista libera ta’ servizzi bit-triq, invokati mill-Kummissjoni fil-kontroreplika tagħha ( 33 ). Hija żżid li, fi kwalunkwe każ, huma infondati peress li l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni jistgħu jinkisbu faċilment minn sit internet, li jingħataw għal perijodu ddeterminat, indipendentement min-numru ta’ tranżazzjonijiet ta’ trasport, u li l-ispiża tagħhom hija relattivament żgħira fir-rigward tal-bżonnijiet tat-trasportaturi. Hija ssostni li din is-sistema trasparenti u prattika hija konformi mal-aspettattivi tagħhom u ma kinitx is-suġġett ta’ kritika qabel l-ilment li ġiet adita bih il-Kummissjoni.
2. Fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/53
70.
Ir-Repubblika tal-Polonja tippreżenta l-argumenti tagħha, sussidjarjament wkoll, li minħabba fihom tikkunsidra li l-leġiżlazzjoni tagħha hija konformi mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/53.
71.
Hija ssostni li l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/53 jirriżulta minn interpretazzjoni stretta wisq ta’ din id-dispożizzjoni li hija kuntrarja għall-kliem tagħha, peress li, minn naħa, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tiegħu ma jillimitax ir-ristrezzjonijiet għan-natura inadattata tat-toroq għall-vetturi inkwistjoni, kif ukoll għas-“sezzjonijiet tat-triq partikolari”, u li, min-naħa l-oħra, il-każijiet previsti fit-tieni paragrafu huma biss eżempji.
72.
Minn dan iddeduċiet li hija tista’ tillimita ċ-ċirkolazzjoni mhux biss fuq toroq mhux adattati għat-traffiku ta’ vetturi tqal, iżda wkoll fuq il-partijiet tan-netwerk tat-toroq li fuqhom, minħabba l-kostruzzjoni tagħhom, il-passaġġ ta’ tali vetturi jkun perikoluż jew ukoll minħabba l-eżistenza ta’ diversi pontijiet, li l-kapaċità dgħajfa tagħhom li hija llimitata għal piż ta’ 20 tunnellata u 30 tunnellata ġiet injorata mill-Kummissjoni.
73.
Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Polonja tikkunsidra li, fir-rigward ta’ parti żgħira ta’ toroq lokali, li diġà ġew adattati għat-traffiku tal-vetturi li l-piż awtorrizzat tal-fus tas-sewqan singolu huwa ta’ 11.5 tunnellata, il-possibbiltà li jiġu introdotti xi limitazzjonijiet taqa’ taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/53, minħabba l-fatt li ma jkun hemm l-ebda interess prattiku li tiġi permessa ċ-ċirkolazzjoni tagħhom peress li dawn huma ġeneralment sezzjonijiet li ma humiex marbuta mal-bqija tas-sistema tat-toroq u ma jistgħux jiżguraw iċ-ċirkolazzjoni libera tat-traffiku.
74.
Hija tippreċiża, fir-rigward tal-eżempji tal-limitazzjonijiet fuq it-territorju Pollakk tal-vetturi tqal, ipprovduti mill-Kummissjoni, li ċ-ċirkolazzjoni tagħhom hija issa awtorizzata fil-parti l-kbira ta’ dawn l-eżempji u li, jekk dan ma kienx il-każ, fil-ġurnata tal-preżentata tal-osservazzjonijiet ( 34 ), kienu previsti xi emendi adattati.
75.
Barra minn hekk, hija tosserva li t-traffiku internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/53, ma huwiex ikkonċentrat fuq dawn is-sezzjonijiet, u tfakkar li d-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, ma jimponux għajr ftuħ progressiv tat-toroq li ma humiex parti minn netwerk trans-Ewropew tat-trasport għall-vetturi tqal.
IV. L-analiżi tiegħi
76.
Ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat mill-Kummissjoni jirrigwarda, essenzjalment, il-kondizzjonijiet tal-implimentazzjoni, fis‑26 ta’ April 2016, mir-Repubblika tal-Polonja, tal-prinċipju ta’ moviment liberu tal-vetturi tqal previsti mid-Direttiva 96/53 ( 35 ), stabbiliti fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, għat-traffiku internazzjonali, fil-limiti speċifikati fl-Anness I tagħha.
77.
Id-diskussjoni bejn il-partijiet għandha essenzjalment bħala suġġett il-portata ta’ din id-dispożizzjoni, peress li l-leġiżlazzjoni Pollakka tissuġġetta għal awtorizzazzjoni speċjali l-aċċess tal-vetturi tqal għat-toroq pubbliċi kollha, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li huma parti min-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u ċerti toroq nazzjonali oħra.
78.
Fl-opinjoni tiegħi, mill-kliem tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/53 u tal-għanijiet imfittxija, esposti fil-premessi 3, 7 u 12 tagħha, jirriżulta b’mod ċar li l-kliem “traffiku internazzjonali” jirrigwarda ċ-ċirkolazzjoni bejn l-Istati Membri u mhux iċ-ċaqliq fuq ċerti toroq nazzjonali jew tan-netwerk Trans-Ewropew. L-uniċi limiti fuq dan it-traffiku jirrigwardaw il-piż u d-dimensjonijiet tagħhom li l-valuri tagħhom huma ppreċiżati fl-Anness I ta’ din id-direttiva, li jirriżultaw mit-tfittxija għall-ekwilibriju prevista fil-premessa 5 tagħha.
79.
Din l-assenza ta’ distinzjoni bejn it-tip ta’ toroq b’hekk wassal lil-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex jipprevedi li jkun hemm eċċezzjoni mill-prinċipju ta’ moviment liberu sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta’ adattament ta’ ċerti minnhom jew ta’ ċerti strutturi ta’ inġinerija. L-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/53 huwa intiż sabiex jintlaħaq dan l-għan. B’mod klassiku ħafna, peress li din hija deroga, għandha tiġi interpretata b’mod strett.
80.
Minħabba l-għan ta’ din id-dispożizzjoni, l-applikazzjoni tagħha tirrekjedi wkoll xi ġustifikazzjonijiet preċiżi għal kull każ partikolari u għandha twassal sabiex jintagħżlu xi miżuri intiżi sabiex tiġi protetta l-infrastruttura meta din ma tkunx adattata għaċ-ċirkolazzjoni tal-vetturi li d-dimensjonijiet u l-piż tagħhom jilħqu l-ogħla limiti ta’ dawn il-valuri. Konsegwentement, jekk ikun ġust li jiġi kkunsidrat, kif issostni r-Repubblika tal-Polonja, li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 7 ma jipprovdix ħlief eżempju tal-miżuri li jistgħu jittieħdu, dan xorta jwassal sabiex jiġi kkonfermat dak li huwa stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7, jiġifieri li l-miżuri għandhom jikkonsistu biss sabiex jillimitaw il-piż jew id-dimensjonijiet ta’ vettura fil-konfront tal-inadattament ta’ ċerti postijiet għaċ-ċirkolazzjoni tagħhom.
81.
Għaldaqstant, huwa fid-dawl ta’ dawn l-elementi li għandha tiġi evalwata l-fondatezza tal-ilment tal-Kummissjoni.
82.
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-limitazzjoni ta’ traffiku internazzjonali lejn ċerti toroq, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm l-Artkolu 41(1) tal-Liġi fuq it-Toroq Pubbliċi jistabbilixi li l-prinċipju ta’ moviment liberu fuq it-toroq pubbliċi li l-piż massimu tal-fus tas-sewqan huwa ta’ 11.5 tunnellata, f’konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva 96/53, dan għandu ħafna riżervazzjonijiet li jnaqqsu kunsiderevolment il-portata tiegħu.
83.
Fil-fatt, mill-Artikolu 41(2) u (3) jirriżulta li:
–
fuq ċerti toroq nazzjonali tista’ tiċċirkola kull vettura b’“fus singolu” ta’ 10 tunnellati jew 8 tunnellati biss;
–
fuq ċerti toroq reġjonali tista’ tiċċirkola kull vettura bi “fus singolu ” ta’ 10 tunnellati;
–
fuq toroq reġjonali oħra, fuq it-toroq distrettwali u fuq it-toroq komunali tista’ tiċċirkola kull vettura kull vettura bi “fus singolu” ta’ 8 tunnellati.
84.
Għaldaqstant, hekk kif ikkonfermat ir-Repubblika tal-Polonja waqt is-seduta, fl-assenza ta’ distinsjoni, fil-kliem tal-Artikolu 41(2) u (3) tal-Liġi fuq it-Toroq Pubbliċi, bejn fus tas-sewqan u fus mhux tas-sewqan, il-projbizzjoni għaċ-ċirkolazzjoni tirrigwarda kull fus ta’ iktar minn 8 tunnellati jew ta’ 10 tunnellati.
85.
Issa, minn naħa, fl-Anness I tad-Direttiva 96/53, li jistabbilixxi l-valuri limiti ta’ piż awtorizzat tal-fus tal-vetturi inkwistjoni, hemm distinzjoni bejn il-piż tal-“fus motorizzat [tas-sewqan]” u l-“fus singolu mhux tas-sewqan” jew “fus[ijiet] singol[i]”. Min-naħa l-oħra, il-piż massimu awtorizzat tal-fus tas-sewqan huwa stabbilit għal 11.5 tunnellata u għal fus singolu mhux tas-sewqan, l-ammont huwa ta’ 10 tunnellati. Għaldaqstant, il-limitu ma jistax jiġi ffissat għall-fusijiet tas-sewqan għal 10 tunnellati u għal fusijiet singoli mhux tas-sewqan għal 8 tunnellati. Fi kliem ieħor, jekk nikkunsidraw li t-terminoloġija tal-leġiżlazzjoni Pollakka, il-vetturi li l-piż massimu tal-fus tas-sewqan huwa ta’ 11.5 tunnellata ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li ma huwiex standard ( 36 ), peress li dan il-piż huwa konformi ma’ dak previst fl-Anness I tad-Direttiva 96/53. Dan huwa minnu wkoll għall-vetturi li piż massimu tal-fus singolu mhux tas-sewqan huwa ta’ 10 tunnellati, suġġetti f’ċerti toroq għal-limitazzjoni ffissata għal 8 tunnellati.
86.
Barra minn hekk, kif ġie kkonfermat ukoll waqt is-seduta, fil-każ ta’ tagħbija indiviżibbli, il-projbizzjoni ta’ ċirkolazzjoni tikkonċerna lit-trasport minn vettura “mhux standard”, fis-sens tal-leġiżlazzjoni Pollakka, hija assoluta fir-rigward ta’ ċerti toroq nazzjonali ( 37 ), bl-effett tal-Artikolu 64(2) tal-Liġi fuq it-Traffiku fit-Toroq li jorganizza s-sistema ta’ awtorizzazzjoni għaċ-ċirkolazzjoni fit-toroq suġġetti għar-restrizzjonijiet ta’ aċċess, ibbażati fuq l-Artikolu 41(2) tal-Liġi fuq it-Toroq Pubbliċi.
87.
Barra minn hekk, huwa paċifiku li, bl-effett tal-leġiżlazzjoni Pollakka, 97 % tat-toroq pubbliċi huma pprojbiti għaċ-ċirkolazzjoni tal-vetturi li l-piż massimu tal-fus tas-sewqan huwa ta’ 11.5 tunnellata, bla ħsara għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni speċjali ( 38 ). Sabiex tiġi evalwata l-fondatezza ta’ dan ir-rikors, ma huwiex neċessarju li tiġi eżaminata l-kwistjoni, imqajma mir-Repubblika tal-Polonja, tal-opportunità li jkinżamm tali proporzjon, minħabba l-istat tan-netwerk tat-toroq. Huwa suffiċjenti li jiġu esposti l-konsegwenzi tad-dispożizzjonijiet legali Pollakki fil-każ taċ-ċirkolazzjoni fuq in-netwerk tat-toroq li jistgħu jintużaw spiss.
88.
Skont l-istatistiċi tat-tmiem tas-sena 2015, ipprovduti mir-Repubblika tal-Polonja, inqas minn 40 % tan-netwerk tal-awtostradi u tat-toroq nazzjonali kienu miftuħa mingħajr restrizzjoni għaċ-ċirkolazzjoni tal-vetturi inkwistjoni, li jirrapreżenta inqas minn 4 % ( 39 ) tan-netwerk tat-toroq ikkostitwiti mill-awtostradi, mit-toroq nazzjonali u mit-toroq reġjonali l-iktar importanti fit-territorju Pollakk. F’dan ir-rigward, bħala eżempju, mir-risposta tar-Repubblika tal-Polonja jirriżulta li l-aċċess liberu għal-bliet ta’ Łomża, Nowy Sącz, Piła, Koszalin, Poznań (il-Polonja), iċċitati mill-Kummissjoni fir-rikors tagħha, permezz ta’ toroq nazzjonali li jippermettu l-moviment liberu tal-vetturi li l-piż awtorizzat tal-fus tas-sewqan huwa ta’ 11.5 tunnellata baqa’ possibbli biss minn meta daħal fis-seħħ ir-Regolament tal-Ministru għall-Infrastruttura u għall-Kostruzzjoni tal‑21 ta’ April 2017, iċċitat fil-punt 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat li, fil-periferija ta’ Wrocław u Kraków (il-Polonja), ma hemmx aċċess liberu għall-postijiet ta’ tagħbija u ta’ ħatt, filwaqt li huma essenzjali fil-qasam tat-trasport bit-triq internazzjonali tal-merkanzija. Bl-istess mod, ma hijiex ikkontestata l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li jeżisti, mill-2017, fuq il-vjaġġ minn Kętrzyn lejn l-Ewropa tal-Punent, l-obbligu li jintalbu żewġ jew tlett awtorizzazzjonijiet mingħand żewġt awtoritajiet differenti għal ammont ta’ PLN 100-150 (madwar EUR 23-35), sabiex jitwettaq vjaġġ wieħed ta’ madwar 25 kilometru.
89.
Barra minn hekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li, għalkemm it-toroq li ma humiex toroq nazzjonali jew tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport, ġew immodernizzati fil-kuntest ta’ programm nazzjonali ta’ kostruzzjoni mill-ġdid tat-toroq lokali, iffinanzjati mill-fondi Ewropej, huma, bħala prinċipju, jipprojbixxu ċ-ċirkolazzjoni tal-vetturi li l-piż massimu tal-fus tas-sewqan huwa ta’ 11.5 tunnellata jekk huma toroq komunali jew distrettwali.
90.
Barra minn hekk, jista’ jiġi osservat li l-estensjoni tan-netwerk permezz tal-modernizzazzjoni tiegħu jkompli jkollu konsegwenzi limitati, peress li, skont il-preċiżazzjonijiet tar-Repubblika tal-Polonja dwar ir-riforma li seħħet fl-2017, huma biss 54.2 % tat-toroq nazzjonali, li jirrapreżentaw 5 % tat-toroq pubbliċi, li huma miftuħa għaċ-ċirkolazzjoni libera tal-vetturi li l-piż massimu tal-fus tas-sewqan huwa ta’ 11.5 tunnellata.
91.
Minn dawk il-konstatazzjonijiet kollha jirriżulta li l-aċċess għan-netwerk tat-toroq Pollakki kollha huwa limitat taħt kondizzjonijiet li huma kuntrarji għall-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/53.
92.
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argumenti, sostnuti sussidjarjament mir-Repubblika tal-Polonja, li jgħidu li r-restrizzjonijiet għall-ftuħ tan-netwerk tat-toroq għat-traffiku internazzjonali li hija stabbilixxiet u s-sistema tagħhom jistgħu jkunu bbażati fuq interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 jew tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/53, jista’ jiġi rrilevat, b’mod preliminari, li, konkretament, permezz tal-portata u tan-natura ġenerali tagħhom, dawn ir-restrizzjonijiet iwasslu għal sitwazzjoni li tista’ titqabbel ma’ dik tal-perijodu tranżitorju, previst mill-Att ta’ Adeżjoni tal-2003. Issa, minn naħa, ma jistax jiġi dedott mit-termini tal-paragrafu 3 tal-punt 8 tal-Anness XII ta’ dan l-att li s-sistema ta’ deroga li jipprevedi kienet intiża li tibqa’ teżisti. Din id-dispożizzjoni kienet intiża li, bil-kontra, sabiex tirregola l-perijodu bejn id-data ta’ adeżjoni tar-Repubblika tal-Polonja sal-31 ta’ Diċembru 2010, sabiex il-prinċipju stabbilit mid-Direttiva 96/53 ikun osservat wara din id-data ( 40 ). Barra minn hekk, dan l-għan jiġġustifika li jintużaw xi fondi Ewropej sabiex dan jitwettaq.
93.
Barra minn hekk, jidher li, minħabba l-istess motivi li jirrigwardaw in-natura eċċessiva tal-konsegwenzi tagħhom, dawn id-derogi lanqas ma jistgħu jiġu bbażati fuq l-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, anki jekk dawn jiġu ġġustifikati mill-istat imwiegħer tal-infrastruttura tat-toroq, invokat mir-Repubblika tal-Polonja.
94.
Fil-fatt, tali motiv ġenerali ma huwiex previst mid-Direttiva 96/53, u l-inadegwanza tan-netwerk tat-toroq ma huwiex previst fl-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva ħlief għal sitwazzjonijiet speċifiċi.
95.
Konsegwentement, l-ebda restrizzjoni għal dan it-tip ta’ toroq ma tista’ tiġi bbażata fuq din id-dispożizzjoni. A fortiori, sistema ta’ awtorizzazzjonijiet ġenerali intiża sabiex tirregola tali limitazzjonijiet ma tistax tiġi ammessa. Minbarra dan, huwa permessibbli li jkun hemm dubji dwar il-ġustifikazzjoni konkreta tar-restrizzjonijiet fuq iċ-ċirkolazzjoni fit-toroq indikati mill-Ministru għat-Trasport, skont it-termini tal-Artikolu 41(2) tal-Liġi fuq it-Toroq Pubbliċi, jekk dawn jistgħu jitneħħew permezz tal-kisba ta’ awtorizzazzjoni ġenerali, bi ħlas, irriżervata għat-tagħbijiet indiviżibbli għat-toroq li jintużaw l-iktar, b’limitazzjoni unika ta’ tul, u għaldaqstant, mingħajr l-ebda relazzjoni mal-grad ta’ ħsara fit-toroq ( 41 ) kif ukoll mal-ħtiġiet għal finanzjament, allegati mir-Repubblika tal-Polonja sabiex tiġġustifika l-bżonn għal din is-sistema. Fi kliem ieħor, jew it-triq tista’ tiflaħ għall-passaġġi li n-numru tagħhom ma huwiex ikkontrollat għal perijodu li jista’ jkun ta’ xahar jew ta’ 24 il-xahar, jew il-mezz ta’ ċirkolazzjoni ma huwiex adattat, u, f’tali każ, il-ħlas ta’ awtorizzazzjoni li l-ammont tagħha ma tantx huwa għoli ma jistax jirrimedja lil dan.
96.
Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li, billi llimitat iċ-ċirkolazzjoni tal-vetturi bil-mutur li l-piż tal-fus tas-sewqan huwa ta’ 11.5 tunnellata għat-toroq li jikkostitwixxu parti minn netwerk trans-Ewropew tat-trasport u għal ċerti toroq nazzjonali oħra, kif ukoll issuġġettat iċ-ċirkolazzjoni ta’ dawn il-vetturi fuq toroq pubbliċi oħra għal sistema ta’ awtorizzazzjoni speċjali, ir-Repubblika tal-Polonja kisret l-obbligi li hija għandha taħt id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 3 u 7 tad-Direttiva 96/53.
97.
Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkonstatat li, billi imponiet fuq l-impriżi ta’ trasport l-obbligu li jkollhom awtorizzazzjonijiet speċjali sabiex ikunu jistgħu jiċċirkolaw fuq ċerti toroq pubbliċi, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha taħt l-Artikoli 3 u 7 tad-Direttiva 96/53, moqrija flimkien mal-punti 3.1. u 3.4. tal-Anness I tad-Direttiva 96/53.
V. Fuq l-ispejjeż
98.
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika tal-Polonja tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.
VI. Konklużjoni
99.
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi kif ġej:
1)
Billi imponiet fuq l-impriżi ta’ trasport, l-obbligu li jkollhom awtorizzazzjonijiet speċjali sabiex ikunu jistgħu jiċċirkolaw fuq ċerti toroq pubbliċi, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha taħt id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 3 u 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE tal‑25 ta’ Lulju 1996 li tistabbilixxi għal ċerti vetturi tat-triq li jiċċirkulaw fi ħdan il-Komunità id-dimensjonijiet massimi awtorizzati fit-traffiku nazzjonali u internazzjonali u l-piżijiet massimi awtorizzati fit-traffiku internazzjonali, kif emendata mid-Direttiva (UE) 2015/719 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2015, moqrija flimkien mal-punti 3.1. u 3.4. tal-Anness I tad-Direttiva 96/53.
2)
Ir-Repubblika tal-Polonja hija kkundannata għall-ispejjeż.
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 2, p. 478.
( 3 ) ĠU 2015, L 115, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 96/53”.
( 4 ) Fl-2016, żdied b’5.1% imqabbel mal-2015, skont l-istatistiċi pprovduti mill-Eurostat.
( 5 ) ĠU 1985, L 2, p. 14.
( 6 ) ĠU 1986, L 221, p. 48.
( 7 ) ĠU 2007, L 263, p. 1. Il-kategorija M tikkorrispondi, skont it-termini tal-punt1.1 tal-parti A tal-Anness II tad-Direttiva 2007/46, għal “[v]etturi bil-mutur b’minn ta’ l-inqas erba’ roti mfassla u mibnija għall-ġarr ta’ passiġġieri”. Il-kategorija N2 tikkorrispondi, skont it-termini tal-punt 1.2.2. tal-parti A tal-Aness II ta’ din id-direttiva, għal “[v] etturi mfassla u mibnija għall-ġarr ta’ merkanzija u li għandhom massa massima li taqbeż it-3.5 tunnellata iżda li ma taqbiżx it-12-il tunnellata”. Il-kategorija N3 tikkorrispondi, skont it-termini tal-punt 1.2.3. tal-parti A tal-Anness tal-imsemmija direttiva, għal “[v]etturi mfassla u mibnija għall-ġarr ta’ merkanzija u li għandhom massa massima li taqbeż it-12-il tunnellata”.
( 8 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 9 ) Il-punt 1 huwa intitolat “Id-dimensjonijiet massimi awtorizzati għall-vetturi msemmija fl-Artikolu 1(1)(a)”. Il-punt 2 jirrigwarda “[p]iż massimu awtorizzat tal-vettura (f’tunnellati metriċi)”.
( 10 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 2, p. 364
( 11 ) Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 fuq linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk tat-trasport trans-Ewropew (ĠU 2010, L 204, p. 1).
( 12 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE (ĠU 2013, L 348, p. 1).
( 13 ) Permezz tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Nru 884/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 li temenda d-Deċiżjoni Nru 1692/96/KE dwar il-linji gwida Komunitarji sabiex jiġi żviluppat network trans-Ewropew tat-trasport (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 254), din id-data ġiet issostitwita b’“2020”. Ara wkoll il-premessi 1, 4 u 5 ta’ din id-deċiżjoni.
( 14 ) ĠU 2003, L 236, p. 33, iktar ’il quddiem l-“Att ta’ Adeżjoni tal-2003”.
( 15 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 6, p. 85.
( 16 ) Dz. U. no 14, pożizzjoni 60.
( 17 ) Jiġifieri s‑26 ta’ April 2016, hekk kif ġie kkonfermat ukoll waqt is-seduta.
( 18 ) Dz. U.tal-2005, pożizzjoni 802.
( 19 ) Dz. U., Nru°98, pożizzjoni 602.
( 20 ) Jiġifieri s‑26 ta’ April 2016, hekk kif ġie kkonfermat ukoll waqt is-seduta.
( 21 ) Il-punt 35c) tal-Artikolu 2 tal-Liġi Fuq it-Traffiku fit-Toroq, iċċitat mir-Repubblika tal-Polonja, jiddefinixxi t-terminu “xufier” bħala li jiddeskrivi persuna responsabbli sabiex tiżgura s-sigurtà tat-traffiku fit-toroq u li jnaqqas għall-minimu possibbli l-ostakoli għat-traffiku fit-toroq, waqt iċ-ċirkolazzjoni tal-vettura kkonċernata.
( 22 ) Din it-tabella tippreċiża d-dimensjonijiet (tul, wisa’ u għoli) u l-piż tal-fus għal kull waħda minn dawn il-kategoriji.
( 23 ) Jiġifieri l-awtorizzazzjoni għall-użu tat-toroq komunali, tad-distrett u reġjonali.
( 24 ) Jiġifiri l-awtorizzazzjoni għall-użu tat-toroq nazzjonali.
( 25 ) Bir-rata ta’ skambju tas‑26 ta’ April 2016. Dan iservi ta’ riferiment għas-somom iċċitati sussegwentement.
( 26 ) Dz. U. tal-2012, pożizzjoni 366.
( 27 ) Fajl EU pilot Nru 5913/13/MOVE. Ir-Repubblika tal-Polonja ppreċiżat fil-kontroreplika tagħha li l-Ogólnopolski Związek Pracodawców Transportu Drogowego (l-Assoċjazzjoni ta’ Min Jimpjega fil-Qasam tat-Trasport fit-Toroq, il-Polonja), ippreżentat ilment quddiem il-Kummissjoni.
( 28 ) Ara l-punti 5 u 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 29 ) Il-Kummissjoni tippreċiża li dan il-post jissejjaħ ukoll “l-ewwel u l-aħħar mil”.
( 30 ) Dz. U. tal-2017, pożizzjoni 878.
( 31 ) Jiġifieri għas-sezzjonijiet tat-toroq li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha, jiġifieri t-toroq komunali, distrettwali jew reġjonali.
( 32 ) Bir-rata tal-kambju tas‑26 ta’ April 2016 (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet), dawn is-somom jogħlew għal madwar EUR 55, EUR 823, EUR 46, EUR 460 u EUR 686.
( 33 ) Ara l-punti 51 u 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 34 ) Jiġifieri l-25 ta’ Mejju 2017.
( 35 ) Sabiex jitfakkru l-kategoriji, ara l-punti 5 u 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 36 ) Ara l-punti 17 u 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 37 ) F’tali każ, l-awtorizzazzjoni rikjesta hija għall-kategorija IV. Issa, l-unika eċċezzjoni prevista fil-każ ta’ tagħbija diviżibbli tikkonċerna lill-vetturi awtorizzati sabiex jiċċirkolaw abbażi ta’ awtorizzazzjoni tal-kategorija I jew II.
( 38 ) Ħlief fil-każ ta’ tagħbija diviżibbli tal-vetturi li jiċċirkolaw fuq ċerti toroq nazzjonali.
( 39 ) Skont ir-risposta bil-miktub għar-raba’ domanda magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja lir-Repubblika tal-Polonja, il-proporzjon kien ta’ 6 % fuq il-bażi taċ-ċifri fit-tmiem is-sena 2016.
( 40 ) Ara, f’dan is-sens, Kronenberger, V., “Transport Policy”, Die Verträge zur EU-Osterweiterung. Kommentar mit systematischen Erläunterungen, Berliner Wissenschafts-Verlag, Berlin, 2008, p. 297 sa 322, b’mod partikolari l-punti 33 sa 36 u 54 (artikolu bil-lingwa Ingliża).
( 41 ) F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li ċerti toroq modernizzati ġew suġġetti għas-sistema ta’ ċirkolazzjoni taħt il-kundizzjoni li tinkiseb awtorizzazzjoni (ara l-punt 89 ta’ dawn il-konklużjonijiet).