KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
WAHL
ippreżentati fl‑20 ta’ Settembru 2018 ( 1 )
Kawża C‑326/17
Directie van de Dienst Wegverkeer (RDW)
X u Y
il-parti l-oħra:
Z
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi))
“Direttiva 1999/37/KE — Ċertifikati ta’ reġistrazzjoni maħruġa għal vetturi li ġew irreġistrati l-ewwel darba qabel l-implimentazzjoni tad-Direttiva — Ineżattezzi materjali u ommissjonijiet fiċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni — Rikonoxximent reċiproku — Direttiva 2007/46/KE — Approvazzjoni ta’ karatteristiċi tekniċi ta’ vetturi — Vetturi li jippreċedu l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti tekniċi tal-Unjoni — Modifiki li jkollhom impatt fuq il-karatteristiċi tekniċi tal-vettura”
1.
Fl‑1908, Henry Ford irrivoluzzjoni l-ekonomija dinjija billi ħalla warajh l-assemblaġġ individwali tal-karozzi, mibnija b’mod personalizzat għall-klijent u mexa lejn il-produzzjoni tal-massa ta’ mudelli standard matul katina tal-assemblaġġ. L-ekonomiji ta’ skala u s-semplifikazzjoni tal-proċess tal-manifattura naqqsu drastikament l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-Mudell T famuż tiegħu, biex b’hekk biddel il-karozza, li dak iż-żmien kienet prodott lussuż, fi prodott bażiku.
2.
Standardizzazzjoni bħal din tippermetti wkoll sorveljanza regolatorja ssemplifikata. Sabiex tiġi żgurata s-sigurtà fit-toroq u jiġi protett l-ambjent, l-Istati Membri jeżiġu li l-vetturi jissodisfaw rekwiżiti tekniċi minimi. Minħabba l-karatteristiċi uniformi tal-vetturi standardizzati, ikun biżżejjed li jiġu ttestjati l-karatteristiċi tekniċi ta’ mudell wieħed minn kull tip biex jiġi vverifikat li l-vetturi kollha li jikkonformaw ma’ dak it-tip jissodisfaw ir-rekwiżiti tekniċi (iktar ’il quddiem l-“approvazzjoni tat-tip”). Fl-Unjoni Ewropea, din l-approvazzjoni regolatorja tingħata skont ir-rekwiżiti tekniċi, armonizzati mil-leġiżlatura tal-Unjoni.
3.
L-istandardizzazzjoni tal-vetturi tiffaċilita wkoll il-moviment liberu ta’ dawn il-vetturi fi ħdan l-Unjoni. Sakemm vettura tikkonforma mat-tip approvat tal-Unjoni, ma hemmx bżonn li titpoġġa f’dubju l-konformità mar-rekwiżiti tekniċi fil-mument tar-reġistrazzjoni mill-ġdid fi Stat Membru ieħor. F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tiddeċiedi jekk dan jibqax jgħodd meta vettura ma tikkonformax ma’ tip approvat tal-Unjoni.
I. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
1. Id-Direttiva dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni
4.
L-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/37/KE tad‑29 ta’ April 1999 dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni għall-vetturi ( 2 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni”) jipprovdi:
“Din id-Direttiva għandha tapplika għad-dokumenti maħruġin mill-Istati Membri fil-ħin tar-reġistrazzjoni ta’ vetturi.”
5.
Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni:
“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:
(a)
‘vettura’: għandha tfisser kull vettura kif definita fl-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE tas‑6 ta’ Frar 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom u fl-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/61/KEE tat‑30 ta’ Ġunju 1992 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur li għandhom żewġ jew tliet roti;
(b)
‘reġistrazzjoni’: għandha tfisser l-awtorizzazzjoni amministrattiva għad-dħul fis-servizz ta’ vettura fit-traffiku tat-triq, li tinvolvi l-identifikazzjoni tal-vettura u l-ħruġ tan-numru tas-serje għaliha, li għandu jissejjaħ in-numru ta’ reġistrazzjoni;
(ċ)
‘iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni’: għandu jfisser id-dokument li jiċċertifika li l-vettura hija rreġistrata fi Stat Membru;
[…]”
6.
L-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni jaqra:
“1. L-Istati Membri għandhom joħorġu ċertifikat ta’ reġistrazzjoni għal vetturi li huma soġġetti għal reġistrazzjoni taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom […]
2. Fejn jinħareġ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ġdid għal vettura reġistrata qabel l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jużaw mudell ta’ ċertifikazzjoni kif definit f’din id-Direttiva u jistgħu jillimitaw id-dettalji li jidhru fih għal dawk li għalihom tkun disponibbli l-informazzjoni meħtieġa.
[…]”
7.
L-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni jipprovdi:
“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni maħruġ minn Stat Membru għandu jiġi rikonoxxut mill-Istati Membri l-oħra, għall-identifikazzjoni tal-vettura fi traffiku internazzjonali jew għar-reġistrazzjoni mill-ġdid fi Stat Membru ieħor.”
8.
L-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni jistabbilixxi:
“L-Istati Membri għandhom jassistu lil xulxin fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. Huma jistgħu jaqsmu informazzjoni fuq livell bilaterali jew multilaterali b’mod partikolari sabiex jikkontrollaw, qabel kwalunkwe reġistrazzjoni ta’ vettura, l-istatus legali ta’ din ta’ l-aħħar, fl-Istat Membru fejn qabel kienet irreġistrata, fejn dan ikun meħtieġ […]”
2. Id-Direttiva Kwadru
9.
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi ( 3 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva Kwadru”) jipprovdi:
“Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas armonizzat li fih id-dispożizzjonijiet amministrattivi u l-ħtiġijiet tekniċi ġenerali għall-approvazzjoni tal-vetturi ġodda kollha fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u tas-sistema, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati maħsuba għal dawk il-vetturi, bil-ħsieb li jiġu faċilitati r-reġistrazzjoni, il-bejgħ u d-dħul fis-servizz tagħhom fil-Komunità.
[…]
Ħtiġijiet tekniċi speċifiċi dwar il-kostruzzjoni u l-funzjonament tal-vetturi għandhom jiġu stabbiliti fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva f’atti regolatorji li l-lista eżawrjenti tagħhom hi stabbilita fl-Anness IV.”
10.
L-Artikolu 2 tad-Direttiva Kwadru jipprovdi:
“1. Din id-Direttiva tapplika għall-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi mfassla u mibnija fi stadju wieħed jew aktar għall-użu fit-triq, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati mfassla u mibnija għal tali vetturi.
Hija tapplika wkoll għall-approvazzjoni individwali ta’ tali vetturi.
[…]”
11.
L-Artikolu 3 tad-Direttiva Kwadru jistabbilixxi:
“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva u ta’ l-atti regolatorji elenkati fl-Anness IV, ħlief jekk ipprovdut mod ieħor hemmhekk:
[…]
11.
‘vettura bil-mutur’ tfisser kwalunkwe vettura mħaddma bl-enerġija b’mezz ta’ propulsjoni tagħha stess, li għandha mill-inqas erba’ roti, li tkun kompluta, ikkompletata jew mhux kompluta, b’veloċità massima proġettata ta’ iktar minn 25 km/h”.
12.
L-Artikolu 4(3) tad-Direttiva Kwadru jaqra:
“L-Istati Membri għandhom jirreġistraw jew jippermettu biss il-bejgħ jew id-dħul fis-servizz ta’ dawk il-vetturi, komponenti u unitajiet tekniċi separati li jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ din id-Direttiva.
Huma m’għandhomx jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jimpedixxu r-reġistrazzjoni, il-bejgħ, id-dħul fis-servizz jew fiċ-ċirkulazzjoni fit-toroq ta’ vetturi, komponenti jew unitajiet tekniċi separati, għal raġunijiet marbuta ma’ aspetti tal-kostruzzjoni u l-funzjonament tagħhom koperti minn din id-Direttiva, jekk jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ din ta’ l-aħħar.”
13.
L-Artikolu 24 tad-Direttiva Kwadru jistabbilixxi:
“1. L-Istati Membri jistgħu jeżentaw vettura partikolari, kemm jekk unika kif ukoll jekk le, milli tkun konformi ma’ waħda jew aktar mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jew ma’ wieħed jew aktar mill-atti regolatorji elenkati fl-Anness IV jew l-Anness XI, bil-kondizzjoni li jimponu ħtiġijiet alternattivi.
Id-dispożizzjonijiet imsemmija fis-subparagrafu 1 għandhom jiġu rinunzjati biss meta Stat Membru jkollu raġunijiet motivati biex jagħmel hekk.
[…]
6. Il-validità ta’ approvazzjoni individwali għandha tkun ristretta għat-territorju ta’ l-Istat Membru li ħareġ l-approvazzjoni.
Meta applikant jixtieq ibiegħ, jirreġistra jew idaħħal fis-servizz fi Stat Membru ieħor vettura li ngħatat approvazzjoni individwali, l-Istat Membru li ħareġ l-approvazzjoni għandu, fuq talba, jipprovdi lill-applikant b’dikjarazzjoni tad-dispożizzjoniet tekniċi li bihom il-vettura kienet approvata.
Fir-rigward ta’ vettura li ngħatat approvazzjoni individwali minn Stat Membru skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, Stat Membru ieħor għandu jippermetti li l-vettura tinbiegħ, tiġi reġistrata jew tidħol fis-servizz sakemm m’għandux raġunijiet motivati biex jemmen li d-dispożizzjonijiet tekniċi li għalihom il-vettura kienet approvata mhumiex ekwivalenti għal dawk tiegħu.”
14.
L-Artikolu 48 tad-Direttiva Kwadru jipprovdi li r-regoli tad-Direttiva għandhom jiġu trasposti fid-dritt nazzjonali qabel id-29 ta’ April 2009. L-Artikolu 49 tal-istess direttiva jħassar id-Direttiva 70/156/KEE tas‑6 ta’ Frar 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom ( 4 ) fis-seħħ mill-istess data, u jipprovdi li r-riferimenti għad-direttiva mħassra għandhom jiġu dedotti bħala riferimenti għad-Direttiva Kwadru.
3. Id-Direttiva 2009/40
15.
Id-Direttiva 2009/40/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Mejju 2009 dwar testijiet tal-kondizzjoni ta’ vetturi u tal-karrijiet tagħhom għat-triq tistabbilixxi obbligu li vetturi jiġu suġġetti għal testijiet perjodiċi tal-kundizzjoni għat-triq ( 5 ).
16.
L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/40 jipprovdi:
“Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Annessi I u II, l-Istati Membri jistgħu:
(a)
iġibu ’l quddiem id-data għall-ewwel test obbligatorju tal-kondizzjoni għat-triq u, fejn ikun il-każ, jesiġu ttestjar tal-vettura qabel ir-reġistrazzjoni; […]”
B. Id-dritt Olandiż
17.
L-Artikolu 25b(1) tal-Kentekenreglement (ir-Regoli dwar iċ-Ċertifikat ta’ Reġistrazzjoni) tas‑6 ta’ Ottubru 1994 ( 6 ) jipprovdi li, għall-finijiet ta’ reġistrazzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi, huwa meħtieġ li jiġi ppreżentat iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni preċedentement miksub fi Stat Membru ieħor.
II. Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari
18.
Il-kawża ineżami tqum fil-kuntest ta’ tilwima li tikkonċerna r-reġistrazzjoni ta’ żewġ vetturi bil-mutur fil-Pajjiżi l-Baxxi.
19.
Il-karozzi, Bentley bin-numru ta’ identifikazzjoni tal-vettura (iktar ’il quddiem il-“VIN”) B28J0 u Alvis bil-VIN 14827, ġew prodotti fir-Renju Unit fl‑1950 u fl‑1938 rispettivament. Il-manifatturi fasslu dokumentazzjoni ta’ akkumpanjament, fejn stabbilixxew id-data teknika.
20.
Qabel l-istabbiliment ta’ awtorità ċentrali tar-reġistrazzjoni tar-Renju Unit fl‑1971, il-karozzi inkwistjoni kienu jiġu rreġistrati fir-reġistri lokali li kienu joħorġu l-kotba tar-reġistrazzjoni ta’ karozzi l-antiki bħala prova ta’ reġistrazzjoni. Dawn il-kotba ta’ reġistrazzjoni u d-dikjarazzjonijiet mill-għaqdiet ta’ sidien tal-karozzi servew bħala bażi għar-reġistrazzjoni tal-Bentley fl‑1988 u tal-Alvis fl‑2011 fir-reġistru ċentrali tal-awtorità ta’ reġistrazzjoni tar-Renju Unit. L-awtorità tar-Renju Unit ma tistax tikkonferma kif kienu jidhru ż-żewġ vetturi dak iż-żmien peress li ttrasferixxiet ir-reġistrazzjoni mir-reġistru lokali għal dak ċentrali mingħajr ma kienet spezzjonat il-vetturi.
21.
Bejn l-2009 u l-2013, iż-żewġ karozzi sarulhom xi modifiki li kienu jinvolvu tnaqqis fit-tul tal-bażi tar-roti u bidla fil-magna u fil-karozzerija. Wara dawn il-modifiki nħarġu ċertifikati ta’ reġistrazzjoni fl‑2013 mill-awtoritajiet ta’ reġistrazzjoni Belġjani u tar-Renju Unit rispettivament. Dawn iċ-ċertifikati jagħmlu riferiment għad-data teknika stabbilita fid-dokumentazzjoni mfassla mill-manifatturi oriġinali.
22.
X u Y ippreżentaw il-Bentley fl‑14 ta’ Jannar 2014 għar-reġistrazzjoni fir-reġistru nazzjonali tal-vetturi tal-Pajjiżi l-Baxxi. Spezzjoni tal-pulizija żvelat il-modifiki li saru fuq il-mudell oriġinali, inkluża d-differenza fil-kapaċità tal-magna. Bid-deċiżjoni tal‑10 ta’ Frar 2014, id-Directie van Dienst Wegverkeer (l-Uffiċċju tat-Traffiku tat-Triq, iktar ’il quddiem ir-“RDW”) ċaħad l-applikazzjoni. Fl‑4 ta’ Ġunju 2014, X u Y ippreżentaw mill-ġdid applikazzjoni għal reġistrazzjoni, abbażi ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni Belġjan ieħor maħruġ mill-awtorità tar-reġistrazzjoni Belġjana fid‑19 ta’ Mejju 2014. Dan it-tieni ċertifikat ta’ reġistrazzjoni kien fih il-kapaċità l-ġdida tal-magna. B’ittra tat‑18 ta’ Lulju 2014, b’segwitu tat-tieni applikazzjoni tal‑4 ta’ Ġunju 2014, ir-RDW ħabbar li kien qed jitlob informazzjoni dwar il-vettura mill-awtorità ta’ reġistrazzjoni Belġjana. Din tal-aħħar wieġbet li ċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni nħareġ għall-vettura oriġinali. Bid-deċiżjoni tas‑27 ta’ Awwissu 2014, ir-RDW ċaħad it-tieni applikazzjoni għal reġistrazzjoni tal‑4 ta’ Ġunju 2014.
23.
Z ippreżenta l-Alvis għal reġistrazzjoni lir-RDW fl‑10 ta’ Ġunju 2014. Ir-rapport tal-ispezzjoni għall-vettura mis-servizzi tal-pulizija żvela li saru xi modifiki fuq il-vettura, biex wassal lir-RDW jitlob kjarifiki lill-awtorità ta’ reġistrazzjoni tar-Renju Unit. Din tal-aħħar iddikjarat li rreġistrat il-vettura “in bona fide” abbażi tad-data fid-dokumentazzjoni ta’ akkumpanjament imfassla mill-manifattur, u abbażi tar-ritratti u tal-informazzjoni minn għaqda ta’ sidien tal-karozzi. Ir-RDW staqsa wkoll għal xiex kienet qiegħda tirreferi d-data tal-vettura li għaliha nħareġ iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tar-Renju Unit. L-awtorità ta’ reġistrazzjoni tar-Renju Unit ma setgħetx twieġeb dawn il-mistoqsijiet peress li ma eżaminatx il-vettura. B’deċiżjoni tad‑29 ta’ Settembru 2014, ir-RDW ċaħad l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.
24.
Fiż-żewġ każijiet, ir-RDW irrifjuta l-applikazzjonijiet għar-raġunijiet li ġejjin. Primarjament, ir-RDW huwa tal-opinjoni li peress li l-vetturi ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tekniċi stabbiliti fid-Direttiva Kwadru, dawn ma humiex “vetturi” għall-finijiet tad-Direttiva dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni. Fil-każ li l-vetturi jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni, ir-RDW huwa tal-fehma li ċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni ma humiex dokumenti armonizzati, u għalhekk ma għandhomx għalfejn jiġu rrikonoxxuti reċiprokament abbażi ta’ din id-direttiva. Sa fejn iċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni huma koperti minn dik id-direttiva, ir-RDW jikkunsidra li l-vetturi ma jistgħux jiġu identifikati abbażi ta’ dawn iċ-ċertifikati, minħabba l-ineżattezzi fid-dokumenti. Fl-aħħar nett, skont ir-RDW, huwa impossibbli li l-vetturi, fl-istat attwali tagħhom, jirċievu approvazzjoni tal-karatteristiċi tekniċi tagħhom, u ma huwiex ċar jekk il-vetturi kinux ġew approvati fuq bażi individwali wara modifika.
25.
Id-deċiżjonijiet dwar ir-rifjut tar-reġistrazzjoni ġew appellati quddiem żewġ qrati differenti. Skont dawn il-qrati, id-Direttiva dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni hija applikabbli, fejn il-vetturi għandhom jiġu identifikati abbażi taċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni u dawn iċ-ċertifikati huma ċertifikati armonizzati għall-finijiet ta’ din id-direttiva. Konsegwentement, minn naħa waħda, ir-Rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet bis-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2015 li r-RDW għandu joħroġ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni għall-Bentley. Min-naħa l-oħra, bis-sentenza tat‑23 ta’ Ġunju 2015, ir-Rechtbank Gelderland (il-Qorti Distrettwali ta’ Gelderland, il-Pajjiżi l-Baxxi) ordnat lir-RDW jagħmel evalwazzjoni ġdida fir-rigward tar-reġistrazzjoni tal-Alvis.
26.
Ir-RDW ippreżenta appelli kontra dawn iż-żewġ sentenzi quddiem ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi Baxxi), li ddeċieda li jgħaqqad il-proċeduri. Fid-dawl ta’ dubji dwar l-interpretazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1
Id-[Direttiva dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni] hija applikabbli għal vetturi bil-mutur li kienu jeżistu qabel id-29 ta’ April 2009, data li fiha l-Istati Membri adottaw il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw rwieħhom mad-[Direttiva Kwadru]?
2
Vettura bil-mutur magħmula minn komponenti essenzjali mibnija qabel l-applikazzjoni tad-[Direttiva Kwadru], u minn naħa oħra, minn komponenti essenzjali miżjuda biss wara l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva, hija vettura bil-mutur li kienet diġà teżisti qabel l-applikazzjoni tad-direttiva jew din il-vettura bil-mutur ġiet mibnija wara l-applikazzjoni tal-imsmemija direttiva?
3
Fid-dawl tal-Artikolu 3(2) tad-[Direttiva dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni], l-obbligu ta’ rikonoxximent taħt l-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva japplika b’mod sħiħ jekk l-informazzjoni ma ġietx ikkompilata skont kodiċijiet Komunitarji determinati (li saru obbligatorji abbażi tal-annessi ta’ din id-Direttiva) fiċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni tal-vettura, fejn din l-informazzjoni tkun faċilment identifikabbli?
4
Skont l-Artikolu 4 tad-[Direttiva dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni], huwa permess li jiġi rrikonoxxut ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, iżda li l-vettura tiġi suġġetta xorta waħda għal kontroll tekniku, skont l-Artikolu 24(6) tad-[Direttiva Kwadru] u, jekk il-vettura ma tissodisfax ir-rekwiżiti tekniċi tal-Istat Membru, li jiġi rrifjutat il-ħruġ taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni?”
27.
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-RDW, X u Y, u Z, mill-Gvern Taljan, Olandiż u Norveġiż, u mill-Kummissjoni Ewropea. Inżammet seduta fis‑7 ta’ Ġunju 2018 fejn ir-RDW, X u Y, Z, il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni ppreżentaw sottomissjonijiet orali.
III. Analiżi
28.
Fil-kawża ineżami, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tiċċara sa fejn l-Istati Membri, bħala kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni, huma obbligati li jirrikonoxxu reċiprokament ċertifikati ta’ reġistrazzjoni għal vetturi li ma jikkonformawx ma’ tip approvat tal-Unjoni. Qabel ma nittratta d-domandi preliminari, madankollu ser niddeskrivi b’mod konċiż l-għanijiet u l-prinċipji tad-dritt sekondarju tal-Unjoni fil-qasam tar-reġistrazzjoni tal-vetturi.
A. Osservazzjonijiet preliminari
29.
Biex vettura tidħol fis-servizz, trid tissodisfa tliet kundizzjonijiet differenti: il-karatteristiċi tekniċi tal-vettura jridu jkunu approvati, il-vettura trid tkun irreġistrata u l-vettura trid tkun tajba għal fuq it-triq. Dawn il-kundizzjonijiet għandhom l-għan li jiżguraw livell għoli ta’ sigurtà fit-triq.
30.
Qabel ma ġew adottati miżuri tal-Unjoni f’dan il-qasam, ir-rekwiżiti tekniċi għall-approvazzjoni, il-proċeduri nazzjonali għar-reġistrazzjoni u t-testijiet tal-affidabbiltà stradali, u d-dokumenti nazzjonali maħruġa biex jivverifikaw l-issodisfar ta’ dawn ir-rekwiżiti kienu jvarjaw b’mod sinjifikattiv minn Stat Membru għal ieħor ( 7 ). Dan kellu effett dannuż fuq il-moviment liberu tal-vetturi u s-sidien tagħhom. Biex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu ta’ din il-merkanzija, li hija min-natura tagħha mobbli, l-Unjoni ddeċidiet li tadotta leġiżlazzjoni sekondarja f’dan il-qasam.
31.
L-ewwel nett, l-approvazzjoni tal-karatteristiċi tekniċi tiżgura li l-vetturi jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi tas-sigurtà u dawk ambjentali qabel jidħlu fis-servizz għall-ewwel darba. Peress li ħafna mill-vetturi jikkonformaw ma’ tip ta’ vettura, l-approvazzjoni tipikament tingħata permezz ta’ approvazzjoni tat-tip.
32.
Id-Direttiva Kwadru tistabbilixxi proċedura uniformi għall-approvazzjoni skont it-tip għal vetturi ġodda (iktar ’il quddiem l-“approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni”). Biex jiksbu approvazzjoni, it-tipi ta’ vetturi jridu jikkonformaw mar-rekwiżiti tekniċi li jikkonċernaw il-kostruzzjoni tagħhom. Dawn ir-rekwiżiti minimi huma stabbiliti fl-atti regolatorji mniżżla fl-Anness IV tad-direttiva, u huma armonizzati b’mod sħiħ.
33.
Mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva Kwadru jirriżulta li l-ebda Stat Membru ma jista’ jipprojbixxi, jirrestrinġi jew jimpedixxi r-reġistrazzjoni ta’ vetturi għal raġunijiet marbuta ma’ aspetti tal-kostruzzjoni u tal-funzjonament tagħhom, jekk il-vettura tissodisfa r-rekwiżiti tekniċi kif stabbiliti f’din id-direttiva fil-mument tal-ewwel reġistrazzjoni.
34.
B’mod eċċezzjonali, l-Artikolu 24 tad-Direttiva Kwadru jipprevedi li vettura individwali tista’ tirċievi approvazzjoni tal-karatteristiċi tekniċi tagħha anki jekk ma tissodisfax ir-rekwiżiti armonizzati (iktar ’il quddiem l-“approvazzjoni individwali”). Din l-approvazzjoni tingħata abbażi ta’ rekwiżiti alternattivi li jridu jkunu ekwivalenti għall-massimu prattikabbli għal-livell previst mir-rekwiżiti armonizzati. Il-validità ta’ dik l-approvazzjoni hija limitata għat-territorju ta’ dak l-Istat Membru f’konformità mal-Artikolu 24(6) ta’ dik id-direttiva.
35.
It-tieni nett, ir-reġistrazzjoni ta’ vetturi bil-mutur tinvolvi l-awtorizzazzjoni amministrattiva maħruġa minn Stat Membru għad-dħul fis-servizz fit-traffiku fit-triq ta’ vettura bil-mutur, li tinvolvi l-identifikazzjoni tal-vettura u l-allokazzjoni ta’ numru ta’ reġistrazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni. Din l-aħħar direttiva tarmonizza l-forma u l-kontenut ta’ ċertifikati ta’ reġistrazzjoni. Bis-saħħa tal-Artikolu 4, iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni armonizzat għandu jiġi rrikonoxxut mill-Istati Membri l-oħra għall-identifikazzjoni tal-vettura fi traffiku internazzjonali jew għar-reġistrazzjoni mill-ġdid tagħha fi Stat Membru ieħor.
36.
It-tielet nett, l-eżami tal-affidabbiltà stradali jfittex li jiżgura, matul il-ħajja ta’ vettura, li dik il-vettura tkun f’kundizzjoni tajba sabiex ma tipperikolax is-saħħa u l-ħajja tal-bnedmin. Għalhekk, il-vetturi jkunu suġġetti għal kontrolli perijodiċi tal-affidabbiltà stradali.
37.
Sabiex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu tal-vetturi li ġew irreġistrati preċedentement fi Stat Membru, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/40 jipprevedi obbligu li tiġi rrikonoxxuta l-prova maħruġa fi Stat Membru ieħor li vettura bil-mutur li tkun irreġistrata fih tkun għaddiet minn test tal-affidabbiltà stradali li mill-inqas jikkonforma mal-istandards armonizzati.
38.
Il-maġġoranza l-kbira ta’ vetturi li qegħdin jintużaw fit-toroq Ewropej jikkonformaw ma’ tip approvat tal-Unjoni. Meta dawn il-vetturi jiġu ttrasferiti lejn Stat Membru ieħor, dan tal-aħħar għandu jirrikonoxxi ċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni. Barra minn hekk, kwalunkwe prova li vettura tkun għaddiet minn testijiet tal-affidabbiltà stradali għandha tiġi rrikonoxxuta skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/40. Fl-aħħar nett, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva Kwadru, sakemm il-vettura tikkonforma ma’ tip approvat tal-Unjoni fil-mument tal-ewwel reġistrazzjoni, l-Istat Membru ma jistax jirrestrinġi r-reġistrazzjoni tal-vettura għal raġunijiet marbuta mal-kostruzzjoni jew mal-funzjonament tagħha.
39.
Madankollu, il-kawża ineżami, tiddistingwi ruħha minn din is-sitwazzjoni tipika fi tliet aspetti. L-ewwel nett, il-vetturi ineżami daħlu l-ewwel darba fis-servizz ferm qabel ma eżistiet xi armonizzazzjoni tal-Unjoni tar-rekwiżiti tekniċi. Konsegwentement, qatt ma kkonformaw ma’ tip approvat tal-Unjoni. It-tieni nett, il-vetturi ġew sostanzjalment immodifikati, iżda dawn il-modifiki ma ġewx irreġistrati kollha fl-iktar ċertifikati ta’ reġistrazzjoni armonizzati reċenti. It-tielet nett, iċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni ma humiex kompleti.
40.
Ir-RDW, appoġġjat mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, huwa tal-opinjoni li ċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni, f’dawn iċ-ċirkustanzi ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala ċertifikati ta’ reġistrazzjoni armonizzati, u ma għandhomx jiġu rrikonoxxuti reċiprokament. Jekk iċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni għandhom jitqiesu bħala dokumenti armonizzati, ir-RDW allega li l-vetturi ma jistgħux jiġu identifikati abbażi ta’ dawn id-dokumenti, jew alternattivament li l-karatteristiċi tekniċi tal-vettura ma ġewx approvati u li r-reġistrazzjoni tista’ tiġi rrifjutata għal din ir-raġuni.
41.
Il-Kummissjoni, kif ukoll X, Y u Z, min-naħa l-oħra, huma tal-opinjoni li l-obbligu li jiġu rrikonoxxuti ċertifikati ta’ reġistrazzjoni jimplika li r-RDW ma jistax jikkunsidra mill-ġdid l-evalwazzjoni magħmula mill-awtorità li toħroġ iċ-ċertifikati dwar ir-rekwiżiti sottostanti tal-proċess ta’ reġistrazzjoni.
42.
Biex issolvi din it-tilwima, il-qorti tar-rinviju għamlet erba’ domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja. Essenzjalment, il-qorti tar-rinviju tistaqsi kif ir-regoli sostantivi dwar ir-reġistrazzjoni ta’ vettura u l-approvazzjoni tal-karatteristiċi tekniċi għandhom jiġu interpretati fiċ-ċirkustanzi fattwali speċifiċi tal-kawża pendenti quddiemha.
B. Fuq l-ewwel domanda preliminari
43.
Bl-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni tapplikax għal ċertifikati ta’ reġistrazzjoni li jikkonformaw mal-mudell ta’ ċertifikazzjoni stabbilit f’din id-direttiva, iżda maħruġ għal vetturi li eżistew qabel id-29 ta’ April 2009, it-terminu tat-traspożizzjoni tad-Direttiva Kwadru.
44.
Il-qorti tar-rinviju tagħmel din id-domanda fid-dawl tal-qari restrittiv, mir-RDW, tad-definizzjonijiet ta’ “vettura” għall-finijiet tad-Direttiva dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni, minn naħa waħda, u d-Direttiva Kwadru, min-naħa l-oħra.
45.
L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni jiddefinixxi “vettura” bħala “kull vettura kif definita fl-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 70/156”. Din l-aħħar direttiva tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva Kwadru.
46.
Mill-Artikolu 49 tad-Direttiva Kwadru jirriżulta li r-riferimenti għad-Direttiva 70/156 għandhom jinqraw bħala riferimenti għad-Direttiva Kwadru. Għalhekk, ir-riferiment mid-Direttiva dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni għad-definizzjoni fid-Direttiva 70/156 għandu jinqara bħala riferiment għall-Artikolu 3 tad-Direttiva Kwadru.
47.
B’mod iktar speċifiku, l-Artikolu 3 tad-Direttiva Kwadru jiddefinixxi “vettura bil-mutur” fil-punt 11 bħala “kwalunkwe vettura mħaddma bl-enerġija b’mezz ta’ propulsjoni tagħha stess, li għandha mill-inqas erba’ roti, li tkun kompluta, ikkompletata jew mhux kompluta, b’veloċità massima proġettata ta’ iktar minn 25 km/h”.
48.
It-termini vettura “mhux kompluta”, “ikkompletata” jew “kompluta” huma ddefiniti fil-punti 19, 20 u 21 tal-Artikolu tad-Direttiva Kwadru rispettivament. Dawn id-definizzjonijiet jirreferu għan-numru ta’ stadji ta’ kompletar li vettura tkun għaddiet minnhom jew jeħtieġ li tgħaddi minnhom sabiex tissodisfa r-rekwiżiti tekniċi kif stabbilit fid-direttiva.
49.
Fil-fehma tar-RDW, dan jimplika unikament li vetturi li jikkonformaw mar-rekwiżiti tekniċi, jew li jistgħu jikkonformaw ma’ dawn ir-rekwiżiti wara li jkunu għaddew minn stadji ulterjuri ta’ kompletezza, huma “vetturi” għall-finijiet tad-Direttiva dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni. F’dan il-qari, dokumenti ta’ reġistrazzjoni maħruġa għal vetturi li ma jikkonformawx ma’ tip approvat tal-Unjoni ma humiex maħruġa għal “vetturi” għall-finijiet tad-Direttiva dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni.
50.
Il-qorti tar-rinviju tibda mill-premessa li vettura li l-ewwel reġistrazzjoni tagħha tippreċedi d-Direttiva Kwadru ma tistax tissodisfa r-rekwiżiti tekniċi. Abbażi ta’ dan, din il-qorti tistaqsi jekk id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni kollha maħruġa għal vetturi li ġew irreġistrati l-ewwel darba qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva Kwadru humiex ukoll awtomatikament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni u, għaldaqstant, ma jeħtiġux li jiġu rrikonoxxuti.
51.
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni espliċitament jipprovdi li ċertifikati ta’ reġistrazzjoni armonizzati jistgħu jinħarġu għal vetturi li kienu rreġistrati qabel l-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva.
52.
Barra minn hekk, id-Direttiva dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni għandha l-għan, kif tfakkar fil-premessa 6, li tiffaċilita r-reġistrazzjoni mill-ġdid ta’ vetturi li preċedentement kienu ġew irreġistrati fi Stat Membru ieħor. L-esklużjoni ta’ ċertifikati ta’ reġistrazzjoni armonizzati mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-direttiva tmur kontra dan l-għan, sempliċement minħabba li jkunu ġew imfassla għal vetturi li ġew irreġistrati l-ewwel darba qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva Kwadru jew l-istrument li jippreċediha.
53.
Għandu jiġi enfasizzat ukoll li r-riferiment, fl-Artikolu 3(11) tad-Direttiva Kwadru, għal vettura “mhux kompluta”, “kompluta” jew “[i]kkompletata” għandu jinqara fid-dawl tal-għan tiegħu, li hemm allużjoni għalih fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, li skontu l-vetturi ġodda kollha għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tekniċi fis-seħħ fil-mument tal-ewwel reġistrazzjoni tagħhom.
54.
Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi estiża għad-definizzjoni ta’ vettura fid-Direttiva dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni, li għandha l-għan li tiffaċilita l-moviment liberu ta’ vetturi preċedentement irreġistrati. Għalhekk, ir-riferiment għal vettura “mhux kompluta”, “kompluta” jew “ikkompletata” fid-definizzjoni ta’ “vettura bil-mutur” fl-Artikolu 3(11) tad-Direttiva Kwadru ma huwiex rilevanti għall-finijiet tad-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni.
55.
Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, l-ewwel domanda għandha għalhekk tingħata risposta fis-sens li d-Direttiva dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni tapplika għal ċertifikati ta’ reġistrazzjoni li jikkonformaw mal-mudell ta’ ċertifikazzjoni stabbilit f’din id-direttiva, maħruġa għal vetturi li ġew irreġistrati l-ewwel darba qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva Kwadru.
C. Fuq it-tieni domanda preliminari
56.
Bit-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk vettura bil-mutur komposta, minn naħa waħda, minn komponenti essenzjali mibnija qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva Kwadru, u, min-naħa l-oħra, minn komponenti essenzjali miżjuda biss wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, hijiex vettura bil-mutur li tippreċedi l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva.
57.
Fid-dawl tar-risposta li nipproponi li tingħata għall-ewwel domanda preliminari, iż-żmien li għandha l-vettura huwa irrilevanti għad-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni. Għalhekk, ma hemmx bżonn li tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari.
D. Fuq it-tielet domanda preliminari
58.
Bit-tielet domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk iċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni għandhomx, skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni, jiġu rrikonoxxuti reċiprokament mingħajr ebda setgħa diskrezzjonali min-naħa tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni meta ċ-ċertifikati ma jkunux kompleti, iżda meta d-dettalji nieqsa jkunu setgħu faċilment inkisbu bi spezzjoni.
59.
Fl-opinjoni tiegħi, din id-domanda għandha tingħata risposta fl-affermattiv.
60.
L-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni jipprovdi li ċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni maħruġ minn Stat Membru “għandu jiġi rikonoxxut”. Konsegwentement, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma tidhirx li tħalli xi marġni ta’ diskrezzjoni għall-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni ( 8 ).
61.
Tali qari huwa konsistenti mal-għan ewlieni mfittex mid-Direttiva dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni, jiġifieri li jissaħħaħ il-funzjonament tas-suq intern billi jittejjeb il-moviment liberu tal-vetturi fl-Unjoni ( 9 ). F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-funzjoni primarja taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni hija li tiġi identifikata vettura speċifika ( 10 ) sabiex dik il-vettura tkun tista’ tiċċirkola liberament fi Stati Membri oħrajn, u tiġi esportata faċilment lejhom, għajr dak li tkun irreġistrata fih ( 11 ).
62.
Din il-funzjoni primarja taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni hija kkonfermata mid-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni. Din id-dispożizzjoni tiddefinixxi “[ċ]-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni” bħala d-“dokument li jiċċertifika li l-vettura hija rreġistrata fi Stat Membru”. Barra minn hekk it-terminu “reġistrazzjoni” huwa ddefinit bħala “l-awtorizzazzjoni amministrattiva għad-dħul fis-servizz ta’ vettura fit-traffiku tat-triq, li tinvolvi l-identifikazzjoni tal-vettura u l-ħruġ tan-numru tas-serje għaliha, li għandu jissejjaħ in-numru ta’ reġistrazzjoni”.
63.
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għall-finijiet tar-reġistrazzjoni mill-ġdid, il-karatteristiċi tekniċi ta’ vetturi użati rreġistrati preċedentement fi Stati Membri oħrajn jistgħu jiġu vverifikati abbażi tad-dokumenti ta’ reġistrazzjoni eżistenti. Għaldaqstant, l-Istati Membri ma jistgħux jiġġustifikaw rekwiżit sistematiku tal-produzzjoni ta’ ċertifikat ta’ konformità abbażi tan-neċessità li jiġu vverifikati l-karatteristiċi tekniċi tal-vetturi li għandhom ċertifikat ta’ reġistrazzjoni. Tali rekwiżit ikollu l-effett li jirrendi bla sustanza l-prinċipju ta’ rikonoxximent taċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni maħruġa minn Stati Membri oħrajn ( 12 ).
64.
Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, meta tintalab ir-reġistrazzjoni mill-ġdid ta’ vettura użata, ir-rekwiżit li tiġi ppreżentata l-vettura għal spezzjoni intiża sabiex jiġi vverifikat jekk il-vettura tkunx attwalment preżenti fit-territorju tal-Istat Membru u jekk din tikkorrispondix mad-data fiċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni maħruġ minn Stat Membru ieħor, huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni ( 13 ).
65.
Fil-fehma tiegħi, jirriżulta minn din il-ġurisprudenza li, minn naħa waħda, formalitajiet amministrattivi sempliċi li huma sempliċement intiżi li jiżguraw l-identifikazzjoni korretta ta’ vettura ppreżentata għal reġistrazzjoni mill-ġdid huma permessibbli. Min-naħa l-oħra, rekwiżiti iktar wisgħin tar-reġistrazzjoni li jikkompromettu l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku stabbilit fl-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.
66.
Konsegwentement, is-sempliċi fatt li ċertifikat ta’ reġistrazzjoni maħruġ minn Stat Membru ieħor ma jkunx fih ċerta data ma jfissirx li l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni jistgħu jirrifjutaw li jirrikonoxxu tali ċertifikat. A fortiori, dan il-prinċipju għandu japplika fejn din l-informazzjoni tista’ tinkiseb faċilment permezz ta’ spezzjoni sempliċi tal-vettura ( 14 ).
67.
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni jippermetti lill-Istati Membri jillimitaw id-dettalji murija f’ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ġdid għal vettura li ġiet irreġistrata l-ewwel darba qabel l-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva, lil dawk li għalihom tkun disponibbli d-data meħtieġa. Il-fatt li l-awtoritajiet tal-Istati Membri jagħmlu użu mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni ma jfissirx li dawn iċ-ċertifikati ma għandhomx għalfejn jiġu rrikonoxxuti iktar.
68.
Barra minn hekk, l-awtoritajiet tal-Istati Membri, f’konformità mal-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni, huma meħtieġa li jassistu lil xulxin f’dan il-qasam. F’dan ir-rigward, dawn jistgħu jaqsmu informazzjoni bejniethom fuq livell bilaterali jew multilaterali, b’mod partikolari sabiex jiġi vverifikat l-istatus legali tal-vettura fl-Istat Membru li fih ġiet preċedentement irreġistrata ( 15 ).
69.
Għalhekk, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru ma humiex awtomatikament meħlusa mill-obbligu tagħhom, skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni, li jirrikonoxxu ċertifikat ta’ reġistrazzjoni sempliċement minħabba li dak id-dokument fih informazzjoni mhux preċiża minħabba li ċerta informazzjoni hija nieqsa minnu.
70.
Madankollu, dan jista’ ma jkunx il-każ jekk l-informazzjoni mhux preċiża jew nieqsa taffettwa l-identifikazzjoni tal-vettura.
71.
Pereżempju, jista’ jkun hemm każijiet fejn l-informazzjoni nieqsa jew mhux preċiża f’ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tagħti lok għal suspett leġittimu ta’ aġir frawdolenti min-naħa tas-sid tal-vettura. F’dan ir-rigward, il-premessa 9 tad-Direttiva dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni tipprovdi espliċitament li d-direttiva tfittex li tiffaċilita “kontrolli intenzjonati speċifikament biex jiġġieldu kontra l-qerq u l-kummerċ illeċitu f’vetturi misruqa”. F’dawn il-każijiet speċifiċi u eċċezzjonali, eżami iktar fil-fond tal-istatus legali tal-vettura jista’ jkun leġittimu qabel ma tiġi rreġistrata l-vettura. F’dan il-kuntest, l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni jistgħu wkoll, kif issemma iktar ’il fuq, jitolbu kjarifiki mill-awtoritajiet tal-Istat Membru li ħareġ iċ-ċertifikat. Jekk l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni jiksbu provi univokali li l-persuna li tapplika għal reġistrazzjoni kisbet iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni fl-Istat Membru emittenti b’mezzi frawdolenti jew illegali (bħal falsifikazzjoni, tixħim jew dikjarazzjoni falza), jew li ċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni inkwistjoni, għal kwalunkwe raġuni oħra, ikun invalidu skont id-dritt tal-Istat Membru emittenti, l-Istat Membru ta’ destinazzjoni jkun intitolat li jirrifjuta r-reġistrazzjoni.
72.
Madankollu, fl-assenza ta’ kwalunkwe prova f’dan ir-rigward, l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni għandhom jirrikonoxxu kif xieraq dak iċ-ċertifikat, u għalhekk jipproċedu b’reġistrazzjoni ġdida tal-vettura.
73.
Għall-finijiet ta’ kompletezza, ser nosserva wkoll li din il-konklużjoni ma timplikax li l-Istati Membri ma għandhomx mezzi sabiex jiżguraw is-sigurtà fit-triq. Jekk, matul l-ispezzjoni ta’ vettura, l-awtoritajiet josservaw anomaliji li jagħtu lok għal suspett li s-sistemi u l-komponenti ta’ sigurtà u dawk ambjentali tal-vettura ġew alterati jew immodifikati, jew b’mod iktar ġenerali li s-sigurtà fit-triq hija serjament affettwata, l-awtoritajiet huma intitolati li jmexxu ’l quddiem id-data tal-ewwel test obbligatorju tal-affidabbiltà stradali għall-vettura, anki jekk il-vettura kienet għaddiet minn test tal-affidabbiltà stradali fl-Istat Membru tar-reġistrazzjoni preċedenti ( 16 ).
74.
Barra minn hekk, li kieku vettura jsirulha, wara r-reġistrazzjoni, xi modifiki li jistgħu jħallu impatt fuq il-kostruzzjoni tagħha, l-Istat Membru jista’ jeżiġi li l-vettura tiġi suġġetta għat-testijiet li huma previsti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, sakemm ma tinkiser l-ebda dispożizzjoni applikabbli tad-dritt sekondarju tal-Unjoni ( 17 ) u li l-moviment liberu tal-merkanzija jkun osservat kif xieraq ( 18 ). Fil-kawża ineżami, madankollu ma huwiex ikkontestat mill-partijiet li l-modifiki kienu kienu saru qabel il-ħruġ taċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni l-iktar reċenti.
75.
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, it-tielet domanda preliminari għandha tingħata risposta fis-sens li skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni l-Istati Membri ma jistgħux jirrifjutaw li jirrikonoxxu ċertifikati ta’ reġistrazzjoni sempliċement minħabba li ċerta data fiċ-ċertifikati tkun nieqsa, sakemm dawn l-ommissjonijiet ma jaffettwawx l-identifikazzjoni tal-vettura.
E. Fuq ir-raba’ domanda preliminari
76.
Bir-raba’ domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk huwiex permess skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni li jiġi rrikonoxxut ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, iżda li l-vettura tiġi suġġetta xorta waħda għal kontroll tekniku għall-finijiet tal-Artikolu 24(6) tad-Direttiva Kwadru u, jekk il-vettura ma tissodisfax ir-rekwiżiti tekniċi tal-Istat Membru, li jiġi rrifjutat il-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni.
77.
Fi kliem ieħor, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara r-relazzjoni bejn l-obbligu ta’ Stat Membru, skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni, li jirrikonoxxi ċertifikati ta’ reġistrazzjoni maħruġa minn Stati Membri oħrajn u l-abbiltà tiegħu, prevista fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 24(6) tad-Direttiva Kwadru, li jipprevjeni vettura milli tiġi rreġistrata fit-territorju tiegħu meta jkollu raġunijiet validi biex jemmen li d-dispożizzjonijiet tekniċi li l-vettura ġiet approvata skonthom ma jkunux ekwivalenti għad-dispożizzjonijiet tekniċi tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni.
78.
Jidhirli li din id-domanda hija bbażata fuq żewġ suppożizzjonijiet żbaljati.
79.
L-ewwel nett, jidher li l-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li ċertifikat ta’ reġistrazzjoni maħruġ minn Stat Membru ieħor jista’ jiġi rrikonoxxut formalment filwaqt li r-reġistrazzjoni mill-ġdid tal-vettura tista’ madankollu tiġi rrifjutata.
80.
Fil-fehma tiegħi, dak il-qari tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni huwa żbaljat. B’mod partikolari, l-Artikolu 4 tagħha jipprovdi b’mod ċar li ċ-“ċertifikat ta’ reġistrazzjoni maħruġ minn Stat Membru għandu jiġi rikonoxxut mill-Istati Membri l-oħra, għall-identifikazzjoni tal-vettura fi traffiku internazzjonali jew għar-reġistrazzjoni mill-ġdid fi Stat Membru ieħor”. Dan ifisser li l-obbligu ta’ rikonoxximent reċiproku jinvolvi, fil-prinċipju, obbligu li l-vettura titħalla tiċċirkola liberament u/jew li tiġi rreġistrata. Qari differenti ma jkunx imur biss kontra l-formulazzjoni tal-Artikolu 4 iżda jrendi wkoll din id-dispożizzjoni ineffettiva.
81.
It-tieni nett, jidher li hemm nuqqas ta’ ftehim rigward l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva Kwadru. Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, id-direttiva tapplika (għal dak li huwa rilevanti hawnhekk) biss għall-“approvazzjoni tal-vetturi ġodda kollha [li jaqgħu] fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha”.
82.
Madankollu, il-vetturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistgħux jitqiesu bħala “vetturi ġodda” għall-finijiet tad-Direttiva Kwadru. F’dan ir-rigward, ma huwiex neċessarju li tiġi kkunsidrata l-kwistjoni dwar jekk vetturi jistgħux isiru vetturi “ġodda” permezz ta’ modifika. Fil-fatt, kif issemma iktar ’il fuq, il-partijiet jaqblu li l-iktar ċertifikati ta’ reġistrazzjoni reċenti taż-żewġ vetturi kienu nħarġu wara li saru l-aħħar modifiki fuqhom. Għalhekk, l-Artikolu 24(6) tad-Direttiva Kwadru ma huwiex applikabbli għall-vetturi inkwistjoni.
83.
Konsegwentement, ir-raba’ domanda għandha tingħata risposta fis-sens li l-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni jipprekludi lil Stat Membru, li jkun mitlub jirrikonoxxi ċertifikat ta’ reġistrazzjoni maħruġ minn Stat Membru ieħor fir-rigward ta’ vettura li taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva Kwadru, milli jissuġġetta dik il-vettura għal kontroll tekniku għall-finijiet tal-Artikolu 24(6) ta’ din l-aħħar direttiva.
IV. Konklużjoni
84.
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi għal deċiżjoni preliminari magħmula mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) kif ġej:
–
Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/37/KE tad‑29 ta’ April 1999 dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni għall-vetturi tapplika għal ċertifikati ta’ reġistrazzjoni li jikkonformaw mal-mudell ta’ ċertifikazzjoni stabbilit f’din id-direttiva, maħruġa għal vetturi li jippreċedu t-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi.
–
Fuq kostruzzjoni xierqa tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 1999/37, moqri fid-dawl tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri ma jistgħux jirrifjutaw li jirrikonoxxu ċertifikati ta’ reġistrazzjoni sempliċement minħabba li d-data rrappreżentata minn ċerti kodiċijiet ma tkunx imtliet, meta din id-data tkun setgħet inkisbet faċilment, sakemm dawn l-ommissjonijiet ma jaffettwawx l-identifikazzjoni tal-vettura.
–
L-Artikolu 4 tad-Direttiva 1997/37 jipprekludi lil Stat Membru, li jkun mitlub jirrikonoxxi ċertifikat ta’ reġistrazzjoni maħruġ minn Stat Membru ieħor fir-rigward ta’ vettura li taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2007/46, milli jissuġġetta dik il-vettura għal kontroll tekniku għall-finijiet tal-Artikolu 24(6) ta’ din l-aħħar direttiva.
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 4, p. 351
( 3 ) ĠU 2007, L 263, p. 1. Din id-direttiva tħassret u ġiet issostitwita bir-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 u li jħassar id-Direttiva 2007/46/KE (ĠU 2018, L 151, p. 1).
( 4 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 1, p. 44.
( 5 ) ĠU 2009, L 141, p. 12. Din id-direttiva tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva 2014/45/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar testijiet perjodiċi tal-affidabbiltà stradali għal vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom u li tħassar id-Direttiva 2009/40/KE (ĠU 2014, L 127, p. 51). L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2014/45 jissostitwixxi, essenzjalment, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/40.
( 6 ) Stb. 1994, Nru 760.
( 7 ) Dan jirriżulta espliċitament mill-preamboli tad-Direttiva dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni, id-Direttiva Kwadru u d-Direttiva 2009/40, u l-istrumenti li jippreċeduhom.
( 8 ) Sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑150/11, EU:C:2012:539, punt 73.
( 9 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessi 1 sa 4, 6 u 8 tad-Direttiva dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni.
( 10 ) Il-premessa 2 tad-Direttiva dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni taqra “l-Istati Membri kollha jeħtieġu li s-sewwieq ta’ vettura rreġistrata fi Stat Membru ieħor ikollu ċertifikat ta’ reġistrazzjoni li jkun jikkorrispondi ma’ dik il-vettura, sabiex din tkun tista’ tintuża fit-toroq tat-territorju tagħhom” (enfasi miżjuda minni).
( 11 ) Ara b’mod partikolari l-premessi 3, 4 u 6 tad-Direttiva dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni.
( 12 ) Sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑150/11, EU:C:2012:539, punti 75 sa 77.
( 13 ) Sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2007, Il‑Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑297/05, EU:C:2007:531, punti 57 sa 63.
( 14 ) Kif issemma fil-punt 64 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li tali spezzjoni hija permessibbli.
( 15 ) Qiegħed nosserva li l-Proposta eżistenti għal regolament li jissimplifika t-trasferiment ta’ vetturi bil-mutur irreġistrati fi Stat Membru ieħor fi ħdan is-suq uniku għandha l-intenzjoni li ttejjeb l-assistenza reċiproka billi tippermetti lill-Istati Membri ta’ destinazzjoni jkollhom aċċess għad-data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi fir-reġistri tal-Istati Membri emittenti (COM(2012)164 final, Artikolu 7).
( 16 ) Artikolu 5 tad-Direttiva 2014/45.
( 17 ) Jekk, minkejja l-modifiki, il-vettura xorta waħda tikkonforma ma’ tip approvat, l-Istat Membru ma jistax, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva Kwadru, jopponi r-reġistrazzjoni tagħha. Fil-każ li l-modifika tagħmel użu minn sistemi, komponenti jew unitajiet tekniċi separati li rċevew approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni, din l-approvazzjoni għandha tiġi rrikonoxxuta bis-saħħa tal-Artikolu 10, moqri flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva Kwadru. F’dawn il-każijiet, spezzjonijiet jew testijiet tekniċi ser ikunu, fil-prinċipju, esklużi.
( 18 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal‑11 ta’ Ġunju 1987, Gofette u Gilliard (406/85, EU:C:1987:274, punti 7 sa 10), tal‑20 ta’ Settembru 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi (C‑297/05, EU:C:2007:531, punti 73 sa 76), tal‑10 ta’ Frar 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑110/05, EU:C:2009:66, punti 57 sa 59), tas‑6 ta’ Settembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑150/11, EU:C:2012:539, punti 52 sa 54), tal‑20 ta’ Marzu 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑639/11, EU:C:2014:173, punti 52, 53 u 55), u tal-20 ta’ Marzu 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Litwanja (C‑61/12, EU:C:2014:172, punti 57, 58 u 60).