KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fit‑22 ta’ Marzu 2018 ( 1 )
Kawża C‑390/17 P
Irit Azoulay,
Andrew Boreham,
Mirja Bouchard,
Darren Neville
vs
Il-Parlament Ewropew
“Appell – Servizz pubbliku – Remunerazzjoni – Allowances tal-familja – Allowance tal-edukazzjoni – Rifjut ta’ rimbors ta’ spejjeż skolastiċi – Interpretazzjoni awtonoma tal-kunċett ta’ spejjeż skolastiċi – Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal”
I. Introduzzjoni
1.
Bħalma ċerti Stati Membri jimplimentaw politika tal-familja li tinkludi parti pekunjarja, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jipprevedu l-ħlas ta’ allowances tal-familja lill-persunal tagħhom. Dawn jinkludu allowance tad-dar imħallsa lill-uffiċjal responsabbli mill-familja, miżjuda b’allowance għal kull wild li dan huwa responsabbli minnu, kif ukoll b’allowance tal-edukazzjoni maħsuba sabiex tkopri l-ispejjeż skolastiċi sostnuti mill-uffiċjal minħabba l-attendenza tal-wild tiegħu fi stabbiliment ta’ tagħlim. Dawn huma l-kundizzjonijiet sabiex wieħed jibbenefika minn din l-allowance tal-aħħar, li qegħdin jopponu l-partijiet f’din il-kawża.
2.
Il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex wieħed jikseb l-allowance tal-edukazzjoni ġew emendati fl-okkażjoni tar-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea fl‑2004. Filwaqt li, fir-rigward tal-iskola primarja u sekondarja, din l-allowance qabel kienet titħallas ( 2 ) lill-uffiċjal, ikun xi jkun l-istabbiliment ta’ tagħlim fejn jattendi l-wild tiegħu, ir-riforma introduċiet il-kundizzjoni li l-istabbiliment għandu jieħu l-miżati sabiex wieħed ikun intitolat għall-allowance ( 3 ). L-għan kien li “[l]-benefiċċju ta’ l-edukazzjoni għandu […] ikun allineat aktar viċin, fil-ġejjieni, lejn l-ispiża vera” ( 4 ).
3.
Huwa abbażi tal-fatt li l-istabbiliment, li attendew ulied ir-rikorrenti fl-appell, ma jiħux miżati li, fl‑2015, il-Parlament Ewropew irrifjuta li jagħtihom l-allowance tal-edukazzjoni mitluba, meta fis-snin preċedenti dan kien iħallasha. Ir-rikorrenti fl-appell isostnu li għandhom bażi sabiex ikomplu jirċevuha.
4.
Din id-diverġenza toriġina mill-mod partikolari li bih ġiet mitluba l-parteċipazzjoni finanzjarja tar-rikorrenti fl-appell mill-istabbilimenti ta’ tagħlim ikkonċernati. Infatti, dawn l-istabbilimenti huma ssussidjati mill-awtorità pubblika lokali, li tissuġġettahom għall-obbligu tal-aċċess bla ħlas għat-tagħlim previst mill-Kostituzzjoni Belġjana ( 5 ). Madankollu, sabiex jiġi żgurat il-finanzjament tagħhom, l-istabbilimenti inkwistjoni huma sostnuti wkoll minn assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru, li huma rispettivament marbuta magħhom u li l-ġenituri tal-istudenti jiġu mistiedna jħallsu kontribuzzjoni lilhom. Hija din il-kontribuzzjoni li r-rikorrenti fl-appell qegħdin jitolbu rimbors tagħha fir-rigward tal-allowance tal-edukazzjoni.
5.
F’din il-kawża tas-servizz pubbliku, li hija waħda mill-ewwel kawżi li l-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tisma’ fl-appell wara x-xoljiment tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u r-reintegrazzjoni tal-kompetenzi ta’ dan tal-aħħar fil-Qorti Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tiddetermina jekk, fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, huwiex ġust li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-ħlas ta’ tali kontribuzzjoni ma jistax jiġi kopert mill-allowance tal-edukazzjoni.
II. Il-kuntest ġuridiku
6.
Il-kuntest ġuridiku ta’ din il-kawża huwa ddeterminat mid-dispożizzjonijiet li ġejjin tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”). ( 6 )
7.
Konformement mal-Artikolu 67(1)(ċ) tar-Regolamenti tal-Persunal, l-allowances tal-familja li għandu dritt għalihom l-uffiċjal fir-rigward tar-remunerazzjoni jinkludu l-allowance tal-edukazzjoni.
8.
L-Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jispeċifika l-kundizzjonijiet għall-intitolament tal-allowance tal-edukazzjoni:
“Suġġett għall-kondizzjonijiet imniżżla fid-disposizzjonijiet ġenerali ta’ l-implimentazzjoni, uffiċjal għandu jirċievi benefiċċju ta’ l-edukazzjoni daqs l-ispejjeż vera li ħallas, sa massimu ta’ EUR 260.95 ( 7 ), kull xahar għal kull tifel dipendenti […], li jkollu mill-anqas ħames snin u jkun jattendi full-time u regolarment skola primarja jew sekondarja li tieħu l-miżati, jew stabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla. Il-ħtieġa għall-attendenza fi skola li tieħu l-miżati, ma tapplikax għar-rimborżar ta’ l-ispiża tat-trasport ta’ l-iskola.
[…]”.
9.
Fuq il-bażi tal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Parlament adotta, fit‑18 ta’ Mejju 2004, id-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni dwar l-għoti tal-allowance tal-edukazzjoni previst fl-Artikolu 3 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem id-“DĠI”) ( 8 ). L-Artikolu 1 tad-DĠI jagħmel distinzjoni bejn l-allowance tal-edukazzjoni A, fissa, imħallsa għat-tfal li għandhom inqas minn ħames snin jew li għadhom ma bdewx jattendu skola primarja, u l-allowance tal-edukazzjoni B. Fir-rigward ta’ din l-allowance tal-aħħar, l-Artikolu 3 tad-DĠI jipprevedi:
“Fil-parametri tal-limiti previsti fl-ewwel u fit-tielet subparagrafi tal-Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, l-allowance tal-edukazzjoni B tkopri:
a)
l-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni u ta’ attendenza fl-istabbilimenti ta’ edukazzjoni
b)
l-ispejjeż ta’ trasport
bl-esklużjoni tal-ispejjeż l-oħra kollha, u b’mod partikolari:
–
tal-ispejjeż obbligatorji bħal ma huma l-ispejjeż għax-xiri ta’ kotba, ta’ materjal skolastiku, ta’ tagħmir sportiv, il-kopertura ta’ assigurazzjoni skolastika u ta’ spejjeż mediċi, l-ispejjeż ta’ eżamijiet, l-ispejjeż sostnuti għal attivitajiet skolastiċi esterni komuni (bħal ma huma l-ħarġiet, iż-żjarat u l-vjaġġi skolastiċi, il-korsijiet sportivi eċċ.), kif ukoll l-ispejjeż l-oħra relatati mat-twettiq tal-programm skolastiku tal-istabbiliment ta’ edukazzjoni li l-istudent jattendi,
–
tal-ispejjeż li jirriżultaw mill-parteċipazzjoni tal-wild fi vjaġġi organizzati lejn lokalitajiet għall-isports tax-xitwa, lokalitajiet ħdejn il-baħar u lokalitajiet fil-kampanja, kif ukoll f’attivitajiet simili.”
III. Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali
10.
Ir-rikorrenti fl-appell (iktar ’il quddiem l-“appellanti”) huma rispettivament membri tal-persunal temporanju u uffiċjali tal-Parlament Ewropew u jirrisjedu ġewwa l-Belġju. Uliedhom jattendu stabbilimenti ta’ tagħlim ( 9 ) li l-karatteristika komuni tagħhom hija li jiġu ssussidjati, iżda mhux fit-totalità tagħhom, mill-Komunità Franċiża tal-Belġju. Iż-żewġ stabbilimenti kkonċernati għandhom ukoll riżorsi proprji li b’mod partikolari jiġu pprovduti lilhom minn assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru (iktar ’il quddiem l-“assoċjazzjonijiet”) li l-ġenituri tal-istudenti rispettivi jiġu mistiedna jħallsu kontribuzzjoni lilhom.
11.
Sas-sena skolastika 2013/2014, biha inkluża, il-Parlament irrimborsa, fir-rigward tal-ispejjeż skolastiċi u sal-limitu massimu previst, il-kontribuzzjoni mħallsa lill-assoċjazzjonijiet mill-appellanti li wliedhom kienu diġà jattendu dawn l-istabbilimenti. Fl‑24 ta’ April 2015, il-Parlament ċaħad it-talbiet għar-rimbors tal-kontribuzzjoni mħallsa lill-assoċjazzjonijiet mill-appellanti għas-sena skolastika 2014/2015, għar-raġuni li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal ma ġewx issodisfatti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ta’ ċaħda”). Skont il-Parlament, iż-żewġ skejjel ikkonċernati ma kinux stabbilimenti ta’ tagħlim li jieħdu l-miżati fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, peress li l-kontribuzzjonijiet fakultattivi tal-appellanti lill-assoċjazzjonijiet jaqgħu barra mill-kuntest tat-tagħlim obbligatorju bla ħlas u kif previst mil-leġiżlazzjoni Belġjana.
12.
Għalkemm l-ilmenti mressqa mill-appellanti kontra d-deċiżjonijiet ġew miċħuda wkoll fis‑17 u d-19 ta’ Novembru 2015, il-Parlament xorta ddeċieda li jagħti lill-appellanti, b’mod volontarju u eċċezzjonali, l-allowance tal-edukazzjoni għas-sena 2014/2015, iżda li ma jagħtihiex iktar għas-snin skolastiċi li ġejjin għall-attendenza fl-istabbilimenti kkonċernati.
13.
Fis‑17 ta’ Frar 2016, l-appellanti talbu l-annullament tad-deċiżjonijiet ta’ ċaħda tal-Parlament, madankollu bl-eċċezzjoni tal-għoti b’mod volontarju u eċċezzjonali tal-allowance tal-edukazzjoni għas-sena 2014/2015, u l-kundanna ta’ dan tal-aħħar sabiex iħallashom l-allowance tal-edukazzjoni għas-sena 2015/2016. Insostenn tar-rikors tagħhom, l-appellanti invokaw tliet motivi bbażati, l-ewwel nett, fuq il-ksur tal-Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, it-tieni nett, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u, it-tielet nett, fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amministrazzjoni tajba.
14.
Fis-sentenza tagħha tat‑28 ta’ April 2017 (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”) ( 10 ), il-Qorti Ġenerali ċaħdet kull wieħed minn dawn il-motivi u, għaldaqstant, it-talbiet għal annullament tad-deċiżjonijiet ta’ ċaħda. Fid-dawl ta’ din iċ-ċaħda, din iddeċidiet li ma kienx hemm iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet intiżi għall-kundanna tal-Parlament sabiex iħallas lill-appellanti l-allowance tal-edukazzjoni għas-sena 2015/2016.
IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet
15.
Permezz tan-nota tat‑28 ta’ Ġunju 2017, l-appellanti ppreżentaw flimkien dan l-appell mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali.
16.
L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
–
tannulla s-sentenza appellata;
–
tilqa’ t-talbiet imressqa fl-ewwel istanza mill-appellanti fil-kuntest tar-rikors fil-Kawża T‑580/16 ( 11 );
–
tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż kollha.
17.
Min-naħa tiegħu, il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
–
tiċħad l-appell bħala infondat;
–
tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.
18.
Quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell ta lok għal proċedura bil-miktub.
V. Evalwazzjoni fid-dritt
19.
L-appellanti jsostnu li s-sentenza appellata hija vvizzjata b’diversi żbalji ta’ liġi, b’mod partikolari l-iżnaturament tal-punti ta’ fatt u tal-assenza ta’ motivazzjoni. B’mod partikolari, l-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali allegatament wettqet żball ta’ liġi u żnaturat il-fatti billi ma kkunsidratx interpretazzjoni awtonoma u uniformi tal-kunċett ta’ “spejjeż skolastiċi” fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ( 12 ). It-tieni nett, is-sentenza appellata allegatament fiha ineżattezza materjali fil-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali ( 13 ). It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali allegatament wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-ġurisprudenza stabbilita applikabbli fir-rigward tar-regola ta’ konkordanza bejn l-ilment u r-rikors ( 14 ). Finalment, il-Qorti Ġenerali allegatament naqset mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta wieġbet għall-motiv ibbażat fuq il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amministrazzjoni tajba ( 15 ).
A. L-ammissibbiltà
20.
Ninnota li, quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti talbu l-annullament tad-deċiżjonijiet ta’ ċaħda tat-talbiet tagħhom għall-ispejjeż skolastiċi għas-sena skolastika 2014/2015. Issa, fid-deċiżjonijiet ta’ ċaħda tal-ilmenti tagħhom, li l-appellanti talbu wkoll l-annullament tagħhom bl-eċċezzjoni ta’ dan il-punt, il-Parlament tahom b’mod volontarju u eċċezzjonali l-allowance tal-edukazzjoni għal din l-istess sena. Għalhekk, l-appellanti effettivament ibbenefikaw mill-allowance mitluba.
21.
Fir-rigward tas-snin skolastiċi ulterjuri, fid-deċiżjonijiet ta’ ċaħda tal-ilmenti tiegħu biss, il-Parlament ippreċiża li l-allowance tal-edukazzjoni ma kinitx ser tingħata iktar lill-appellanti għas-snin skolastiċi li ġejjin ( 16 ).
22.
Il-Qorti Ġenerali qieset li d-deċiżjonijiet ta’ ċaħda tal-ilmenti kellhom nuqqas ta’ natura awtonoma u li għalhekk hija kienet adita biss b’rikors dirett kontra d-deċiżjonijiet ta’ ċaħda ( 17 ), li huma relatati biss mas-sena skolastika 2014/2015. Dan il-punt ma ġiex ikkritikat mill-appellanti fl-appell tagħhom.
23.
Fir-rigward tas-sena skolastika 2015/2016 b’mod partikolari, l-appellanti talbu wkoll lill-Qorti Ġenerali tikkundanna lill-Parlament sabiex iħallas l-allowance tal-edukazzjoni għal din is-sena. Quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Parlament enfasizza l-inammissibbiltà ta’ din it-talba minħabba li l-allowance tal-edukazzjoni ngħatat mill-amministrazzjoni għal sena skolastika waħda biss u li l-appellanti kellhom isegwu l-proċedura amministrattiva qabel il-preżentata tar-rikors tagħhom ( 18 ).
24.
Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, fid-dawl taċ-ċaħda tat-talbiet għal annullament tad-deċiżjonijiet ta’ ċaħda (fir-rigward tas-sena skolastika 2014/2015), ma kienx hemm iktar lok li tingħata deċiżjoni fir-rigward tat-talba dwar is-sena skolastika 2015/2016 ( 19 ). Lanqas dan il-punt ma ġie kkritikat mill-appellanti fl-appell tagħhom.
25.
F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra neċessarju li tiġi eżaminata ex officio l-kundizzjoni ta’ ammissibbiltà tar-rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali ( 20 ) marbuta mal-interess ġuridiku, jien tal-opinjoni li l-appellanti għandhom interess ġuridiku fil-konfront tad-deċiżjonijiet ta’ ċaħda għas-sena skolastika 2014/2015, li jkun biżżejjed sabiex jiġġustifika l-ammissibbiltà tar-rikors. Ċertament, l-allowance tal-edukazzjoni ngħatatilhom għal dik is-sena. Madankollu, għalkemm fil-fatti l-appellanti ġew irrimborsati, dan huwa biss bis-saħħa ta’ miżura eċċezzjonali u volontarja adottata mill-Parlament sabiex jikkumpensa għall-ħin eċċessiv li ħa sabiex ittratta t-talbiet tagħhom ( 21 ). Madankollu, id-deċiżjonijiet li jiċħdu t-talbiet tagħhom u li fihom teħid ta’ pożizzjoni definittiva tal-amministrazzjoni fir-rigward tagħhom ma ġewx irtirati u jiddeterminaw id-drittijiet tagħhom. Għalhekk, l-appellanti jżommu l-interess ġuridiku kontra d-deċiżjonijiet li, jekk permezz tagħhom jiġu rrifjutati d-dritt għall-allowance tal-edukazzjoni, dawn ikunu ta’ preġudizzju għalihom.
26.
Fir-rigward tal-appell, il-Parlament ma kkontestax l-ammissibbiltà tiegħu u ma nara l-ebda raġuni għalfejn l-inammissibbiltà tar-rikors għandha titqajjem ex officio.
B. L-ewwel aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi u fuq l-iżnaturament tal-fatti fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ spejjeż skolastiċi
1. L-interpretazzjoni awtonoma tal-kunċett ta’ “spejjeż skolastiċi”
27.
L-appellanti jakkużaw lill-Qorti Ġenerali li ma pproċedietx għal interpretazzjoni awtonoma u uniformi tal-kunċett ta’ “spejjeż skolastiċi” fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Huma jinvokaw il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li bis-saħħa tagħha, konformement mal-Artikolu 1a tar-Regolamenti tal-Persunal, l-uffiċjali għandhom dritt għall-ugwaljanza fit-trattament fl-applikazzjoni ta’ dawn tal-aħħar, li jirrikjedi, b’mod ġenerali, interpretazzjoni awtonoma u uniformi tar-Regolamenti tal-Persunal fl-Unjoni kollha. Din l-interpretazzjoni għandha tiġi mfittxija billi jitqies il-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni ( 22 ).
28.
B’mod partikolari fir-rigward tal-ispejjeż skolastiċi, l-appellanti jibbażaw ruħhom fuq is-sentenza Bovagnet vs Il-Kummissjoni sabiex isostnu li għall-finijiet tar-rimbors, dan il-kunċett ma jistax jiddependi mid-denominazzjonijiet eżistenti jew mill-klassifikazzjonijiet magħmula fuq livell nazzjonali, iżda biss fuq in-natura stess u l-komponenti tal-ispiża li għandha tiġi rrimborsata ( 23 ). Madankollu, skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali interpretat dan il-kunċett fid-dawl tal-leġiżlazzjoni Belġjana.
29.
L-argumenti tal-appellanti ma jikkonvinċunix. Bħall-Parlament, naħseb li l-Qorti Ġenerali pproċediet għal interpretazzjoni awtonoma tal-kunċett “spejjeż skolastiċi” li tikkunsidra l-iskop tal-allowance tal-edukazzjoni u li ma tiddependix fuq klassifikazzjonijiet stabbiliti fuq livell nazzjonali.
30.
Għalhekk, fil-punt 30 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tiddefinixxi l-“ispejjeż skolastiċi” rimborsabbli fir-rigward tal-allowance tal-edukazzjoni bħala dawk li jkopru kemm l-ispejjeż li jippermettu lil student ikollu aċċess għall-istabbiliment ta’ tagħlim (spejjeż ta’ reġistrazzjoni) kif ukoll l-ispejjeż li jippermettulu jsegwi l-korsijiet u jipparteċipa b’mod utli fil-programmi ta’ dan l-istess stabbiliment (spejjeż ta’ attendenza).
31.
Din id-definizzjoni tirriproduċi lil dik stabbilita mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-sentenza Bovagnet vs Il-Kummissjoni ( 24 ), li l-fatti tagħha kienu parti minn kuntest nazzjonali ieħor minħabba li l-istabbiliment ta’ tagħlim ikkonċernat kien jinsab fil-Lussemburgu.
32.
Billi eżaminat jekk l-ispejjeż sostnuti mill-appellanti kinux jikkostitwixxu kemm l-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni kif ukoll dawk ta’ attendenza fis-sens tas-sentenza Bovagnet vs Il-Kummissjoni ( 25 ), il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 31 u 32 tas-sentenza appellata, li r-reġistrazzjoni fl-istabbilimenti kkonċernati u t-tagħlim li jingħata fihom ma kinux suġġetti għall-ħlas ta’ somma flus li tkopri l-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni u ta’ attendenza. Bl-istess mod, in-nuqqas ta’ ħlas lill-assoċjazzjonijiet tal-kontribuzzjoni mitluba ma jwassalx, bħala konsegwenza, għar-rifjut tar-reġistrazzjoni jew għall-esklużjoni tal-istudent. Fi kliem ieħor, l-istabbilimenti ma eżiġewx il-ħlas ta’ somma flus sabiex l-ulied ikollhom aċċess għalihom u jsegwu l-korsijiet fihom, u lanqas il-ġenituri ma kienu meħtieġa jħallsu l-ispejjeż. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-ispejjeż sostnuti mill-appellanti ma setgħux jiġu kklassifikati bħala spejjeż skolastiċi.
33.
Għalhekk, il-Qorti Ġenerali interpretat l-ispejjeż skolastiċi fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal bħala li għandhom ikunu obbligatorji għall-uffiċjal sabiex jirreġistra lill-wild tiegħu fi stabbiliment iddeterminat u jippermetti lil dan li jsegwi l-korsijiet fih.
34.
Din il-kundizzjoni diġà kienet stabbilita fis-sentenza Bovagnet vs Il-Kummissjoni. L-ispejjeż rimborsabbli ġew iddefiniti fiha bħala spejjeż li jikkundizzjonaw l-ammissjoni nnifisha tal-istudent fl-iskola u fil-programm tagħha, għalhekk fl-edukazzjoni, u li l-ħlas tagħhom huwa obbligatorju ( 26 ).
35.
Din l-interpretazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolamenti tal-Persunal. Infatti, kif ifakkar il-Parlament, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jagħtu dritt għal benefiċċji finanzjarji għandhom ikunu interpretati strettament ( 27 ).
36.
Ir-rimbors tal-kontribuzzjoni mħallsa mill-uffiċjal fuq bażi fakultattiva u volontarja ma jissodisfax dan ir-rekwiżit ta’ interpretazzjoni stretta. Barra minn hekk, dan jikkontradixxi r-rieda tal-leġiżlatur li, fl-okkażjoni tar-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal fl‑2004, issuġġetta r-rimbors tal-ispejjeż għall-kundizzjoni li l-wild jattendi stabbiliment li jieħu l-miżati ( 28 ) u temm il-ħlas tal-allowance tal-edukazzjoni taħt forma ta’ rata fissa li kienet disponibbli għall-uffiċjali ( 29 ). Għaldaqstant, ir-Regolamenti tal-Persunal ma jippermettux li l-allowance tal-edukazzjoni tiġi kkunsidrata bħala suppliment ta’ remunerazzjoni li l-uffiċjal jagħti b’mod ħieles, b’mod partikolari billi jħallas xi kontribuzzjonijiet volontarji jew għotjiet.
37.
Il-Qorti Ġenerali ma interpretatx il-kunċett ta’ “spejjeż skolastiċi” konformement mad-dritt Belġjan. Għalkemm hija ssemmi ( 30 ) ċirkulari nazzjonali tal-Komunità Franċiża tal-Belġju bl-isem “Aċċess bla ħlas għall-edukazzjoni obbligatorja” ( 31 ), dan huwa biss bħala indizju insostenn tal-konstatazzjoni, li ma hijiex ikkontestata mill-appellanti, li l-istabbilimenti ma kinux jimponulhom il-ħlas ta’ spejjeż ta’ reġistrazzjoni u ta’ attendenza. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ssostni li din iċ-ċirkulari, applikabbli għall-istabbilimenti inkwistjoni, tipprevedi li stabbiliment issussidjat ma jistax jikkundizzjona reġistrazzjoni għall-ħlas ta’ somma flus, u li n-nuqqas ta’ ħlas tal-ispejjeż li stabbiliment jista’ jitlob ( 32 ) ma jistax ikollu konsegwenza fuq l-attendenza fl-istabbiliment mill-istudent ikkonċernat.
38.
Għalhekk, sabiex tiddetermina jekk il-ħlas tal-ispejjeż li l-appellanti qegħdin jitolbu r-rimbors tagħhom jissuġġettax l-ammissjoni ta’ wliedhom fl-istabbilimenti kkonċernati, il-Qorti Ġenerali rreferiet għad-dritt Belġjan bħala indizju rilevanti u mhux bħala kriterju deċiżiv ( 33 ), liema ħaġa tintwera permezz tal-użu tal-avverbju “barra minn hekk” ( 34 ).
39.
L-appellanti jsostnu li l-interpretazzjoni restrittiva stabbilita mill-Qorti Ġenerali tagħmel ir-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi dipendenti fuq diversi sistemi edukattivi tal-Istati Membri.
40.
Dan huwa żbaljat. Ma huwiex ir-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi li jista’ jvarja minn Stat Membru għal ieħor, jew minn stabbiliment għal ieħor, iżda l-eżistenza nnifisha u l-ammont tal-ispejjeż skolastiċi li jridu jiġu rrimborsati.
41.
Għalhekk, meta stabbiliment jissuġġetta r-reġistrazzjoni u l-attendenza ta’ student għall-ħlas ta’ spejjeż, huma n-natura u l-komponenti ta’ dawn l-ispejjeż li, konformement mas-sentenza Bovagnet vs Il-Kummissjoni ( 35 ) u indipendentement mid-denominazzjonijiet jew mill-klassifikazzjonijiet nazzjonali, jiddeterminaw ir-rimbors tagħhom. Għall-kuntrarju, meta l-istabbiliment ma jissuġġettax ir-reġistrazzjoni u l-attendenza ta’ student għall-ħlas ta’ spejjeż, tkun xi tkun ir-raġuni, l-uffiċjal ikkonċernat ma jkollux raġuni sabiex jibbenefika mill-allowance tal-edukazzjoni.
42.
Sussegwentement, l-appellanti huma tal-opinjoni li interpretazzjoni awtonoma kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li mingħajr il-kontribuzzjonijiet li huma jiġu mistiedna jħallsu, l-istabbilimenti kkonċernati ma jkunux jistgħu jiffinanzjaw it-tagħlim speċifiku li l-appellanti jkunu għażlu li jirreġistraw lil uliedhom għalih. Għalhekk, il-kontribuzzjonijiet jikkostitwixxu spejjeż effettivament sostnuti mill-appellanti għall-edukazzjoni ta’ wliedhom.
43.
Billi sostniet li l-ispejjeż skolastiċi ma jkoprux l-ispejjeż kollha effettivament sostnuti għall-edukazzjoni, iżda biss dawk li stabbiliment jeżiġi bħala spejjeż ta’ reġistrazzjoni u ta’ attendenza, il-Qorti Ġenerali madankollu interpretat dan il-kunċett konformement mal-formulazzjoni u mal-iskop tad-dispożizzjonijiet applikabbli tar-Regolamenti tal-Persunal.
44.
Finalment, l-appellanti jsostnu li bl-assimilazzjoni, fil-punt 40 tas-sentenza appellata, tal-kontribuzzjonijiet imħallsa ma’ “spejjeż oħra” fis-sens tal-Artikolu 3 tad-DĠI, il-Qorti Ġenerali llimitat kunsiderevolment il-kunċett awtonomu u tar-Regolamenti tal-Persunal ta’ “spejjeż skolastiċi”. Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-kontribuzzjonijiet imħallsa jaqgħu taħt il-kategorija ta’ “spejjeż oħra” għall-unika raġuni li dawn ma humiex marbuta mal-programm edukattiv uffiċjali Belġjan.
45.
Dan ma jirriżultax mill-qari tiegħi tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Wara li kkonkludiet, għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq ( 36 ), li l-kontribuzzjonijiet imħallsa ma jaqgħux fil-kategorija tal-ispejjeż skolastiċi rimborsabbli, il-Qorti Ġenerali kklassifikathom b’esklużjoni fil-kategorija li jifdal ta’ “l-ispejjeż l-oħra kollha”, mhux rimborsabbli. Peress li l-lista tal-każijiet previsti li jidħlu f’din il-kategorija ma hijiex eżawrjenti, il-Qorti Ġenerali setgħet ġustament tikkunsidrahom bħala “l-ispejjeż l-oħra relatati mat-twettiq tal-programm skolastiku tal-istabbiliment ta’ edukazzjoni li l-istudent jattendi” ( 37 ).
46.
Għalhekk, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.
2. L-iżnaturament tal-fatti
47.
L-appellanti jsostnu li bl-affermazzjoni, fil-punt 31 tas-sentenza appellata, li l-fatturazzjoni tal-ispejjeż skolastiċi mill-assoċjazzjonijiet ma hijiex konformi mad-dritt Belġjan, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti.
48.
F’dan ir-rigward, tali żnaturament jeżisti meta, mingħajr ma jsir riferiment għal elementi ġodda, l-evalwazzjoni tal-elementi eżistenti tidher manifestament żbaljata ( 38 ).
49.
Madankollu, f’dan il-każ, tali żnaturament tad-dritt nazzjonali ma ġiex ipprovat, minħabba li l-appellanti la wrew li ċ-ċirkulari inkwistjoni ma kinitx vinkolanti u lanqas li l-Qorti Ġenerali wettqet evalwazzjoni li tmur manifestament kontra l-kontenut tagħha. B’mod partikolari, huma ma pprovawx, insostenn tal-argument tagħhom, li l-istabbilimenti jew l-assoċjazzjonijiet huma awtorizzati li jitolbu l-ħlas tal-ispejjeż li jirrigwardaw il-proġett ta’ tagħlim speċifiku f’dawn l-istabbilimenti.
50.
Għalhekk, anki dan l-ilment għandu jiġi miċħud.
51.
Għaldaqstant, l-ewwel aggravju huwa infondat kollu kemm hu.
C. It-tieni aggravju bbażat fuq l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet
52.
L-appellanti jsostnu li, fis-sentenza appellata, it-tweġiba għall-motiv tagħhom ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi fiha ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet. Skonthom, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-formola mħejjija mill-Parlament, li għandha timtela mill-istabbilimenti kkonċernati, kinitx turi l-eżistenza ta’ spejjeż ta’ reġistrazzjoni. Min-naħa l-oħra, hija ma ddeċidietx dwar l-eżistenza ta’ prattika stabbilita tal-Parlament li ħolqot aspettattivi leġittimi fl-appellanti.
53.
Madankollu, fil-punti 44 u 45 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wieġbet għall-motiv tal-appellanti bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Wara li fakkret it-tliet kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex tiġi invokata l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, anki jekk garanziji preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti kienu ngħataw mill-amministrazzjoni, dawn ma setgħux joħolqu aspettattivi leġittimi għall-appellanti minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal.
54.
Barra minn hekk, it-tweġiba tal-Qorti Ġenerali għal dan il-motiv hija bbażata fuq ġurisprudenza stabbilita ( 39 ).
55.
F’dan il-kuntest, il-formola mibgħuta lill-istabbilimenti kkonċernati, li l-Qorti Ġenerali tippreċiża li ma ppermettietx li jiġi stabbilit li l-appellanti kienu ħallsu xi spejjeż ta’ reġistrazzjoni, tissemma fil-punt 46 biss bħala tweġiba għall-argument tal-partijiet li jgħid li l-ispedizzjoni ta’ din il-formola kienet ikkaratterizzata minn garanziji li wasslu għal aspettattivi leġittimi min-naħa tagħhom.
56.
Għalhekk, it-tieni aggravju huwa manifestament infondat.
D. It-tielet aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-ġurisprudenza li tirrigwarda r-regola ta’ konkordanza bejn l-ilment u r-rikors
57.
L-appellanti jaffermaw li billi ċaħdet l-argument tagħhom ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali bħala inammissibbli minħabba li dan ma tressaqx fl-ilment, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 47 tas-sentenza appellata, injorat il-ġurisprudenza li tirrigwarda l-konkordanza bejn l-ilment u r-rikors.
58.
Skont l-appellanti, kien biss fid-deċiżjonijiet ta’ ċaħda tal-ilmenti li l-Parlament iddikjara li l-allowance tal-edukazzjoni kienet suġġetta għal evalwazzjoni annwali. Dawn jiċċitaw il-ġurisprudenza li tipprevedi eċċezzjoni għar-regola ta’ konkordanza bejn l-ilment u r-rikors: fl-ipoteżi fejn il-persuna li tagħmel l-ilment issir taf bil-motivazzjoni tal-att li jkun ta’ preġudizzju għaliha permezz tar-risposta għall-ilment tagħha, kull motiv imressaq għall-ewwel darba fil-fażi tar-rikors u intiż li jikkontesta l-fondatezza tal-motivi esposti fir-risposta għall-ilment għandu jitqies li huwa ammissibbli ( 40 ). Għalhekk, l-appellanti jsostnu li kienu fondati li jqajmu għall-ewwel darba fir-rikors tagħhom il-kunflitt mal-prinċipju ta’ ċertezza legali tal-prerogattiva tal-Parlament li jissuġġetta l-allowance tal-edukazzjoni għal evalwazzjoni annwali.
59.
Il-Parlament joġġezzjona li d-deċiżjonijiet ta’ ċaħda tal-ilmenti ma fihomx motivazzjoni li tibdel jew tikkompleta b’mod sostanzjali l-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjonijiet ta’ ċaħda.
60.
F’dan ir-rigward, huwa minnu li l-Parlament jafferma għall-ewwel darba, fir-risposta tiegħu għall-ilmenti tal-appellanti, li l-allowance tal-edukazzjoni tiġi evalwata annwalment. Madankollu, din l-affermazzjoni ssostni l-argument tiegħu li jgħid li ma tax garanziji preċiżi u inkundizzjonati lill-appellanti fir-rigward tal-benefiċċju tal-allowance tal-edukazzjoni. Huwa għalhekk bħala risposta għall-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-aspettattivi leġittimi, imqajjem mill-appellanti fl-ilment tagħhom, li l-Parlament afferma li l-allowance tal-edukazzjoni kienet suġġetta għal evalwazzjoni annwali. Dan l-argument ma jikkostitwixxix motiv tad-deċiżjonijiet ta’ ċaħda li jidher biss fl-istadju tar-risposta għall-ilmenti, iżda huwa raġuni li għaliha ma setgħux jinħolqu aspettattivi leġittimi għar-rikorrenti fl-appell.
61.
Barra minn hekk, is-sentenza li jirreferu għaliha l-appellanti ngħatat f’ċirkustanzi fejn l-amministrazzjoni, biċ-ċaħda tal-ilment, ma segwietx il-motivazzjoni li dehret fid-deċiżjoni inizjali tagħha u minflok qieset motivi oħra ( 41 ). Dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża. Il-motiv ta’ ċaħda tat-talba għar-rimbors huwa l-istess fid-deċiżjonijiet inizjali u fiċ-ċaħda tal-ilmenti: l-istabbilimenti inkwistjoni ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala stabbilimenti li jieħdu l-miżati skont ir-Regolamenti tal-Persunal u għalhekk ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet li bihom l-appellanti jistgħu jibbenefikaw mill-allowance tal-edukazzjoni.
62.
Minn dan jirriżulta li, billi ċaħdet bħala inammissibbli l-argumenti tagħhom li jirrigwardaw il-prinċipju ta’ ċertezza legali minħabba li dawn ma tqajmux fl-ilment, il-Qorti Ġenerali ma injoratx il-ġurisprudenza dwar ir-regola ta’ konkordanza bejn l-ilment amministrattiv u r-rikors.
63.
Għaldaqstant, it-tielet aggravju huwa infondat.
E. Ir-raba’ aggravju bbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni
64.
L-appellanti jallegaw li l-Qorti Ġenerali naqset mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha billi ddikjarat, fil-punt 56 tas-sentenza appellata, li l-ewwel parti tat-tielet motiv tagħha, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kienet ineffettiva.
65.
Quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti affermaw li xi uffiċjali ta’ istituzzjoni oħra tal-Unjoni komplew jibbenefikaw mir-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi għal uliedhom li jattendu l-istess stabbilimenti. L-appellanti jsostnu li rċevew trattament differenti abbażi tal-istess Regolamenti tal-Persunal.
66.
Għalkemm fil-qosor, il-Qorti Ġenerali wieġbet darbtejn għal dan l-ilment. Wara li fakkret is-sisien u l-kontenut tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, din enfasizzat, fil-punt 55 tas-sentenza appellata, li dan il-prinċipju kellu jiġi rrikonċiljat mal-osservanza tal-prinċipju ta’ legalità. Għaldaqstant, u skont ġurisprudenza stabbilita ( 42 ), uffiċjal ma jistax jinvoka, għall-benefiċċju tiegħu, illegalità li kienet ġiet imwettqa favur xi ħaddieħor. Barra minn hekk, billi l-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-għoti tar-rimbors ta’ spejjeż bħal dawk sostnuti mill-appellanti ma kienx konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, hija ddeduċiet li l-appellanti ma setgħux jinvokaw din l-illegalità li minnha bbenefikaw uffiċjali oħra.
67.
Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kien ineffettiv.
68.
Ma jidhirlix li b’dan il-mod il-Qorti Ġenerali naqset mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha li jirriżulta mill-Artikoli 36 u 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Dan l-obbligu ma jobbligax lill-Qorti Ġenerali tipprovdi espożizzjoni li ssegwi, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, l-argumenti kollha mressqa mill-partijiet fil-kawża. Il-motivazzjoni tas-sentenza għandha tippermetti lill-partijiet ikkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet għalfejn il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l-argumenti tagħhom u lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha elementi biżżejjed sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha ( 43 ). Dan huwa l-każ f’din il-kawża. Il-motivazzjoni pprovduta mill-Qorti Ġenerali fil-punti 55 u 56 tas-sentenza appellata tippermetti l-fehim tar-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-invokazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kienet ineffettiva u ma ġietx ikkunsidrata bħala neċessarja sabiex twieġeb l-argumenti kollha li jirrigwardaw dan il-prinċipju.
69.
Sussegwentement, l-appellanti jaffermaw li l-Qorti Ġenerali kienet żammet lura milli tieħu deċiżjoni dwar l-allegat ksur tal-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea li jobbliga lill-Unjoni tosserva d-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika. Jien nikkunsidra li, għalkemm l-appellanti għamlu riferiment għal din id-dispożizzjoni fir-rikors tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kuntest tat-tieni parti tat-tielet motiv, li tirrigwarda l-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, huma għamlu dan f’termini wisq ipotetiċi u ġenerali sabiex ikun possibbli li jitqies li qegħdin jinvokaw il-ksur tiegħu. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li ma ħaditx deċiżjoni f’dan ir-rigward.
70.
Minn dan kollu jirriżulta li, fl-opinjoni tiegħi, ir-raba’ aggravju għandu wkoll jiġi miċħud bħala infondat u li, għaldaqstant, l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.
VI. Fuq l-ispejjeż
71.
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.
72.
Minħabba li l-Parlament talab il-kundanna tal-appellanti għall-ispejjeż u dawn tal-aħħar tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, dawk sostnuti mill-Parlament.
VI. Konklużjoni
73.
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:
1)
L-appell huwa miċħud.
2)
Irit Azoulay, Andrew Boreham, Mirja Bouchard u Darren Neville huma kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, dawk sostnuti mill-Parlament.
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Din kienet titħallas b’rata fissa. Il-ħlas lill-uffiċjali li kienu jibbenefikaw minnha twaqqaf progressivament matul perijodu ta’ ħames snin (Artikolu 16 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal fil-verżjoni tagħhom li tirriżulta mir-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 723/2004 tat‑22 ta’ Marzu 2004 Li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal ta’ l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 1, Vol. 2, p. 130).
( 3 ) Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal fil-verżjoni tagħhom li tirriżulta mir-Regolament Nru 723/2004. Min-naħa l-oħra, il-kundizzjoni tal-ħlas ta’ miżati ma hijiex applikabbli fil-każ tal-attendenza fi stabbiliment ta’ tagħlim ogħla (jew universitarju); għalhekk l-allowance tal-edukazzjoni hija mħallsa fil-forma ta’ allowance fissa fix-xahar f’ammont ugwali għal-limitu massimu.
( 4 ) Premessa 26 tar-Regolament Nru 723/2004.
( 5 ) L-Artikolu 24(3) tal-Kostituzzjoni Belġjana.
( 6 ) Fil-verżjoni tagħhom applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2014.
( 7 ) Dan l-ammont kien applikabbli fid-data tal-fatti. Bħalissa huwa ta’ EUR 273.60.
( 8 ) Verżjoni applikabbli fid-data li fiha l-Qorti Ġenerali tat is-sentenza appellata. Il-verżjoni fis-seħħ bħalissa ġiet adottata fit‑18 ta’ Novembru 2016; il-formulazzjoni tal-Artikolu 5 bl-isem “Spejjeż skolastiċi” hija identika għal dik ta’ dak li kien l-Artikolu 3.
( 9 ) Dawn huma l-Athénée Ganenou fi Brussell (il-Belġju) u l-École internationale Le Verseau f’Bierges (il-Belġju). L-ewwel waħda hija skola konfessjonali li, mal-programm ta’ edukazzjoni tal-Komunità Franċiża tal-Belġju, iżżid diversi sigħat fil-ġimgħa għat-tagħlim tal-lingwa Ebrajka, tal-istorja tal-Ġudaiżmu, tal-Bibbja u tal-Ingliż mis-sezzjoni primarja ’il fuq. It-tieni waħda hija skola mhux konfessjonali fejn il-klassijiet huma mgħallma bil-Franċiż u bl-Ingliż mill-klassijiet infantili minn għalliema li għalihom dawn il-lingwi hija l-lingwa materna tagħhom.
( 10 ) Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑28 ta’ April 2017, Azoulay et vs Il-Parlament (T‑580/16, EU:T:2017:291).
( 11 ) Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ April 2017, Azoulay et vs Il-Parlament (T‑580/16, EU:T:2017:291).
( 12 ) Din il-kritika tikkonċerna l-punti 31 sa 36, 38 u 40 tas-sentenza appellata.
( 13 ) Din il-kritika tikkonċerna l-punti 45 u 46 tas-sentenza appellata.
( 14 ) Din il-kritika tikkonċerna l-punt 47 tas-sentenza appellata.
( 15 ) Din il-kritika tikkonċerna l-punti 55 u 56 tas-sentenza appellata.
( 16 ) Sakemm l-istabbilimenti kkonċernati ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet previsti għall-għoti tal-allowance tal-edukazzjoni.
( 17 ) Punt 12 tas-sentenza appellata.
( 18 ) Punti 68 sa 74 tar-risposta tal-Parlament quddiem il-Qorti Ġenerali.
( 19 ) Punt 65 tas-sentenza appellata.
( 20 ) Fuq il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tqajjem ex officio, għall-ewwel darba fl-istadju tal-proċedura ta’ appell, l-inammissibbiltà tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑23 ta’ April 2009, Sahlstedt et vs Il-Kummissjoni (C‑362/06 P, EU:C:2009:243, punt 22).
( 21 ) Punti 66 u 67 tar-risposta tal-Parlament quddiem il-Qorti Ġenerali.
( 22 ) F’dan ir-rigward, l-appellanti jiċċitaw is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑15 ta’ Ottubru 2015, Axa Belgium (C‑494/14, EU:C:2015:692, punti 21 u 24).
( 23 ) Sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat‑8 ta’ Settembru 2011, Bovagnet vs Il-Kummissjoni (F‑89/10, EU:F:2011:129, punt 22).
( 24 ) Sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat‑8 ta’ Settembru 2011, Bovagnet vs Il-Kummissjoni (F‑89/10, EU:F:2011:129, punt 23).
( 25 ) Sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat‑8 ta’ Settembru 2011, Bovagnet vs Il-Kummissjoni (F‑89/10, EU:F:2011:129, punt 23).
( 26 ) Sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat‑8 ta’ Settembru 2011, Bovagnet vs Il-Kummissjoni (F‑89/10, EU:F:2011:129, punti 26 u 27).
( 27 ) Sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat‑30 ta’ Novembru 1994, Dornonville de la Cour vs Il-Kummissjoni (T‑498/93, EU:T:1994:278, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat‑30 ta’ Ġunju 2015, Petsch vs Il-Kummissjoni (F‑124/14, EU:F:2015:69, punt 33).
( 28 ) Fil-każ tal-attendenza fi skola primarja jew sekondarja.
( 29 ) Ara l-punt 2 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 30 ) Ara l-punti 31, 33 u 36 tas-sentenza appellata li huma espressament is-suġġett tal-kritika tal-appellanti.
( 31 ) Ċirkulari Nru 4516 tad‑29 ta’ Awwissu 2013.
( 32 ) Bħall-ispejjeż għall-pixxina u l-attivitajiet kulturali u sportivi.
( 33 ) Ara, fir-rigward tal-kunċett ta’ “tagħlim primarju”, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad‑29 ta’ Ġunju 2004, Hivonnet vs Il-Kunsill (T‑188/03, EU:T:2004:194, punt 28), u, fir-rigward tal-kunċett ta’ “spejjeż skolastiċi”, is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat‑8 ta’ Settembru 2011, Bovagnet vs Il-Kummissjoni (F‑89/10, EU:F:2011:129, punt 21).
( 34 ) “Barra minn hekk, il-każ oppost, kif jirriżulta miċ-Ċirkulari Nru 4516 […]” (punt 31 tas-sentenza appellata); “[…] kif tikkonferma, barra minn hekk, iċ-Ċirkulari Nru 4516” (punt 36 tas-sentenza appellata).
( 35 ) Sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat‑8 ta’ Settembru 2011, Bovagnet vs Il-Kummissjoni (F‑89/10, EU:F:2011:129, punti 22 u 23).
( 36 ) Punti 32 sa 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 37 ) Ara l-punt 40 tas-sentenza appellata.
( 38 ) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il-Kunsill (C‑229/05 P, EU:C:2007:32, punt 37).
( 39 ) Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑6 ta’ Frar 1986, Vlachou vs Il-Qorti tal-Awdituri (162/84, EU:C:1986:56, punt 6), tal-Qorti Ġenerali tas‑27 ta’ Marzu 1990, Chomel vs Il-Kummissjoni (T‑123/89, EU:T:1990:24, punti 25 sa 30), u tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tas‑7 ta’ Lulju 2015, Kur vs Il-Kummissjoni (F‑53/14, EU:F:2015:81, punt 64).
( 40 ) Ir-rikorrenti jiċċitaw is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑21 ta’ Mejju 2014, Mocová vs Il-Kummissjoni (T‑347/12 P, EU:T:2014:268, punt 44).
( 41 ) Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑21 ta’ Mejju 2014, Mocová vs Il-Kummissjoni (T‑347/12 P, EU:T:2014:268, punt 32).
( 42 ) Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑4 ta’ Lulju 1985, Williams vs Il-Qorti tal-Awdituri (134/84, EU:C:1985:297, punt 14), tal-Qorti Ġenerali tal‑11 ta’ Lulju 2007, Centeno Mediavilla et vs Il-Kummissjoni (T‑58/05, EU:T:2007:218, punt 155), u tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal‑21 ta’ Jannar 2014, Van Asbroeck vs Il-Parlament (F‑102/12, EU:F:2014:4, punt 38).
( 43 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑20 ta’ Mejju 2010, Gogos vs Il-Kummissjoni (C‑583/08 P, EU:C:2010:287, punt 30), u tal-Qorti Ġenerali tat‑2 ta’ Lulju 2010, Kerstens vs Il-Kummissjoni (T‑266/08 P, EU:T:2010:273, punt 73).