KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
WAHL
ippreżentati fil‑25 ta’ Lulju 2018 ( 1 )
Kawżi magħquda C‑174/17 P u C‑222/17 P
L-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea
vs
Plásticos Españoles, SA (ASPLA)
Armando Álvarez, SA (C‑174/17 P)
u
Plásticos Españoles, SA (ASPLA)
Armando Álvarez, SA
vs
L-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (C‑222/17 P)
“Appell – Ammissibbiltà – Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Terminu raġonevoli tal-proċedura – Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea – Obbligu ta’ deċiżjoni f’terminu raġonevoli – Dannu materjali – Spejjeż ta’ garanzija bankarja – Interessi – Rabta kawżali”
1.
X’inhuma t-tipi ta’ danni li l-Unjoni Ewropea għandha, skont l-Artikolu 340 TFUE, tpaċi għalihom fil-konfront ta’ individwi li d-dritt tagħhom għal għoti ta’ sentenza f’terminu raġonevoli nkiser mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea? B’mod iktar partikolari, taħt liema ċirkustanzi għandu jingħata kumpens għad-dannu allegatament ikkawżat mid-dewmien eċċessiv?
2.
Essenzjalment, dawn huma l-kwistjonijiet ewlenin imqajma mill-appelli ppreżentati mill-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ( 2 ), u minn Plásticos Españoles, SA (iktar ’il quddiem “ASPLA”) u Armando Álvarez, SA mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑17 ta’ Frar 2017, ASPLA u Armando Álvarez vs L-Unjoni Ewropea, T‑40/15 (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”) ( 3 ), fejn din tal-aħħar allokat lil ASPLA u Armando Álvarez ċerti somom bħala kumpens għad-dannu materjali subit minnhom minħabba n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ deċiżjoni f’terminu raġonevoli fil-kawża li tat lok għas-sentenzi tas 16 ta’ Novembru 2011, ASPLA vs Il‑Kummissjoni, T‑76/06 ( 4 ), u Álvarez vs Il‑Kummissjoni ( 5 ), T‑78/06.
3.
Fil-parti l-kbira, kwistjonijiet simili ġew imqajma wkoll minn erba’ appelli oħra – tnejn ippreżentati mill-Unjoni, u tnejn minn kumpanniji oħra – miż-żewġ sentenzi tal-Qorti Ġenerali li fihom din il-qorti tat kumpens għad-dannu materjali u morali subit minn dawn il-kumpanniji minħabba l-ksur tal-obbligu għall-għoti ta’ sentenza f’terminu raġonevoli. Illum qiegħed nagħti l-konklużjonijiet tiegħi f’dawn il-proċeduri wkoll ( 6 ). Dawn il-konklużjonijiet għandhom għalhekk jinqraw flimkien ma’ dawk il-konklużjonijiet.
I. Il-fatti li wasslu għall-kawża
4.
Permezz ta’ att ippreżentat fl‑24 ta’ Frar 2006, ASPLA, minn naħa waħda, u Armando Álvarez, min-naħa l-oħra, ippreżentaw rikors skont l-Artikolu 263 TFUE (kif inhu attwalment) kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2005) 4634 tat‑30 ta’ Novembru 2005 dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu [101 TFUE] (Każ COMP/F/38.354 – Boroż industrijali) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni C(2005) 4634”) ( 7 ).
5.
Bis-sentenzi tas‑16 ta’ Novembru 2011, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn ir-rikorsi ( 8 ). ASPLA u Armando Álvarez ippreżentaw appelli kontra s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali. Bis-sentenzi tat‑22 ta’ Mejju 2014 ( 9 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appelli.
II. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
6.
Permezz ta’ att ippreżentat fis‑27 ta’ Jannar 2015, ASPLA u Armando Álvarez ippreżentaw rikors skont l-Artikolu 268 TFUE kontra l-Unjoni biex jiksbu kumpens għad-dannu allegatament imġarrab minħabba t-tul tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kawżi li waslu għas-sentenzi tas‑16 ta’ Novembru 2011 fil-Kawżi T‑76/06 u T‑78/06. Essenzjalment, ASPLA u Armando Álvarez talbu lill-Qorti Ġenerali tordna lill-Unjoni tħallashom kumpens li jammonta għal EUR 3 495 038.66, flimkien mal-interessi kumpensatorji u moratorji bir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għat-tranżazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid, miżjuda b’żewġ punti perċentwali, mid-data tal-preżentata tar-rikors tagħhom;
7.
Bis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ordnat lill-Unjoni tħallas kumpens ta’ EUR 44 951.24 lil ASPLA u kumpens ta’ EUR 111 042.48 lil Armando Álvarez għad-danni materjali subiti minn kull waħda minn dawn il-kumpanniji minħabba l-ksur tal-obbligu ta’ terminu raġonevoli għal għoti ta sentenza fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tas‑16 ta’ Novembru 2011, ASPLA vs Il‑Kummissjoni (T‑76/06) u Armando Álvarez vs Il‑Kummissjoni (T‑78/06). Kull waħda minn dawn is-somom kumpensatorji għandha tiġi evalwata mill-ġdid permezz tal-interessi kumpensatorji, dekorribbli mis‑27 ta’ Jannar 2015 sal-għoti tas-sentenza, bir-rata ta’ inflazzjoni annwali stabbilita, għall-perijodu inkwistjoni, mill-Eurostat fl-Istat Membru li fih huma stabbiliti dawn il-kumpanniji. Il-Qorti Ġenerali ordnat ukoll li ma’ kull waħda mis-somom kumpensatorji kellhom jiżdiedu l-interessi moratorji, mill-għoti tas-sentenza sal-ħlas sħiħ, bir-rata stabbilita mill-BĊE għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid, miżjuda b’żewġ punti perċentwali. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-kumplament tar-rikors.
8.
Fir-rigward tal-ispejjeż, il-Qorti Ġenerali ordnat: (i) lil ASPLA u Armando Álvarez, minn naħa, u l-Unjoni min-naħa l-oħra, ibatu l-ispejjeż tagħhom stess u (ii) lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha stess.
III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet
9.
B’appell ippreżentat fil‑5 ta’ April 2017, fil-Kawża C‑174/17 P, l-Unjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
–
tannulla l-punt 1 tas-sentenza appellata;
–
tiċħad bħala infondata t-talba mressqa minn ASPLA u Armando Álvarez fl-ewwel istanza, sabiex tinkiseb is-somma ta’ EUR 3 495 038.66 bħala kumpens għad-dannu li ġie kkawżat lilhom minħabba l-ksur tal-obbligu li tingħata sentenza f’terminu raġonevoli;
–
tikkundanna lil ASPLA u Armando Álvarez għall-ispejjeż.
10.
Min-naħa tagħhom, ASPLA u Armando Álvarez jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
–
tiċħad l-appell;
–
tikkundanna lill-Unjoni għall-ispejjeż.
11.
B’appell ippreżentat fis‑27 ta’ April 2017, ASPLA u Armando Álvarez jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
–
tannulla s-sentenza appellata;
–
tikkundanna lill-Unjoni tħallas lill-appellanti s-somma ta’ EUR 3495038,66, flimkien ma’ interessi kumpensatorji u għal ħlas tardiv applikabbli, bħala kumpens għall-ksur, mill-Qorti Ġenerali, tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;
–
tikkundanna lill-Unjoni għall-ispejjeż.
12.
L-Unjoni, min-naħa tagħha, titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
–
tiċħad l-appell;
–
tikkundanna lil ASPLA u Armando Álvarez għall-ispejjeż.
13.
Fil-proċedura fil-Kawża C‑174/17 P, il-Kummissjoni ġiet ammessa biex tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Unjoni.
14.
B’deċiżjoni tal-President tal-Ewwel Awla tas‑17 ta’ April 2018, il-Kawżi C‑174/17 P u C‑222/17 P ingħaqdu għall-finijiet tal-konklużjonijiet u tas-sentenza.
IV. Evalwazzjoni tal-aggravji
A. Osservazzjonijiet preliminari
15.
Fl-appell tagħha fil-Kawża C‑174/17 P, l-Unjoni tinvoka żewġ aggravji, bl-affermazzjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi peress li interpretat b’mod żbaljat il-kunċetti rispettivi ta’ “rabta kawżali” u “dannu”. Essenzjalment, il-Kummissjoni taqbel mal-Unjoni.
16.
ASPLA u Armando Álvarez jaffermaw li dawn l-aggravji huma infondati.
17.
Fl-appell tagħhom fil-Kawża C‑222/17 P, ASPLA u Armando Álvarez jinvokaw ħames aggravji. Bl-ewwel aggravju tagħhom, dawn jallegaw żball ta’ liġi u nuqqas ta’ motivazzjoni suffiċjenti fl-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali tal-perijodu raġonevoli taż-żmien li għadda bejn il-fażi bil-miktub u dik orali tal-proċedura. Bit-tieni aggravju tagħhom, dawn jallegaw żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tad-dannu materjali subit. It-tielet aggravju invokat minn ASPLA u Armando Álvarez jikkonċerna żball ta’ liġi allegat imwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-applikazzjoni tal-prinċipju “non ultra petita” fir-rigward tal-evalwazzjoni tad-dannu materjali mġarrab. Bir-raba’ aggravju tagħhom, dawn il-kumpanniji jissottomettu li, fl-għażla tal-metodu tal-kalkolu tad-dannu materjali li kien differenti minn dak propost minnhom, il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tad-difiża tagħhom. Fl-aħħar nett, il-ħames aggravju jikkonċerna kontradizzjoni allegata tas-sentenza appellata fir-rigward tal-perijodu li għalih kellu jiġi kkumpensat id-dannu materjali mġarrab minn ASPLA u Armando Álvarez.
18.
L-Unjoni, min-naħa tagħha tafferma li l-aggravji invokati minn ASPLA u Armando Álvarez għandhom jiġu miċħuda.
19.
F’dawn il-konklużjonijiet, ser neżamina l-ewwel l-aggravji li jikkonċernaw id-dannu materjali. Għalhekk, ma huwiex ser ikun neċessarju li neżamina l-aggravji li jikkonċernaw l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, tat-terminu bejn il-fażi bil-miktub u l-fażi orali tal-proċedura li, fil-kawżi ineżami, għandu jiġi kkunsidrat bħala raġonevoli.
B. Dannu materjali
20.
Iż-żewġ aggravji invokati mill-Unjoni fil-Kawża C‑174/17 P, kif ukoll it-tieni, it-tielet, ir-raba’ u l-ħames aggravju invokat minn ASPLA u Armando Álvarez fil-Kawża C‑222/17 P, kollha jikkonċernaw il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tad-dannu materjali allegatament imġarrab minn ASPLA u Armando Álvarez. B’mod partikolari, iż-żewġ partijiet affermaw li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-eżami tat-talbiet ta’ ASPLA u Armando Álvarez relatati mad-dannu li rriżulta mill-ispejjeż relatati mal-garanzija bankarja li dawn il-kumpanniji għamlu lill-Kummissjoni sabiex jevitaw il-ħlas immedjat tal-multa imposta bid-Deċiżjoni C(2005) 4634. ASPLA u Armando Álvarez jargumentaw ukoll li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet it-talba tagħhom biex jiġu kkumpensati għall-interessi mħallsa lill-Kummissjoni għall-perijodu tal-iskadenza.
21.
Nikkunsidra li huwa xieraq li nibda l-analiżi legali tiegħi ta’ dawn il-kwistjonijiet billi neżamina t-talbiet li jikkonċernaw l-ispejjeż tal-garanzija bankarja mħallsa minn ASPLA u Armando Álvarez. F’dan ir-rigward, ser nibda bl-ewwel aggravju ppreżentat mill-Unjoni. Sussegwentement ser nittratta, għall-finijiet ta’ kompletezza biss, it-tieni aggravju tal-Unjoni. Wara dan, mhux ser ikun hemm il-bżonn li jiġu eżaminati l-aggravji l-oħrajn ippreżentati minn ASPLA u Armando Álvarez.
22.
Fl-aħħar nett, ser neżamina t-tieni aggravju ta’ ASPLA u Armando Álvarez, li jikkonċerna l-ħlas tal-interessi tal-multa għall-perijodu tal-iskadenza.
1. L-ispejjeż tal-garanzija bankarja: l-eżistenza ta’ rabta kawżali
23.
Bl-ewwel aggravju tagħha, l-Unjoni, sostnuta mill-Kummissjoni Ewropea, ma taqbilx mal-interpretazzjoni u mal-applikazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-kunċett ta’ “rabta kawżali”. Essenzjalment, l-Unjoni tafferma li ma hemm l-ebda rabta kawżali diretta bejn il-ksur tal-Qorti Ġenerali tal-obbligu ta’ deċiżjoni f’terminu raġonevoli biex tagħti sentenza fil-Kawżi T‑76/06 u T‑78/06 u d-dannu ta’ ASPLA u Armando Álvarez li ġej mill-ħlas tal-ispejjeż tal-garanzija bankarja. B’mod partikolari, l-Unjoni tenfasizza li dan id-dannu kien ir-riżultat tal-għażla li saret minn ASPLA u Armando Álvarez biex iżommu t-tranżazzjoni tal-garanzija bankarja matul il-proċedura, minflok ma ħallset il-multa imposta mill-Kummissjoni. Min-naħa tagħhom, dwar dan il-punt ASPLA u Armando Álvarez jiddefendu s-sentenza appellata: fil-fehma tagħhom, l-ispejjeż tal-garanzija bankarja mħallsa fil-perijodu tal-iskadenza ġew ikkawżati min-nuqqas tal-Qorti Ġenerali biex tagħti deċiżjoni f’terminu raġonevoli.
24.
Fil-punti li ġejjin, ser nibda billi b’mod konċiż nuri l-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali u sussegwentement nispjega għalfejn, fl-opinjoni tiegħi, l-ewwel aggravju tal-Unjoni huwa manifestament fondat.
25.
Fil-punti 84 u 85 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret il-ġurisprudenza stabbilita, li skontha d-dannu li għalih qiegħed jintalab kumpens fil-kuntest ta’ rikors għal responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni għandu jkun reali u ċert, u huwa r-rikorrent li għandu jipproduċi l-prova ta’ dan. Dan għandu jipproduċi provi wkoll dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali – jiġifieri, b’effett suffiċjentement dirett – bejn l-aġir irrapportat u d-dannu allegat.
26.
Fil-punti 104 sa 107 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali osservat li, li kieku t-tul tal-proċedura fil-Kawżi T‑76/06 u T‑78/06 ma qabiżx it-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza, ASPLA u Armando Álvarez ma kienu jkunu obbligati li jħallsu l-ebda spiża ta’ garanzija bankarja matul il-perijodu tal-iskadenza. Dan kien ifisser, fil-fehma tagħha, li kien hemm rabta kawżali bejn il-ksur tal-obbligu għal għoti ta’ deċiżjoni f’terminu raġonevoli u l-okkorrenza tad-dannu mġarrab minn ASPLA u Armando Álvarez b’riżultat tal-ħlas tagħhom tal-ispejjeż tal-garanzija bankarja matul il-perijodu tal-iskadenza.
27.
B’riferiment għal ġurisprudenza preċedenti (iktar ’il quddiem il-“ġurisprudenza Holcim”) ( 10 ), il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet fil-punt 109 tas-sentenza appellata — li, fil-prinċipju, l-ispejjeż tal-garanzija bankarja sostnuti minn kumpannija ssanzjonata minn deċiżjoni tal-Kummissjoni huma l-konsegwenza tad-deċiżjoni tal-kumpannija stess biex tagħmel garanzija bankarja sabiex ma teżegwixxix l-obbligu li tħallas il-multa fit-terminu mogħti fid-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, din l-ispiża normalment ma tistax tiġi kkunsidrata bħala konsegwenza diretta tal-aġir tal-istituzzjoni.
28.
Madankollu, il-Qorti Ġenerali sussegwentement kompliet – fil-punti 110 sa 112 tas-sentenza appellata – tiddistingwi l-kawża ineżami minn dik li tat lok għall-ġurisprudenza Holcim. Il-Qorti Ġenerali adottat il-fehma li, fil-mument meta ASPLA u Armando Álvarez ippreżentaw ir-rikorsi tagħhom fil-Kawżi T‑76/06 u T‑78/06, u fil-mument meta għamlu garanzija bankarja, il-ksur tal-obbligu li tingħata deċiżjoni f’terminu raġonevoli ma kienx prevedibbli, u ASPLA u Armando Álvarez setgħu leġittimament jistennew li r-rikorsi tagħhom jiġu ttrattati f’terminu raġonevoli. Il-Qorti Ġenerali osservat ukoll li t-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni fil-Kawżi T‑76/06 u T‑78/06 nqabeż wara d-deċiżjoni inizjali tar-rikorrenti li jagħmlu garanzija bankarja. Għal dawn ir-raġunijiet, hija ddeċidiet li r-rabta bejn il-fatt li t-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni fil-Kawżi T‑76/06 u T‑78/06 nqabeż u l-ħlas tal-ispejjeż tal-garanzija bankarja matul il-perijodu tal-iskadenza ma setax jiġi kkunsidrat li nkiser bid-deċiżjoni inizjali ta’ ASPLA u Armando Álvarez li ma jħallsux immedjatament il-multa u jagħmlu garanzija bankarja. Hija għalhekk ikkonkludiet, fil-punt 113 tas-sentenza, li r-rabta kawżali kienet suffiċjentement diretta għall-finijiet tal-Artikolu 340 TFUE.
29.
Il-motivazzjoni segwita mill-Qorti Ġenerali hija, fil-fehma tiegħi, żbaljata. Essenzjalment, il-Qorti Ġenerali taċċetta l-awtorità li tirriżulta mill-ġurisprudenza Holcim iżda sussegwentement tkompli billi tiddistingwi din il-kawża minn dawk li kienu s-suġġett ta’ din il-ġurisprudenza. Bħall-Qorti Ġenerali, nemmen li l-ġurisprudenza Holcim hija valida iżda, għall-kuntrarju tal-Qorti Ġenerali, ma nikkunsidrax li l-kawża ineżami hija sostanzjalment differenti minn dawn il-kawżi li taw lok għal din il-ġurisprudenza Holcim: fl-opinjoni tiegħi, l-ebda miż-żewġ raġunijiet mogħtija mill-Qorti Ġenerali għal din id-distinzjoni ma hija, kemm jekk meħuda waħedha u kemm jekk flimkien ma’ oħrajn, konvinċenti.
30.
Qabel nispjega fid-dettall għalfejn jien ta’ din il-fehma, nixtieq nenfasizza li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, l-Artikolu 340 TFUE ma jistax jiġi interpretat bħala li jeżiġi lill-Unjoni tħallas kumpens għal kull konsegwenza dannuża, anki jekk waħda remota, tal-aġir tal-istituzzjonijiet tagħha ( 11 ). Għaldaqstant, f’rikors għal responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni ma huwiex biżżejjed li l-aġir irrapportat ikun wieħed mill-kawżi tad-dannu allegat; dan l-aġir irid ikun il-kawża li tiddetermina d-dannu ( 12 ). Fi kliem ieħor, effett suffiċjenti jeżisti biss meta d-dannu huwa l-konsegwenza diretta ta’ att illegali tal-istituzzjoni responsabbli u ma jiddependix mill-intervent ta’ raġunijiet oħra, kemm jekk pożittivi jew negattivi ( 13 ).
a) Il-prevedibbiltà tal-aġir illegali
31.
L-ewwel raġuni mogħtija mill-Qorti Ġenerali fid-distinzjoni tagħha ta’ din il-kawża minn dik li tat lok għall-ġurisprudenza Holcim hija li, fil-mument meta ASPLA u Armando Álvarez ippreżentaw ir-rikorsi tagħhom fil-Kawżi T‑76/06 u T‑78/06, u fil-mument meta għamlu garanzija bankarja, il-ksur tal-obbligu li tingħata deċiżjoni f’terminu raġonevoli mill-Qorti Ġenerali ma kienx prevedibbli.
32.
Madankollu, din l-istqarrija hija, l-ewwel nett, mhux preċiża. Sfortunatament, numru ta’ kawżi li ġew deċiżi mill-Qorti Ġenerali ftit qabel ma ġew ippreżentati r-rikorsi fil-Kawżi T‑76/06 u T‑78/06 kellhom tul sinjifikattiv ( 14 ). Dan huwa tassew minnu f’kawżi li jikkonċernaw l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, u b’mod partikolari akkordji ( 15 ) li huma notevolment kumplessi u jieħdu l-ħin u jistgħu jeżiġu ġestjoni parallela jew ikkoordinata ta’ diversi kawżi fl-istess ħin.
33.
Huwa minnu li ASPLA u Armando Álvarez, bħal kull rikorrent ieħor, setgħu jistennew li l-kawżi tagħhom jiġu deċiżi f’terminu raġonevoli. Madankollu, fid-dawl tal-prassi tal-Qorti Ġenerali u tar-rekord ġudizzjarju fid-data tal-fatti, kien eżerċizzju pjuttost inċert u diffiċli li jiġi kkalkolat it-tul probabbli tal-proċedura sabiex tiġi stmata l-ispiża totali potenzjali tal-garanzija bankarja.
34.
It-tieni nett, u b’mod iktar importanti, irrispettivament minn jekk id-dewmien eċċessiv fil-Kawżi T‑76/06 u T‑78/06 kienx prevedibbli, il-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-użu tal-kunċett ta’ “prevedibbiltà” sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ effett kawżali suffiċjenti li skatta r-responsabbiltà tal-Unjoni.
35.
Il-kwistjoni ewlenija, fil-kawża ineżami, ma hijiex jekk il-vittma tad-dannu allegat kellhiex il-kapaċità li tantiċipa l-avveniment illegali li rriżulta fid-dannu allegat. Li huwa kruċjali sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni f’din il-kawża huwa, qabelxejn, jekk id-dannu huwiex konsegwenza diretta tal-aġir illegali tal-istituzzjoni.
36.
Dan huwa punt li l-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina fil-fond. Jidhirli li, fil-kuntest ta’ dan l-eżami, in-nuqqas ta’ prevedibbiltà potenzjali tad-dewmien eċċessiv seta’ biss ikun rilevanti f’żewġ ċirkustanzi. Madankollu, l-ebda waħda minn dawn iċ-ċirkustanzi ma tapplika għal din il-kawża.
37.
Minn naħa waħda, dan l-element seta’ jkun rilevanti kieku ASPLA u Armando Álvarez ma setgħux, sussegwentement, imorru lura mid-deċiżjoni inizjali tagħhom li jiddifferixxu l-ħlas u jagħmlu garanzija bankarja. Iżda, kif ser jintwera fil-punti 49 sa 52 iktar ’il quddiem, dan ma huwiex il-każ: fi kwalunkwe mument matul il-proċeduri ġudizzjarji ASPLA u Armando Álvarez kellhom il-libertà li jħallsu l-multa u jirtiraw il-garanzija bankarja. Għalhekk, anki jekk għall-bidu ma kienx prevedibbli, ASPLA u Armando Álvarez, eventwalment setgħu jadattaw l-aġir tagħhom fid-dawl ta’ dan l-avveniment il-ġdid.
38.
Min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ prevedibbiltà potenzjali tad-dewmien eċċessiv seta’ jkun ukoll rilevanti li kieku l-Unjoni argumentat, quddiem il-Qorti Ġenerali, li ASPLA u Armando Álvarez naqsu milli juru diliġenza raġonevoli biex jevitaw jew jillimitaw il-portata tad-dannu li seta’ rriżulta mill-għażla tagħhom li jidifferixxu l-ħlas tal-multa sakemm jintemmu l-proċeduri ġudizzjarji.
39.
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, f’rikors għad-danni mhux kuntrattwali, għandu jiġi vverifikat jekk, bir-riskju li d-dannu jiġġarrab minnha stess, il-persuna leża wrietx, bħala persuna prudenti, diliġenza raġonevoli biex tevita jew tillimita l-portata tad-dannu. Ir-rabta kawżali tista’ tinkiser b’negliġenza min-naħa tal-persuna leża, fejn din in-negliġenza tirriżulta li hija l-kawża determinanti tad-dannu ( 16 ).
40.
Madankollu, din ma hijiex ir-raġuni għalfejn il-Qorti Ġenerali għamlet riferiment għal dan l-element fis-sentenza appellata. Il-Qorti Ġenerali ma għamlitx użu mill-kriterju ta’ prevedibbiltà biex teżamina jekk in-negliġenza ta’ ASPLA u Armando Álvarez kisritx ir-rabta kawżali bejn id-dannu allegat u l-aġir ilmentat tal-istituzzjoni tal-Unjoni; minflok hija applikat dan il-kunċett sabiex, bħala l-ewwel pass, tistabbilixxi l-eżistenza ta’ tali rabta.
41.
Madankollu, in-nuqqas ta’ prevedibbiltà potenzjali tal-avveniment li ta lok għad-dannu allegat ma jgħid xejn dwar il-fattur determinanti tad-dannu allegat. Anki jekk wieħed jassumi li d-dewmien eċċessiv ma kienx prevedibbli, dan il-fatt la huwa neċessarju u lanqas suffiċjenti biex jiskatta r-responsabbiltà tal-Unjoni.
42.
Fil-kuntest ta’ dan ta’ hawn fuq, jien tal-fehma li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “prevedibbiltà” għall-finijiet tal-Artikolu 340 TFUE sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn id-dannu allegat u l-aġir ilmentat.
b) In-nuqqas ta’ għażla ta’ ASPLA u Armando Álvarez
43.
It-tieni raġuni mogħtija mill-Qorti Ġenerali fid-distinzjoni tagħha tal-Kawża T-40/15 minn dawk li taw lok għall-ġurisprudenza Holcim hija li t-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni fil-Kawżi T‑76/06 u T‑78/06 nqabeż wara d-deċiżjoni ta’ ASPLA u Armando Álvarez li jagħmlu garanzija bankarja.
44.
Fil-fehma tiegħi, dan l-element huwa wkoll irrilevanti.
45.
Qabelxejn, għandu jitfakkar li deċiżjoni tal-Kummissjoni, bħad-Deċiżjoni C(2005) 4634, hija legalment vinkolanti u preżunta valida sakemm tiġi annullata mill-qrati tal-Unjoni. Jekk impriża li ġiet issanzjonata b’multa imposta mill-Kummissjoni tqis li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni hija illegali u li l-konformità immedjata magħha taf tipprovoka danni irreparabbli, huwa f’idejn din l-impriża li tressaq talba għal miżuri provviżorji quddiem il-qrati tal-Unjoni skont l-Artikoli 278 u 279 TFUE filwaqt li tikkontesta l-validità tad-deċiżjoni.
46.
Jekk ma titressaqx tali talba, jew jekk tali talba tiġi miċħuda mill-qrati tal-Unjoni, għandha titħallas multa, bħala regola, fil-perijodu stipulat fid-deċiżjoni. Għalhekk, ir-regoli baġitarji tal-Unjoni ( 17 ) jippermettu lill-Kummissjoni taċċetta li l-ħlas ta’ multa jiġi ddifferit, sakemm id-debitur jimpenja ruħu li jħallas l-interessi moratorji u jippreżenta garanzija finanzjarja li tkopri d-dejn li jkun għadu ma tħallasx kemm tas-somma prinċipali kif ukoll tal-interessi.
47.
Għalhekk, l-għażla offruta lill-impriżi li għandhom l-intenzjoni li jikkontestaw multa quddiem il-qrati tal-Unjoni hija li jew iħallsuha immedjatament (ir-regola) jew jitolbu l-possibbiltà li jissottomettu garanzija bankarja (l-eċċezzjoni). Għall-kuntarju ta’ dak li argumentaw ASPLA u Armando Álvarez, il-possibbiltà li ġiet offruta lilhom mill-Artikolu 85 tar-Regolament Nru 2342/2002 kienet tikkostitwixxi eċċezzjoni. Ir-regola, stabbilita fl-Artikoli 278 u 279 TFUE, hija li deċiżjoni tal-Kummissjoni bħad-Deċiżjoni C(2005) 4634 tidħol fis-seħħ malli tiġi nnotifikata lid-destinatarji tagħha, u tibqa’ applikabbli anki jekk tiġi kkontestata quddiem il-qrati tal-Unjoni (għajr jekk l-applikazzjoni tagħha tiġi sospiża minn dawn il-qrati).
48.
L-għażla tal-impriża għandha tkun finanzjarjament newtrali għall-Unjoni: differiment ta’ ħlas ma għandux iwassal għal telf fil-baġit tal-Unjoni. L-uffiċjal tal-kontabbiltà li, f’kollaborazzjoni mal-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli, jieħu deċiżjoni dwar talba tal-impriża li tiddifferixxi l-ħlas ma għandux is-setgħa li jbiddel il-valur tal-multa li ġiet deċiża mill-Kummissjoni bħala istituzzjoni (jiġifieri, mill-Kulleġġ tal-Kummissarji). Fl-istess ħin, id-deċiżjoni ta’ impriża li tħallas immedjatament il-multa, minkejja l-intenzjoni tagħha li tikkontesta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni quddiem il-qrati tal-Unjoni, ma għandhiex twassal għal arrikkiment indebitu tal-Unjoni. Din hija r-raġuni għalfejn, minn naħa waħda, jekk il-qrati tal-Unjoni jilqgħu d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, il-multa li l-ħlas tagħha ġie ddifferit issir pagabbli bl-interessi. Min-naħa l-oħra, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni kkontestata jwassal għal obbligu tal-Unjoni li tħallas lura s-somom imħallsa, miżjuda bir-rata tal-interessi applikabbli ( 18 ).
49.
Id-deċiżjoni biex jiġi ddifferit ħlas ta’ multa evidentement tippermetti lill-impriża tkompli tuża s-somom korrispondenti waqt li l-proċedura ġudizzjarja tkun pendenti. Madankollu, huma implikati wkoll xi spejjeż żejda (dawk assoċjati mas-sottomissjoni tal-garanzija bankarja) li l-impriża għandha taċċetta li tħallas, anki jekk finalment tikseb l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, huwa f’idejn kull impriża ssanzjonata mill-Kummissjoni biex tevalwa jekk finanzjarjament huwiex fl-interessi tagħha li tħallas il-multa fil-perijodu preskritt, jew titlobx differiment tal-ħlas u tagħmel garanzija bankarja.
50.
B’mod partikolari, għall-kuntrarju ta’ dak li qed timplika l-Qorti Ġenerali, dik ma hijiex għażla li tista’ ssir darba biss. Kwalunkwe impriża li tkun għażlet li tissottometti garanzija tista’ dejjem tmur lura fuq id-deċiżjoni oriġinali tagħha u tipproċedi għall-ħlas tal-multa ( 19 ). B’dan, tkun qiegħda tevita l-akkumulazzjoni ta’ interessi addizzjonali fuq is-somma prinċipali u tkun tista’ tirtira l-garanzija bankarja li tkun għamlet qabel.
51.
Xejn ma jipprekludi, skont id-dritt tal-Unjoni, impriża milli ttemm il-garanzija bankarja u tħallas il-multa, meta dik l-impriża tqis li din l-azzjoni hija iktar vantaġġuża. Għalhekk, jista’ jiġi preżunt li, jekk impriża, fl-ebda mument matul il-proċedura ma tirrevedi l-għażla inizjali tagħha, ikun minħabba l-fatt li dik l-impriża tqis li l-eżekuzzjoni kontinwa tal-garanzija bankarja għadha fl-aħjar interessi tagħha. Fil-fatt, jekk id-deċiżjoni inizjali sussegwentement tibqax tkun vantaġġuża jiddependi fuq għadd ta’ fatturi li – kif tenfasizza l-Kummissjoni – jistgħu jvarjaw b’mod sinjifikattiv matul iż-żmien (l-ispejjeż meta jissellfu l-flus, it-tariffi applikati mill-bank għall-garanzija, id-dħul li s-somma dovuta tiġġenera meta tiġi investita f’negozji oħrajn, u ħafna iktar). Mill-perspettiva ekonomika, huwa għalhekk raġonevoli li jiġi preżunt li impriża tista’ regolarment tikkunsidra mill-ġdid id-deċiżjoni inizjali tagħha.
52.
Għalhekk, kif argumentat tajjeb l-Unjoni, l-għażla li tingħata garanzija bankarja minflok titħallas il-multa imposta mill-Kummissjoni ma saritx biss fil-bidu tal-proċedura: dik l-għażla nżammet (jew ġiet ikkonfermata) b’mod ħieles u konxju minn ASPLA u Armando Álvarez matul il-perijodu kollu matul il-proċeduri ġudizzjarji fil-Kawżi T‑76/06 u T‑78/06, anki meta dawn il-proċeduri laħqu tul sinjifikattiv.
53.
Bħala konklużjoni għal dan il-punt, it-tieni raġuni tal-Qorti Ġenerali fid-distinzjoni tagħha ta’ din il-kawża minn dawk li taw lok għall-ġurisprudenza Holcim hija għalhekk ibbażata fuq premessa żbaljata: li l-unika deċiżjoni li kellha importanza f’din il-kawża kienet id-deċiżjoni inizjali ta’ ASPLA u Armando Álvarez li jiddifferixxu l-ħlas u jagħmlu garanzija bankarja qabel ma bdiet il-proċedura.
54.
In-natura żbaljata ta’ din il-premessa hija wkoll indirettament ikkonfermata mis-sentenza appellata.
c) Il-kontradizzjoni fis-sentenza appellata
55.
Fil-punt 119 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li ma teżisti l-ebda rabta kawżali suffiċjentement diretta fir-rigward tal-ispejjeż tal-garanzija bankarja sostnuti wara l-għoti tas-sentenzi fil-Kawżi T‑76/06 u T‑78/06. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat il-ħlas ta’ dawn l-ispejjeż bħala l-konsegwenza tad-deċiżjoni personali u indipendenti li ASPLA u Armando Álvarez ħadu, wara l-għoti ta’ din is-sentenza, li ma jħallsux il-multa, li ma jitolbux sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni C(2005) 4634, u jippreżentaw appell kontra l-imsemmija sentenzi. Jekk dan huwa minnu, ma nistax nifhem għalfejn id-deċiżjoni li tinżamm il-garanzija bankarja kienet, fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, deċiżiva biex teskludi r-responsabbiltà tal-Unjoni Ewropea wara l-għoti tas-sentenza u mhux qabel.
56.
Kif argumentat l-Unjoni, jidher li ma hemm l-ebda differenza sinjifikattiva bejn dawn il-perijodi li tista’ tkun rilevanti skont l-Artikolu 340TFUE. Barra minn hekk, matul il-proċedura tal-ewwel istanza, ASPLA u Armando Álvarez b’mod konxju għażlu li ma jitolbux sospensjoni tad-deċiżjoni kkontestata u li jkomplu bl-eżekuzzjoni tal-garanzija bankarja sakemm din il-proċedura tintemm. Għalhekk, il-punt 119 tas-sentenza appellata jikkonferma li l-elementi li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat rilevanti fil-punti 110 sa 112 tal-istess sentenza fid-distinzjoni tagħha bejn il-kawża ineżami u l-ġurisprudenza ta’ Holcim huma immaterjali.
d) Konklużjoni provviżorja
57.
Bħala konklużjoni, ma jistax jiġi kkontestat li l-fatt li ASPLA u Armando Álvarez kellhom iħallsu l-ispejjeż relatati mal-garanzija bankarja li għamlu mal-Kummissjoni matul il-perijodu tal-iskadenza huwa konsegwenza, inter alia, tal-inabbiltà tal-Qorti Ġenerali biex tiddeċiedi f’terminu raġonevoli.
58.
Madankollu, din ma kinitx il-kawża determinanti tad-dannu allegat. Il-fattur deċiżiv kien id-deċiżjoni ta’ ASPLA u Armando Álvarez li jkomplu jibbenefikaw minn eċċezzjoni li kienu talbu biex ma jeżegwixxux l-obbligu tagħhom li jħallsu multa li kienet dovuta, b’għarfien totali tal-ispejjeż u tar-riskji li l-għażla tagħhom kienet tinvolvi. Għaldaqstant, il-prinċipji li ġejjin mill-ġurisprudenza Holcim huma applikabbli fil-kawża ineżami.
59.
Għal dawn ir-raġunijiet kollha, jien tal-fehma li l-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tagħha tal-kunċett “rabta kawżali” għall-finijiet tal-Artikolu 340 TFUE. Fl-opinjoni tiegħi, ma hemmx rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn il-ksur mill-Qorti Ġenerali, fil-Kawżi T‑76/06 u T‑78/06, tal-obbligu li tiddeċiedi f’terminu raġonevoli u d-dannu allegat ta’ ASPLA u Armando Álvarez li ġej mill-ħlas tal-ispejjeż tal-garanzija bankarja fil-perijodu tal-iskadenza.
60.
F’dan il-kuntest, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata sa fejn tordna lill-Unjoni Ewropea tħallas kumpens ta’ EUR 44 951.24 lil ASPLA u EUR 111 042.48 lil Armando Álvarez għal dannu materjali mġarrab minn dawn il-kumpanniji minħabba l-ksur tal-obbligu li tingħata deċiżjoni f’terminu raġonevoli fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tas‑16 ta’ Novembru 2011 fil-Kawżi T‑76/06 u T‑78/06.
61.
Dan ifisser li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel miegħi fuq dan il-punt, ma jkunx hemm bżonn li jiġu eżaminati t-tieni aggravju invokat mill-Unjoni u t-tielet, ir-raba’ u l-ħames aggravju invokati minn ASPLA u Armando Álvarez. Madankollu, minħabba l-importanza tal-kawżi futuri dwar il-kwistjoni mqajma, nemmen li jista’ jkun utli li jiġi ttrattat, għall-finijiet ta’ kompletezza biss, it-tieni aggravju invokat mill-Unjoni. Din l-analiżi ser tipprovdi wkoll l-elementi utli għall-eżami tat-tieni aggravju ta’ ASPLA u Armando Álvarez.
2. L-ispejjeż tal-garanzija bankarja: il-kunċett ta’ “dannu”
62.
Bit-tieni aggravju tagħha fil-konfront tal-punti 104 sa 120 tas-sentenza appellata, l-Unjoni, sostnuta mill-Kummissjoni, tafferma li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “dannu”. Fil-fehma tagħha, il-qorti tal-ewwel istanza kellha teżamina jekk, fil-perijodu tal-iskadenza, l-ispejjeż tal-garanzija bankarja mħallsa minn ASPLA u Armando Álvarez kinux ikbar mill-vantaġġ ikkonferit lilhom bil-pussess ta’ somma ugwali għall-ammont tal-multa. Min-naħa tagħhom, ASPLA u Armando Álvarez talbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad dan l-aggravju bħala infondat. Fil-fehma tagħhom, ma hemm l-ebda rabta bejn il-vantaġġi li gawdew minnhom ASPLA u Armando Álvarez u t-telf imġarrab minnhom fil-perijodu tal-iskadenza.
63.
Jidhirli li anki dan l-aggravju huwa manifestament fondat. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta, mingħajr l-ebda spjegazzjoni speċifika jew investigazzjoni ulterjuri, fil-punti 104 u 105 tas-sentenza appellata, poġġiet indaqs l-ispejjeż tal-garanzija bankarja fil-perijodu tal-iskadenza ma’ dannu li għandu jiġi kkumpensat skont l-Artikolu 340 TFUE.
64.
Iż-żewġ kunċetti għandhom jibqgħu distinti.
65.
Att jew ommissjoni ta’ istituzzjoni tal-Unjoni jistgħu jkollhom diversi konsegwenzi għas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ impriżi bħal ASPLA u Armando Álvarez. Dawn jistgħu jwasslu għal ċerti spejjeż għal impriża iżda, fl-istess ħin, jistgħu jirriżultaw f’ċerti qligħ għal dik l-impriża. Skont it-tifsira tal-Artikolu 340 TFUE, ikun hemm biss “danni” meta d-differenza netta bejn l-ispejjeż u l-qligħ tkun negattiva ( 20 ). Fi kliem ieħor, irid ikun hemm telf globali li jirriżulta mill-aġir irrapportat. Inkella, ikun hemm sitwazzjoni paradossali fejn, minkejja li tkun ibbenefikat finanzjarjament mill-aġir ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, impriża tkun ukoll intitolata li titlob somom addizzjonali mill-Unjoni.
66.
Kif ġie spjegat fil-punti 49 u 51 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni ta’ impriża li tiddifferixxi ħlas u tagħmel garanzija bankarja, minn naħa waħda, twassal għal ċerti spejjeż iżda, min-naħa l-oħra, tippermetti wkoll lil dik l-impriża tuża, għal perijodu ta’ żmien, somma li tista’ tiġġenera qligħ. Dawn l-effetti varji ma humiex mhux relatati, iżda huma marbutin b’mod inseparabbli: dawn huma ż-żewġ naħat tal-istess munita.
67.
Ekonomikament, l-għażla li jiġi ddifferit ħlas ta’ multa essenzjalment tikkostitwixxi forma ta’ finanzjament għall-impriża kkonċernata: sat-tmiem tal-proċedura ġudizzjarja, din l-impriża prattikament tissellef il-flus dovuti lill-Unjoni mill-Unjoni nnifisha. L-ispiża globali tal-finanzjament hija, fi kliem sempliċi, is-somma tal-ispejjeż tal-garanzija bankarja flimkien, jekk l-impriża titlef fil-proċedura ġudizzjarja, mal-interessi eventwalment dovuti fuq dik prinċipali. Madankollu, is-sentenza appellata tiffoka biss fuq l-ispejjeż sostnuti minn ASPLA u Armando Álvarez, u ma tgħid xejn dwar il-qligħ u t-tfaddil li setgħu saru minn dawn il-kumpanniji bis-saħħa tad-differiment tal-ħlas.
68.
Fl-opinjoni tiegħi, dan huwa żball imwettaq mill-Qorti Ġenerali. Kif issemma fil-punt 51 iktar ’il fuq, impriża hija preżunta li taġixxi, fi kwalunkwe mument, b’mod li tqis li huwa razzjonali minn perspettiva ekonomika u finanzjarja. Għalhekk, huwa raġonevoli li wieħed jassumi li, għat-tul kollu tal-proċedura ġudizzjarja fil-Kawżi T‑76/06 u T‑78/06, ASPLA u Armando Álvarez sabu iktar vantaġġuż li jkomplu jissellfu mill-Unjoni s-somma korrispondenti għall-ammont tal-multa dovuta, minflok ma użaw il-likwidità tagħhom stess jew jissellfu dak l-ammont minn istituzzjonijiet tal-kreditu.
69.
Jekk dan huwa minnu, ma tistax titwarrab il-possibbiltà li d-dewmien eċċessiv fl-għoti tas-sentenza tal-Kawżi T‑76/06 u T‑78/06 mhux biss ma kkawżax telf għal ASPLA u Armando Álvarez, iżda ta lil dawn il-kumpanniji lok għal vantaġġ finanzjarju. Madankollu, din ma hijiex xi ħaġa li tista’ tiġi aċċertata abbażi tas-sentenza appellata peress li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat, mingħajr l-ebda investigazzjoni sussegwenti, li l-ispejjeż tal-garanzija bankarja fil-perijodu tal-iskadenza kkorrispondew mad-dannu mġarrab minn ASPLA u Armando Álvarez matul dak iż-żmien.
70.
Fl-aħħar nett, dwar dan il-punt nixtieq inżid li s-sentenza appellata tidher kontradittorja. Fil-fatt, fir-rigward ta’ forma oħra ta’ dannu allegat (il-ħlas tal-interessi fuq l-ammont tal-multa) il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ASPLA u Armando Álvarez ma pproduċew l-ebda prova biex juru li, matul il-perijodu tal-iskadenza, “l-ammont tal-interessi moratorji, imħallsa ulterjorment lill-Kummissjoni minn Armando Álvarez, kien jeċċedi l-vantaġġ li setgħet tibbenefika minnu din il-kumpannija minħabba d-disponibbiltà tas-somma, ekwivalenti għall-ammont tal-multa miżjuda bl-interessi moratorji” ( 21 ).
71.
Huwa diffiċli biex wieħed jifhem għalfejn il-Qorti Ġenerali naqset milli tapplika standard simili fir-rigward tad-dannu allegat li jikkonsisti fil-ħlas tal-ispejjeż tal-garanzija bankarja relatati mal-istess perijodu.
72.
Bħala konklużjoni, it-tieni aggravju invokat mill-Unjoni huwa wkoll manifestament fondat.
3. Interessi
73.
Bit-tieni aggravju tagħha, ippreżentat fir-rigward tal-punti 97 sa 103 tas-sentenza appellata, ASPLA u Armando Álvarez isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet it-talba tagħhom għal kumpens għad-dannu li jikkonsisti fl-interessi fuq l-ammont tal-multa imposta fuqhom matul il-perijodu tal-iskadenza.
74.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li ASPLA u Armando Álvarez ma pproduċew l-ebda prova biex juru li, matul il-perijodu tal-iskadenza, l-ammont tal-interessi moratorji li ġew imħallsa iktar tard lill-Kummissjoni kien ikbar mill-vantaġġ ikkonferit lilhom mill-pussess tas-somma ugwali għall-ammont tal-multa flimkien mal-interessi moratorji.
75.
Fl-opinjoni tiegħi, il-Qorti Ġenerali kienet, minħabba r-raġunijiet deskritti fil-punti 23 sa 72 iktar ’il fuq, korretta fiċ-ċaħda tagħha tat-talba ta’ ASPLA u Armando Álvarez. Peress li r-rikorsi ta’ ASPLA u Armando Álvarez ġew finalment miċħuda mill-qrati tal-Unjoni, l-interessi moratorji li kellhom jitħallsu lill-Kummissjoni fuq l-ammont tal-multa huma b’mod ċar spiża li dawn il-kumpanniji kellhom isostnu matul il-perijodu li fih kienu pendenti l-proċeduri ġudizzjarji. Madankollu, dan ma jfissirx awtomatikament li tali spiża tikkostitwixxi dannu skont it-tifsira tal-Artikolu 340 TFUE.
76.
B’mod iktar fundamentali, fil-kawża ineżami ma hemm l-ebda rabta kawżali suffiċjentement diretta, għall-finijiet tal-Artikolu 340 TFUE, bejn it-terminu eċċessiv tal-proċedura u t-telf li jikkonsisti fil-ħlas tal-interessi għall-perijodu tal-iskadenza. Kif spjegat fil-punt 52 iktar ’il fuq, ir-riskju li tiġi sostnuta din l-ispiża rriżulta mid-deċiżjoni ta’ ASPLA u Armando Álvarez li jiddifferixxu l-ħlas tal-multa sakemm tintemm il-proċedura ġudizzjarja. ASPLA u Armando Álvarez ħadu din id-deċiżjoni b’mod ħieles u b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi finanzjarji li jirriżultaw minnha.
77.
Għaldaqstant, it-tieni aggravju ta’ ASPLA u Armando Álvarez għandu jiġi miċħud.
C. It-terminu raġonevoli tal-proċedura
78.
Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, dirett kontra l-punti 57 sa 83 tas-sentenza appellata, ASPLA u Armando Álvarez jallegaw żball ta’ liġi u nuqqas ta’ motivazzjoni fl-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali ta’ x’kien it-terminu raġonevoli li għadda bejn il-fażi bil-miktub u dik orali tal-proċedura fil-Kawżi T‑76/06 u T‑78/06. Dan l-aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet.
79.
L-ewwel parti ta’ dan l-aggravju tikkonċerna l-punti 67 sa 69, minn naħa waħda, u punt 72, min-naħa l-oħra, tas-sentenza appellata. Skont ASPLA u Armando Álvarez, il-Qorti Ġenerali ma spjegatx adegwatament għalfejn waslet għall-konklużjoni li perijodu ta’ 15‑il xahar bejn it-tmiem tal-parti bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-parti orali tal-proċedura kien, fil-prinċipju, tul ta’ żmien xieraq biex jiġu ttrattati kawżi bħal Kawżi T‑76/06 u T‑78/06. Bl-istess mod, ASPLA u Armando Álvarez huma tal-fehma li l-Qorti Ġenerali ma spjegatx adegwatament għalfejn l-ipproċessar parallel ta’ kawżi marbuta jista’ jkun ġustifikazzjoni għall-estensjoni, ta’ perijodu ta’ xahar għal kull kawża marbuta, tal-intervall bejn it-tmiem tal-proċedura bil-miktub u l-ftuħ tal-proċedura orali.
80.
It-tieni parti tal-ewwel aggravju tikkonċerna kontradizzjoni allegata bejn il-punti 72 u 80 tas-sentenza appellata. ASPLA u Armando Álvarez huma tal-fehma li huwa inkonsistenti li jiġi ddikjarat, l-ewwel nett, li l-intervall bejn it-tmiem tal-proċedura bil-miktub u l-ftuħ tal-proċedura orali għandu jiġi estiż b’xahar għal kull kawża marbuta u, sussegwentement, jiġi estiż it-terminu raġonevoli għall-Kawża T‑78/06 b’erba’ xhur oħra minħabba r-rabta mill-qrib tagħha mal-Kawża T‑76/06.
81.
L-Unjoni tikkunsidra dan l-aggravju bħala infondat.
82.
Irrispettivament mill-merti tiegħu, dan l-aggravju għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi miċħud bħala ineffettiv.
83.
Anki jekk l-ilmenti ta’ ASPLA u Armando Álvarez instabu li kienu manifestament fondati, dan ma kienx iwassal għall-annullament tas-sentenza appellata u l-għoti ta’ kumpens ogħla għad-dannu materjali allegatament imġarrab minn dawn il-kumpanniji.
84.
Fil-punti 23 sa 72 u 73 sa 77 iktar ’il fuq, rispettivament, spjegajt għalfejn jien tal-fehma li la l-ispejjeż tal-garanzija bankarja u lanqas l-interessi fuq l-ammont tal-multa mħallsa minn ASPLA u Armando Álvarez fil-perijodu tal-iskadenza ma jikkostitwixxux dannu li għandu jiġi kkumpensat f’konformità mal-Artikolu 340 TFUE. Għalhekk, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha taqbel miegħi dwar dan il-punt, it-tul tal-perijodu tal-iskadenza jkun immaterjali għall-finijiet ta’ din il-proċedura. Fil-fatt, ASPLA u Armando Álvarez ma talbux kumpens għal kwalunkwe forma oħra ta’ dannu ħlief dak diskuss hawn fuq.
V. Il-konsegwenzi tal-evalwazzjoni
85.
Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel mal-evalwazzjoni tiegħi, l-appell ippreżentat mill-Unjoni għandu jintlaqa’ u l-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata jiġi għaldaqstant annullat.
86.
Peress li, fid-dawl tal-fatti disponibbli u l-iskambju tal-fehmiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa possibbli li tagħti deċiżjoni definittiva dwar din il-kwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad it-talba ta’ ASPLA u Armando Álvarez għal kumpens fir-rigward tad-dannu materjali allegatament imġarrab b’riżultat tan-nuqqas tal-Qorti Ġenerali milli tagħti sentenza f’terminu raġonevoli fil-Kawżi T‑76/06 u T‑78/06.
87.
L-appell minn ASPLA u Armando Álvarez għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.
VI. Dwar l-ispejjeż
88.
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu.
89.
Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel mal-evalwazzjoni tiegħi tal-appelli, u sussegwentement, f’konformità mal-Artikolu 137, 138 u 184 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, ASPLA u Armando Álvarez għandhom ibatu l-ispejjeż stess marbuta maż-żewġ istanzi u l-ispejjeż tal-Unjoni. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.
VII. Konklużjoni
90.
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:
–
tannulla l-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑17 ta’ Frar 2017, ASPLA u Armando Álvarez vs L‑Unjoni Ewropea (T‑40/15);
–
tiċħad l-appell ippreżentat minn ASPLA u Armando Álvarez;
–
tiċħad it-talba ta’ ASPLA u Armando Álvarez għal kumpens ta’ EUR 3 495 038.66 fir-rigward tad-dannu materjali mġarrab b’riżultat tan-nuqqas tal-Qorti Ġenerali milli tagħti sentenza f’terminu raġonevoli fil-Kawżi T‑76/06 u T‑78/06;
–
tikkundanna lil ASPLA u Armando Álvarez ibatu l-ispejjeż tagħhom stess kif ukoll l-ispejjeż tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, relatati maż-żewġ istanzi;
–
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea tbati l-ispejjeż tagħha stess marbuta maż-żewġ istanzi.
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Iktar ’il quddiem l-“Unjoni” għall-finijiet ta’ sempliċità
( 3 ) EU:T:2017:105.
( 4 ) EU:T:2011:672.
( 5 ) EU:T:2011:673.
( 6 ) Kawżi magħquda, L‑Unjoni Ewropea vs Gascogne Sack Deutschland u Gascogne, u Gascogne Sack Deutschland u Gascogne vs L‑Unjoni Ewropea, C‑138/17 P u C‑146/17 P; kif ukoll il-kawża, L‑Unjoni Ewropea vs Kendrion, C‑150/17 P.
( 7 ) Il-kawżi msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 jikkonċernaw ukoll rikorsi ppreżentati minn impriżi oħrajn li kienu d-destinatarji tad-Deċiżjoni C(2005) 4634.
( 8 ) Sentenzi tas‑16 ta’ Novembru 2011, ASPLA vs Il‑Kummissjoni (T‑76/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:672); u Álvarez vs Il-Kummissjoni (T‑78/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:673).
( 9 ) Sentenzi tat‑22 ta’ Mejju 2014, ASPLA vs Il‑Kummissjoni (C‑35/12 P, EU:C:2014:348), u Armando Álvarez vs Il‑Kummissjoni (C‑36/12 P, EU:C:2014:349).
( 10 ) Sentenza tal‑21 ta’ April 2005, Holcim (Deutschland) vs Il‑Kummissjoni, T‑28/03, EU:T:2005:139, punt 123; kif ukoll id-digriet tat‑12 ta’ Diċembru 2007, Atlantic Container Line et vs Il‑Kummissjoni, T‑113/04, mhux ippubblikat, EU:T:2007:377, punt 38. Nixtieq nenfasizza li, sa issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex l-opportunità li tikkonferma din il-ġurisprudenza.
( 11 ) F’dan ir-rigward, ara s-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 1979, Dumortier et vs Il‑Kunsill, 64/76, 113/76, 167/78, 239/78, 27/79, 28/79 u 45/79, EU:C:1979:223, punt 21. Ara, iktar reċenti, id-digriet tal‑31 ta’ Marzu 2011, Mauerhofer vs Il‑Kummissjoni, C‑433/10 P, mhux ippubblikat, EU:C:2011:204, punt 127 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 12 ) Ara d-digriet tal‑31 ta’ Marzu 2011, Mauerhofer vs Il‑Kummissjoni, C‑433/10 P, mhux ippubblikat, EU:C:2011:204, punt 127 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 13 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trabucchi, fil-kawża Compagnie continentale France vs Il-Kunsill (169/73, mhux ippubblikati, EU:C:1974:32, punt 4).
( 14 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2004, Thermenhotel Stoiser Franz et vs Il‑Kummissjoni (T‑158/99, EU:T:2004:2); tal‑11 ta’ Mejju 2005, Saxonia Edelmetalle vs Il‑Kummissjoni, T‑111/01 u T‑133/01, EU:T:2005:166; tad‑19 ta’ Ottubru 2005, Freistaat Thüringen vs Il-Kummissjoni, T‑318/00, EU:T:2005:363; u tal‑14 ta’ Diċembru 2005, Laboratoire du Bain vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑151/00, mhux ippubblikata, EU:T:2005:450.
( 15 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tal‑11 ta’ Diċembru 2003, Marlines vs Il‑Kummissjoni, (T‑56/99, EU:T:2003:333); tat‑8 ta’ Lulju 2004, Mannesmannröhren-Werke vs Il‑Kummissjoni (T‑44/00, EU:T:2004:218); tal‑14 ta’ Diċembru 2005, Honeywell vs Il-Kummissjoni (T‑209/01, EU:T:2005:455); u tal‑15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il‑Kummissjoni (T‑15/02, EU:T:2006:74).
( 16 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2010, Trubowest Handel u Makarov vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑419/08 P, EU:C:2010:147, punt 61). Dan il-prinċipju huwa, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod konsistenti, prinċipju ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri: ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 17 ) Artikolu 85 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat 23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145). Dan ir-regolament, applikabbli fid-data tal-fatti, ġie ssostitwit bir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad 29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU 2012, L 362, p. 1).
( 18 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2015, Il‑Kummissjoni vs IPK International, C‑336/13 P, EU:C:2015:83. Fir-rigward tat-tip u l-ammont ta’ interessi li għandhom jitħallsu lura mill-Kummissjoni lil kumpannija li kienet ħallset multa sabiex tikkonforma ruħha ma’ deċiżjoni adottata taħt l-Artikolu 101 TFUE li ġiet sussegwentement annullata mill-qrati tal-Unjoni, ara l-kawża pendenti Printeos vs Il‑Kummissjoni (T‑201/17).
( 19 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2016, Trioplast Industrier vs Il‑Kummissjoni, T‑669/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:285, punt 103.
( 20 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 1992, Mulder et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑104/89 u C‑37/90, EU:C:1992:217, punt 26 et seq).
( 21 ) Punt 101 tas-sentenza appellata.