Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
WAHL
ippreżentati fl‑24 ta’ Jannar 2019 (1)
Kawża C‑660/17 P
RF
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
“Appell — Nuqqas ta’ osservanza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors quddiem il-Qorti Ġenerali — Difiża — Dewmien anormali fil-kunsinna postali — Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea — Eżistenza ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri — Kriterji ta’ evalwazzjoni”
1. Sabiex jiġu żgurati opportunitajiet ugwali għall-partijiet quddiem il-qrati, it-termini proċedurali huma, fil-prinċipju, obbligatorji fin-natura tagħhom. Madankollu, kif jiġri f’ħafna mill-ġurisdizzjonijiet nazzjonali, nuqqas ta’ osservanza ma’ dawn it-termini mhux dejjem iwassal għal dekadenza quddiem il-Qrati tal-Unjoni. B’mod partikolari, f’konformità mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, “[e]bda dritt ma jintilef bħala riżultat ta’ l-iskadenza tat-termini, jekk il-parti interessata tipprova l-eżistenza ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri”.
2. Fid-digriet appellat (2), ir-rikors għal annullament ta’ RF ġie ddikjarat manifestament inammissibbli minħabba li r-rikors kien tardiv. Il-Qorti Ġenerali qieset li RF ma setgħetx tistabbilixxi l-eżistenza ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri sabiex tiġġustifika r-raġuni għalfejn ma osservatx it-terminu rilevanti għall-preżentata tal-oriġinal iffirmat tar-rikors fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali. Hija qieset, b’mod partikolari, li dewmien sinjifikattiv ikkawżat minn problemi tekniċi interni tal-fornitur tas-servizz postali inkwistjoni ma jikkostitwixxix każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri.
3. Dan l-appell ippreżentat minn RF jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi gwida dwar kif għandu jiġi interpretat l-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, dan jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja opportunità tajba sabiex tiċċara l-ġurisprudenza tagħha fir-rigward tat-tifsira ta’ każ fortuwitu, li, b’mod kunċettwali, hija marbuta strettament ma’ forza maġġuri.
I. Il-kuntest ġuridiku
A. L-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea
4. L-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li jagħmel parti mit-Titolu III tiegħu, jistabbilixxi:
“Ir-Regoli tal-Proċedura jistabbilixxi perijodi ta’ grazzja fuq konsiderazzjonijiet ta’ distanza.
Ebda dritt ma jintilef bħala riżultat ta’ l-iskadenza tat-termini, jekk il-parti interessata tipprova l-eżistenza ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri.”
5. L-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jaqra:
“Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali tiġi regolata bit-Titolu III.
Il-Proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali tiġi preċizata u kompletata, safejn ikun meħtieġ, mir-Regoli tal-Proċedura. [...]”
B. Ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali
6. It-Titolu III tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (3) jikkonċerna rikorsi diretti. It-Taqsima 4 tal-Kapitolu 1 ta’ dan it-titolu tistabbilixxi r-regoli dwar it-termini.
7. L-Artikolu 58 jaqra:
“1. It-termini proċedurali previsti fit-Trattati, fl-Istatut u f’dawn ir-Regoli għandhom jiġu kkalkolati kif ġej:
[…]
(b) terminu espress f’ġimgħat, f’xhur jew fi snin għandu jiskadi mat-tmiem tal-jum li, fl-aħħar ġimgħa, fl-aħħar xahar jew fl-aħħar sena, ikollu l-istess isem jew l-istess numru bħall-jum li matulu seħħ l-avveniment jew twettaq l-att li minnu għandu jiġi kkalkolat it-terminu; jekk, fil-każ ta’ terminu espress f’xhur jew fi snin, il-jum stabbilit għall-iskadenza ta’ dan it-terminu ma jinzertax fl-aħħar xahar, it-terminu għandu jiskadi mat-tmiem tal-aħħar jum ta’ dan ix-xahar;
[…]”
8. L-Artikolu 60 ta’ din l-istess taqsima jikkonċerna t-terminu għal raġuni ta’ distanza. Dan jistabbilixxi li “[t]-termini proċedurali għandhom jiżdiedu b’terminu fiss ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza”.
9. Il-Kapitolu 2 tat-Titolu III jikkonċerna l-atti proċedurali. L-Artikolu 72 jipprovdi:
“1. Att proċedurali għandu jiġi ppreżentat fir-Reġistru jew fuq karta, jekk ikun il-każ wara t-trażmissjoni ta’ kopja tal-oriġinal ta’ dan l-att permezz ta’ faks skont l-Artikolu 73(3), jew permezz tal-mod imsemmi fid-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali adottata bis-saħħa tal-Artikolu 74.
2. Kull att proċedurali għandu jkollu data. Għall-finijiet tat-termini proċedurali, huma biss id-data u s-siegħa fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu tal-preżentata fir-Reġistru li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.
[…]”
10. L-Artikolu 73 ta’ dawn ir-regoli jipprovdi:
“[…]
2. [L-oriġinal fuq karta ta’ kull att proċedurali], flimkien mal-annessi kollha li jissemmew fih, għandu jiġi ppreżentat flimkien ma’ tliet kopji għall-Qorti Ġenerali u kopja għal kull parti fil-kawża. Dawn il-kopji għandhom ikunu awtentikati mill-parti li tippreżentahom.
3. B’deroga mit-tieni sentenza tal-Artikolu 72(2), id-data u s-siegħa li fihom kopja kompleta tal-oriġinal iffirmat ta’ att proċedurali, [...] tasal fir-Reġistru permezz ta’ faks, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-osservanza tat-termini proċedurali jekk l-oriġinal iffirmat tal-att [...] jiġi ppreżentat fir-Reġistru sa mhux iktar tard minn għaxart ijiem wara. L-Artikolu 60 ma huwiex applikabbli għal dan it-terminu ta’ għaxart ijiem.”
C. Regoli oħra rilevanti
11. Id-Dispożizzjonijiet Prattiċi għall-Implementazzjoni tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (iktar ’il quddiem id-“Dispożizzjonijiet Prattiċi tal-Qorti Ġenerali”) (4) jistabbilixxu, fir-rigward tal-preżentata ta’ atti proċedurali, inter alia:
“79. Id-data tal-preżentata ta’ att proċedurali permezz ta’ faks għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-osservanza ta’ terminu biss fil-każ li d-dokument oriġinali ffirmat bl-idejn mir-rappreżentant, li kien is-suġġett tat-trażmissjoni permezz ta’ faks, jiġi ppreżentat fir-Reġistru mhux iktar tard minn għaxart ijiem wara, kif previst fl-Artikolu 73(3) tar-Regoli tal-Proċedura.
80. Id-dokument oriġinali ffirmat bl-idejn mir-rappreżentant għandu jintbagħat mingħajr dewmien, immedjatament wara li jintbagħat permezz ta’ faks, mingħajr ma jsirulu korrezzjonijiet jew emendi, lanqas dawk minuri.
81. Fil-każ ta’ differenza bejn id-dokument oriġinali ffirmat bl-idejn mir-rappreżentant u l-kopja li tkun waslet preċedentement fir-Reġistru permezz ta’ faks, id-data li tittieħed inkunsiderazzjoni għandha tkun dik tal-preżentata ta’ dan id-dokument oriġinali ffirmat.”
12. L-Istruzzjonijiet Prattiċi lill-Partijiet, dwar il-Kawżi Mressqa Quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (iktar ’il quddiem l-“Istruzzjonijiet Prattiċi tal-Qorti tal-Ġustizzja”) (5) jipprovdu, fir-rigward tal-preżentata u t-trażmissjoni tal-atti proċedurali, inter alia:
“42. [...] att proċedurali jista’ jintbagħat lill-Qorti tal-Ġustizzja wkoll permezz tal-posta [...] skont l-Artikolu 57(7) tar-Regoli tal-Proċedura, huma biss id-data u l-ħin tal-preżentata tal-oriġinal fir-Reġistru li jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tat-termini proċedurali. Għaldaqstant, sabiex tiġi evitata d-dekadenza, huwa rrakkomandat li l-att inkwistjoni jintbagħat numru ta’ ġranet qabel l-iskadenza tat-terminu mogħti għall-preżentata tal-att, permezz ta’ ittra rreġistrata jew permezz ta’ servizz ta’ courier espress.
43. [...] għall-finijiet tal-osservanza tat-termini proċedurali, il-preżentata ta’ [kopja ta’] att [iffirmat] permezz ta’ [faks jew ittra elettronika] tgħodd biss jekk l-oriġinal iffirmat tal-att [...] jasal fir-Reġistru sa mhux iktar tard minn għaxart ijiem wara li tintbagħat [il-kopja]. Għaldaqstant, dan l-oriġinal għandu jintbagħat mingħajr dewmien, immedjatament wara li tintbagħat il-kopja u mingħajr ma jsirulu korrezzjonijiet jew emendi, lanqas dawk minuri. Fil-każ ta’ differenza bejn l-oriġinal iffirmat u l-kopja trażmessa preċedentement, tittieħed inkunsiderazzjoni biss id-data tal-preżentata tal-oriġinal iffirmat.”
II. Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-digriet appellat
13. Ir-rikors ta’ RF, intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016)5925 final tal‑15 ta’ Settembru 2016, li tiċħad l-ilment fil-Każ COMP AT.40251 – Trasport bil-ferrovija, ġarr ta’ merkanzija (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), ġie trażmess lill-Qorti Ġenerali permezz ta’ faks fit‑18 ta’ Novembru 2016. L-oriġinal iffirmat wasal għand il-Qorti Ġenerali fil‑5 ta’ Diċembru 2016, 17‑il jum wara t-trażmissjoni tal-kopja tar-rikors permezz ta’ faks.
14. Fir-rigward tat-terminu proċedurali applikabbli, il-Qorti Ġenerali għamlet il-konstatazzjonijiet li ġejjin: (1) id-deċiżjoni kontenzjuża ġiet innotifikata lil RF fid‑19 ta’ Settembru 2016; (2) f’konformità mas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, il-preżentata ta’ rikors għal annullament kellha tkun fi żmien xahrejn wara n-notifika; (3) fuq il-bażi ta’ applikazzjoni magħquda tal-Artikolu 58(1) u tal-Artikolu 60 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors skada fid‑29 ta’ Novembru 2016 f’nofsillejl; (4) skont l-Artikolu 73(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-kopja trażmessa permezz ta’ faks qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu ma setgħetx tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ determinazzjoni tad-data li fiha r-rikors ġie ppreżentat, peress li l-oriġinal iffirmat ma kienx wasal għand ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fi żmien għaxart ijiem mit-trażmissjoni tal-kopja, kif stabbilit f’din id-dispożizzjoni; u (5) konsegwentement il-preżentata tar-rikors kienet tardiva (6).
15. Mid-digriet appellat jidher ukoll li l-oriġinal iffirmat kien intbagħat bil-posta fl-istess jum ta’ meta ġiet trażmessa kopja tar-rikors lill-Qorti Ġenerali permezz ta’ faks. Mandankollu, skont RF, iż-żmien użat (17‑il jum) minn Poczta Polska, l-operatur postali ewlieni fil-Polonja, biex iwassal il-pakkett li kellu fih l-oriġinal iffirmat, qabeż it-tul normali tal-kunsinna. Peress li l-kunsinna tardiva ġiet ikkawżata minn problema teknika interna f’Poczta Polska, RF affermat li hija kienet aġixxiet bid-diliġenza kollha li setgħet tkun raġonevolment mistennija minnha. Hija qieset, b’mod partikolari, li l-preżentata tal-oriġinal kienet tardiva minħabba każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri fis-sens tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u, konsegwentement, ir-rikors ma għandux jitqies dekadenti (7).
16. Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk iċ-ċirkustanzi li bbażat fuqhom RF kinux suffiċjenti sabiex jistabbilixxu l-eżistenza ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri, il-Qorti Ġenerali fakkret li, l-ewwel nett, it-termini għall-bidu ta’ proċedura huma obbligatorji fin-natura tagħhom; it-tieni nett, wieħed jista’ jibbaża ruħu fuq każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali; u t-tielet nett, f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rikorrent għandu jissorvelja bir-reqqa l-iżvolġiment tal-proċedura mibdija u, b’mod partikolari, juri diliġenza sabiex josserva t-termini previsti (8).
17. Il-Qorti Ġenerali sussegwentement kompliet tiddikjara li rikorrent ma jistax jibbaża ruħu fuq każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri f’ċirkustanzi fejn persuna diliġenti u prudenti kienet tkun kapaċi tevita l-iskadenza tal-perijodu previst sabiex jingħata bidu għall-proċedura. Il-Qorti Ġenerali qieset ukoll li huwa biss avveniment li ma jistax jiġi evitat u li għalhekk jikkostitwixxi r-raġuni deċiżiva għad-dekadenza li jista’ jitqies bħala każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri (9).
18. Barra minn hekk, skont il-Qorti tal-Ġenerali, mill-Artikolu 73(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali ma jistax jiġi dedott li kunsinna postali li taqbeż 1-10 ijiem li sar riferiment għalihom f’din id-dispożizzjoni tkun awtomatikament tikkostitwixxi każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri (10). B’rabta ma’ dan, hija għamlet riferiment għad-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Faktor B. i W. Gęsina (11), kawża li mingħajr dubju għandha similaritajiet fattwali mal-kawża ineżami. F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat permezz ta’ digriet l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-appellanti ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri (12).
19. Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali evalwat jekk RF stabbilixxietx l-eżistenza ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri.
20. B’mod iktar speċifiku, il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk id-dewmien fil-kunsinna postali kienx raġuni deċiżiva għal xiex RF ippreżentat rikors tardiv u jekk dan kienx avveniment li RF ma setgħetx tevita. Fid-dawl ta’, min-naħa l-waħda, l-ispjegazzjonijiet ipprovduti minn RF u min-naħa l-oħra, l-obbligu tagħha li tissorvelja bir-reqqa l-iżvolġiment tal-kunsinna, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li RF naqset milli tistabbilixxi l-eżistenza ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri. Hija osservat, b’mod partikolari, li RF ma pprovdiet l-ebda spjegazzjoni fir-rigward ta’ miżuri li ħadet wara li l-pakkett li kellu fih l-oriġinal ġie fdat lill-fornitur tas-servizzi postali għall-kunsinna (13).
21. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ddikjarat ir-rikors għal annullament bħala manifestament inammissibbli.
III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet
22. Permezz tal-appell tagħha, RF titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
— tannulla d-digriet appellat u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex teżaminaha mill-ġdid u tadotta deċiżjoni fil-mertu li tista’ tiġi appellata;
— sussidjarjament - fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tistabbilixxi li l-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni fl-aħħar istanza f’din il-kawża huma ssodisfatti - tannulla d-digriet appellat u tilqa’, fl-intier tagħhom, it-talbiet imressqa fl-ewwel istanza;
— tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.
23. Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lil RF għall-ispejjeż.
24. Skont l-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tipproċedi mingħajr seduta għas-smigħ tal-kawża.
IV. Analiżi
25. RF tibbaża ruħha fuq erba’ aggravji insostenn tal-appell tagħha. L-ewwel aggravju jallega li l-Qorti Ġenerali interpretat ħażin l-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea moqri flimkien mal-Artikolu 53 tiegħu. It-tieni aggravju jallega ksur tal-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (14), minħabba li r-rikors ta’ RF ġie ddikjarat manifestament inammissibbli. It-tielet aggravju jallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball fil-konstatazzjoni li RF ma wrietx l-eżistenza ta’ każ fortuwitu fis-sens tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. L-aħħar nett, permezz tar-raba’ aggravju, RF tallega li d-digriet appellat huwa vvizzjat minn ksur tal-Artikolu 1, l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).
26. Il-Kummissjoni ssostni li l-aggravji invokati minn RF għandhom jiġu miċħuda bħala parzjalment infondati (l-ewwel u t-tieni aggravju) u parzjalment inammissibbli (it-tielet u r-raba’ aggravju).
A. Evalwazzjoni
1. L-ewwel u t-tieni aggravju
27. Bl-ewwel u t-tieni aggravju, li huma intrinsikament marbuta, RF essenzjalment issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet ir-rikors tagħha fuq il-bażi tal-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali bħala manifestament inammissibbli (it-tieni aggravju). Dan l-iżball jirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (l-ewwel aggravju). B’mod iktar speċifiku, hija tafferma li l-Qorti Ġenerali wettqet żball billi kkombinat il-kunċetti ta’ “forza maġġuri” u “każ fortuwitu”. RF tafferma, f’dan ir-rigward, li d-digriet appellat joħloq konfużjoni fir-rigward tad-distinzjoni ċara stabbilita mill-awturi tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea bejn “każ fortuwitu” u “forza maġġuri”. Barra minn hekk, RF issostni li l-qari tal-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea huwa diskriminatorju peress li jpoġġi lil dawk li jirrisjedu ’l bogħod mill-Qorti tal-Ġustizzja f’pożizzjoni żvantaġġuża.
28. Il-Kummissjoni ma taqbilx. Hija tqis li l-Qorti Ġenerali segwiet ġurisprudenza stabbilita li ma tagħmilx distinzjoni bejn “każ fortuwitu” u “forza maġġuri”. Barra minn hekk, hija tosserva, li interpretazzjoni stretta tal-Artikolu 45 tal-Istatut, li skontu problema li nqalgħet matul il-kunsinna postali ma tistax fiha nnifisha tikkostitwixxi każ fortuwitu jew forza maġġuri, hija newtrali u ma taffettwax negattivament lil dawk li d-distanza ġeografika tagħhom mill-Qorti tal-Ġustizzja hija ikbar.
a) L-evalwazzjoni ta’ “każ fortuwitu” jew ta’ forza maġġuri” skont l-Artikolu 45 tal-Istatut: żewġ kunċetti iżda eżami wieħed
29. Nista’ nara l-merti tal-argumenti taż-żewġ partijiet.
30. Kif il-Kummissjoni nnotat b’mod korrett, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonċerna l-possibbiltà ta’ eżenzjoni minn dekadenza fuq il-bażi tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma tagħmilx distinzjoni ċara bejn il-kunċetti ta’ każ fortuwitu u ta’ forza maġġuri. Fil-ġurisprudenza, dawn il-kunċetti jiġu spiss magħquda flimkien u eżaminati skont kriterji identiċi mingħajr spjegazzjoni ulterjuri rigward id-differenzi possibbli tagħhom.
31. L-għeruq tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward l-eżenzjonijiet mit-termini proċedurali jmorru lura għall-ġurisprudenza dwar forza maġġuri fil-qasam tar-regolamenti dwar l-agrikoltura (15). Il-ġurisprudenza li toħroġ minn Busseni (16) hija ta’ importanza partikolari peress li din il-ġurisprudenza tiddefinixxi forza maġġuri bħala li tkopri “ċirkustanzi anormali li jagħmluha impossibbli li titwettaq l-azzjoni rilevanti. Minkejja li din ma tippreżupponix impossibbiltà assoluta, din tkun teħtieġ diffikultajiet anormali, indipendenti mir-rieda tal-persuna kkonċernata u apparentement inevitabbli anki jekk tinżamm viġilanza sħiħa” (17).
32. Definizzjoni simili ġiet adottata fil-kuntest ta’ termini proċedurali, definizzjoni li tkopri kemm każ fortuwitu kif ukoll forza maġġuri. Mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Bayer vs Il‑Kummissjoni (18) jista’ jiġi dedott li l-kunċetti ta’ każ fortuwitu u ta’ forza maġġuri, f’kull wieħed minnhom hemm żewġ elementi (19). Il-kunċetti fihom element oġġettiv, li jirrigwarda ċirkustanzi anormali u estranji għall-operatur, u element suġġettiv li jinvolvi l-obbligu, mill-persuna kkonċernata, li tħares lilha nnifisha mill-konsegwenzi tal-avveniment anormali billi tieħu miżuri xierqa mingħajr ma jkollha tagħmel sagrifiċċji eċċessivi. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li, sabiex tkun tista’ toqgħod fuq każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri, parti għandha tissorvelja bir-reqqa l-iżvolġiment tal-proċedura mibdija u, b’mod partikolari, turi diliġenza sabiex tosserva t-termini previsti (20).
33. Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma għamlet, sa fejn naf jien, distinzjoni ċara bejn iż-żewġ kunċetti, jidher li huwa raġonevoli li wieħed jissoponi li l-portata tagħhom ma hijiex eżatt l-istess.
34. Kif għandhom dawn il-kunċetti jinftiehmu fil-kuntest tal-proċeduri quddiem il-qrati tal-Unjoni Ewropea?
35. F’dan ir-rigward, inqis li forza maġġuri (vis major) tirreferi għal sett iktar limitat ta’ avvenimenti estremi, jew “atti tan-natura”. Dawn l-avvenimenti, fi kwalunkwe każ, jinkludu diżastri naturali bħal għargħar maġġuri, terremoti u urugani, iżda jistgħu wkoll jinkludu ċirkustanzi irreżistibbli (magħmula mill-bniedem) partikolari oħrajn (21). Għalhekk, fil-fehma tiegħi, forza maġġuri tirreferi għal forza esterna li tfixkel lill-parti milli tissodisfa obbligu u tħalli lill-istess parti mingħajr ebda alternattiva oħra ta’ azzjoni (pereżempju fil-każ fejn kunsinna ta’ oġġetti ma setgħetx tiġi mwassla minħabba li l-ajruplan li jkun qiegħed iġorrha jkun waqa’ fl-oċean).
36. Min-naħa l-oħra, fil-fehma tiegħi, il-kunċett ta’ każ fortuwitu huwa kemxejn iktar flessibbli. Dan jista’ jinkludi sett usa’ ta’ ċirkustanzi mhux koperti mill-forza maġġuri. Dawn jistgħu jinkludu kwalunkwe numru ta’ ċirkustanzi anormali bħal interruzzjonijiet tekniċi, qtugħ tal-elettriku jew fallimenti fis-sistemi tal-komunikazzjoni.
37. Sa ċertu punt, id-definizzjoni ta’ dawn il-kunċetti, meta mqabbla ma’ xulxin, hija kwistjoni ta’ ġudizzju personali, u jistgħu anki parzjalment jissovrapożizzjonaw lil xulxin. Minkejja l-mod ta’ kif wieħed jaqta’ linja bejn dawn iż-żewġ kunċetti, huwa ċar li dawn huma marbutin mill-qrib ma’ xulxin u jindikaw sett ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali li fihom jistgħu jingħataw derogi mill-applikazzjoni tat-termini proċedurali — termini li f’ċirkustanzi oħra għandhom jiġu interpretati b’mod strett. Fil-fatt, applikazzjoni stretta tat-termini hija, fil-prinċipju, meħtieġa biex tiġi żgurata ċertezza legali u jiġu evitati kull diskriminazzjoni u kull trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja (22).
38. Madankollu, għandu fl-istess ħin jiġi enfasizzat li l-leġiżlatur għażel li jfassal eċċezzjoni għal dan il-prinċipju proċedurali fundamentali, regola li tagħmilha possibbli li jkun hemm deroga minn tali termini. Skont l-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kemm każ fortuwitu kif ukoll forza maġġuri huma raġunijiet għal deroga minn dawn it-termini.
39. Fil-fehma tiegħi, l-għażla li jiġu inklużi ż-żewġ kunċetti fl-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tikkostitwixxi indikazzjoni b’saħħitha li l-leġiżlatur ma kellux l-intenzjoni li jinterpreta l-lista ta’ ċirkustanzi li jaqgħu taħt l-Artikolu 45 b’mod ristrett ħafna. Din l-għażla hija wkoll indikatur tajjeb li l-leġiżlatur ma xtaqx jinterpreta lista eżawrjenti ta’ ċirkustanzi li wieħed jista’ jibbaża ruħu fuqhom sabiex jidderoga mit-termini proċedurali, iżda pjuttost regola flessibbli li tista’ tiġi adattata għaċ-ċirkustanzi tal-każ partikolari.
40. L-eżami applikat mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri, fil-fehma tiegħi, jirrifletti dawn l-għażliet. Għalkemm huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li derogi mit-termini jistgħu jsiru biss f’ċirkustanzi pjuttost eċċezzjonali (23), l-eżami jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa b’mod flessibbli f’kull każ individwali, fuq il-bażi tal-partikolaritajiet tal-każ, jekk l-iskadenza tat-terminu previst ġietx ikkawżata minn avveniment li l-parti ma setgħetx b’mod raġonevoli tipprevedi u b’hekk tevita mingħajr sagrifiċċji irraġonevoli.
41. Hekk kif qiegħed naqra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ “każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri” għandha għalhekk tiġi evalwata fl-intier tagħha, bħal raggruppament kunċettwali, fuq il-bażi tal-istess eżami li jenfasizza n-natura raġonevoli tal-azzjoni meħtieġa mill-parti kkonċernata sabiex tevita l-iskadenza tat-terminu previst: billi jivverifika fuq bażi ta’ każ b’każ li, min-naħa l-waħda, ikun hemm nuqqas ta’ osservanza tar-regoli proċedurali f’ċirkustanzi anormali mhux marbuta mal-parti kkonċernata u, min-naħa l-oħra, il-parti kkonċernata tkun ħadet passi sabiex tevita l-konsegwenzi tal-avveniment anormali mingħajr sagrifiċċji irraġonevoli.
42. Kif inhu neċessarjament il-każ fejn tiġi mitluba evalwazzjoni ċirkustanzjali, l-istabbiliment ta’ x’jista’ jkun avveniment anormali, min-naħa l-waħda, u l-passi xierqa biex jiġu evitati l-konsegwenzi negattivi ta’ dan l-avveniment, min-naħa l-oħra, ikunu jiddependu fuq il-partikolaritajiet ta’ kull każ.
43. B’mod fundamentali, bl-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju għall-evalwazzjoni relattivament flessibbli huwa possibbli li jiġu żgurati opportunitajiet ugwali għall-partijiet f’ċirkustanzi fejn applikazzjoni stretta ta’ termini proċedurali tkun tpoġġi lill-partijiet tal-proċedura fi żvantaġġ.
b) L-iżball ta’ liġi fid-digriet appellat
44. Fid-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali applikat eżami iktar strett minn dak iddettat fil-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fl-esklużjoni tal-eżistenza ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri fil-kawża ineżami, il-Qorti Ġenerali evalwat jekk in-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu preskritt kienx ikkawżat minn avveniment li ma setax jiġi evitat (24).
45. Fil-fatt, għalkemm il-Qorti Ġenerali effettivament tenniet l-eżami li joħroġ minn Bayer vs Il‑Kummissjoni fid-digriet appellat, kompliet billi ddeċidiet li l-eżistenza ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri fis-sens tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tista’ tirriżulta biss fejn l-avveniment inkwistjoni ma jistax jiġi evitat u fejn dan jikkostitwixxi, konsegwentement, ir-raġuni deċiżiva għalfejn il-parti ma osservatx it-terminu previst (iktar ’il quddiem ir-“rekwiżit ta’ inevitabbiltà”) (25). Hija ddeċidiet ukoll li t-tardività tal-kunsinna postali ma tistax waħedha tikkostitwixxi każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri, sakemm ma hemmx ċirkustanzi oħra partikolari involuti, bħal strajk, kollass amministrattiv jew diżastru naturali (26).
46. Kif diġà ssemma, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja teħtieġ, min-naħa l-waħda, li n-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu preskritt ikun ikkawżata minn avveniment estern u anormali u li ma jkunx marbut mal-parti kkonċernata (l-element oġġettiv). Min-naħa l-oħra, il-partijiet għandhom jieħdu miżuri xierqa sabiex iħarsu lilhom infushom mill-konsegwenzi ta’ avvenimenti anormali, mingħajr madankollu ma jkunu meħtieġa jagħmlu sagrifiċċji irraġonevoli sabiex jevitaw l-iskadenza tat-terminu previst. F’dan ir-rigward, il-partijiet għandhom jissorveljaw bir-reqqa “l-proċedura mibdija” u, b’mod partikolari, juru diliġenza sabiex josservaw it-termini previsti (l-element suġġettiv) (27).
47. Għall-kuntrarju, hija ma teħtieġx, barra minn hekk, li l-avveniment anormali ma jkunx seta’ jiġi evitat. L-applikazzjoni ta’ tali rekwiżit addizzjonali tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea b’mod kunsiderevoli għal wieħed li sempliċement ikopri sitwazzjonijiet li huma kważi, jekk mhux assolutament, impossibbli.
48. Kif il-Kummissjoni tinnota, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja tidher li affermat, għall-inqas darba, l-approċċ adottat mill-Qorti Ġenerali fid-digriet appellat. Dan seħħ fid-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Faktor B. i W. Gęsina (28). F’dan id-digriet, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-assenza ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri fuq il-bażi ta’ applikazzjoni tar-rekwiżit ta’ inevitabbiltà (29). L-istess bħal f’din il-kawża, il-kwistjoni kienet dwar jekk rikorrent setax jibbaża ruħu fuq dewmien kunsiderevoli fil-kunsinna postali (mill-Polonja għal-Lussemburgu) sabiex jistabbilixxi l-eżistenza ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri fis-sens tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (30).
49. Dan id-digriet (l-istess bħad-digriet appellat) jidher li jmur kontra l-awtorità tal-ġurisprudenza li toħroġ minn Bayer vs Il-Kummissjoni. Jiġifieri sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja vvalidat l-applikazzjoni tar-rekwiżit ta’ inevitabbiltà mill-Qorti Ġenerali.
50. Ma għandux jintesa li l-partijiet jistgħu, f’konformità mal-Artikolu 72 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kif inhu applikabbli għall-kawża ineżami, jippreżentaw atti proċedurali fir-Reġistru ta’ din il-qorti fil-forma ta’ inkartament. Il-partijiet igawdu minn din il-possibbiltà minkejja l-introduzzjoni tal-e-Curia, sistema li tippermetti lill-partijiet jippreżentaw atti proċedurali permezz ta’ mezzi elettroniċi (31).
51. Għandhom jissemmew ukoll id-Dispożizzjonijiet Prattiċi tal-Qorti Ġenerali u l-Istruzzjonijiet Prattiċi tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn ir-regoli speċifikament jipprevedu l-possibbiltà li parti tkun tixtieq tibgħat bil-posta l-atti proċedurali (32). F’dan ir-rigward, huwa affermat li, sabiex jiġi żgurat li kopja mibgħuta permezz ta’ faks tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-osservanza ta’ terminu, il-parti għandha tibgħat l-oriġinal iffirmat mingħajr dewmien, immedjatament wara li jintbagħat permezz ta’ faks (33).
52. Madankollu, ir-rekwiżit ta’ inevitabbiltà applikat mill-Qorti Ġenerali jfisser li dewmien anormali fil-kunsinna postali jaqa’ awtomatikament barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
53. Mhux kull parti tista’ tippreżenta personalment l-atti proċedurali lill-Qrati tal-Unjoni mingħajr sagrifiċċji irraġonevoli. Barra minn hekk, minħabba li r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kif inhuma applikabbli għall-kawża ineżami, espressament jippermettu lill-partijiet jibagħtu atti proċedurali fil-forma ta’ inkartament, esklużjoni kategorika ta’ dewmien fil-kunsinna postali tkun, fil-fehma tiegħi, tmur kontra kemm il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.
54. Għal dawn ir-raġunijiet, jiena nieħu l-pożizzjoni li d-digriet appellat huwa vvizzjat minn żball ta’ liġi.
55. Wara li ġie stabbilit dan, xorta waħda għandu jiġi eżaminat kif, b’mod iktar konkret, l-eżistenza ta’ każ fortuwitu u ta’ forza maġġuri għandha tiġi evalwata fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti fil-ġurisprudenza.
c) In-natura tal-evalwazzjoni u l-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni ta’ jekk il-parti aġixxietx b’diliġenza suffiċjenti
56. Ma huwiex faċli li tingħata tweġiba għal din il-mistoqsija fuq il-bażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dan minħabba li l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi li fuqhom ibbażaw ruħhom il-partijiet sabiex jistabbilixxu l-eżistenza ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri fuq il-bażi tat-test stipulat fis-sentenza Bayer vs Il‑Kummissjoni hija, fl-analiżi finali, waħda ċirkustanzjali.
57. Madankollu, għandu jitfakkar li l-eżistenza ta’ ċirkustanzi li jiġġustifikaw deroga minn termini proċedurali għandha tiġi evalwata fuq il-bażi ta’ elementi pprovduti mill-parti li tkun qiegħda tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea: skont din id-dispożizzjoni, din il-parti għandha tagħti prova tal-eżistenza ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri. Għaldaqstant, hija din il-parti li għandha turi li (a) kien hemm avveniment anormali mhux marbut magħha (l-element oġġettiv) u (b) ħadet il-miżuri raġonevoli kollha sabiex tevita l-iskadenza tat-terminu previst (l-element suġġettiv).
58. Kif ġie indikat iktar ’il fuq, skont il-qari tiegħi tal-ġurisprudenza, dewmien anormali fil-kunsinna postali ma għandux jiġi kompletament eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Illum il-ġurnata, tidher li hija premessa raġonevoli li l-posta għandha, għall-inqas fil-prinċipju, tilħaq id-destinazzjoni tagħha fi kwalunkwe post fl-Ewropa fi żmien għaxart ijiem. Fil-fatt, żmien ta’ kunsinna li jaqbeż l-għaxart ijiem addizzjonali previsti għall-kunsinna mill-Artikolu 73(3) tar-Regoli tal-Proċedura jista’, fil-fehma tiegħi, jiġi deskritt bħala avveniment anormali (mhux marbut mal-parti kkonċernata) (34).
59. Din hija r-raġuni għalfejn, sabiex jiġi ssodisfatt l-element oġġettiv (a), għandu jkun biżżejjed għal parti li turi li n-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu previst ġie kkawżat minn dewmien anormali fil-kunsinna postali. F’dan ir-rigward, ma għandux għalfejn ikun hemm il-bżonn li dan id-dewmien ikun ikkawżat minn avveniment straordinarju bħal strajk, diżastru naturali jew kollass amministrattiv (35).
60. Minkejja dan, l-esperjenza turi li ż-żminijiet tal-kunsinna jistgħu jvarjaw (anki b’mod kunsiderevoli) u xi drabi jista’ jkun hemm dewmien fil-kunsinna postali. Għalhekk, sabiex jiġi stabbilit jekk l-element oġġettiv ġiex issodisfatt, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni jekk id-dewmien huwiex anormali fiċ-ċirkustanzi, b’mod partikolari fir-rigward ta’ fatturi bħalma huma d-distanza u ż-żmien tas-sena.
61. Ladarba jiġi stabbilit li d-dewmien kien anormali fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, għandu jiġi eżaminat ukoll jekk il-parti ħaditx il-passi raġonevoli kollha sabiex tevita l-iskadenza tat-terminu preskritt.
62. Fid-determinazzjoni ta’ jekk l-element suġġettiv (b) ġiex issodisfatt, għandhom jitqiesu numru ta’ fatturi.
63. L-ewwel nett, huwa importanti li jiġi stabbilit meta l-oriġinal iffirmat tar-rikors ġie fdat lis-servizz tal-kunsinna postali. Fil-fehma tiegħi, il-konformità mal-paragrafu 80 tad-Dispożizzjonijiet Prattiċi - jiġifieri li l-oriġinal intbagħat mingħajr dewmien, fl-istess jum li fih intbagħtet il-kopja permezz ta’ faks jew, tal-inqas, il-jum ta’ wara – hija indikazzjoni ta’ mġiba diliġenti (36).
64. It-tieni nett, parti ma għandhiex tkun meħtieġa li tuża l-iktar servizzi ta’ kunsinna internazzjonali għoljin offruti, fejn servizz irħas, offrut minn operatur jidher, fil-prinċipju, adegwat sabiex jiżgura kunsinna tal-oriġinal iffirmat lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-perijodu previst (37). Madankollu, minħabba li jista’ jkun hemm dewmien, parti li tiddeċiedi li tibgħat att proċedurali bil-posta, minflok bl-e-Curia, għandha fil-fehma tiegħi tieħu prekawzjonijiet, prekawzjonijiet li persuna diliġenti b’mod raġonevoli tista’ tkun mistennija li tieħu. Skont iċ-ċirkustanzi (pereżempju: fejn il-fornitur tas-servizz ikollu reputazzjoni inaffidabbli jew fejn it-terminu jiskadi madwar festa pubblika) għalhekk, id-diliġenza tista’ teħtieġ li l-oriġinal iffirmat jintbagħat permezz ta’ express courier, kunsinna espressa jew, tal-inqas, permezz ta’ ittra rreġistrata.
65. L-obbligi tal-parti jieqfu hawnhekk?
66. Ma naħsibx. Huwa veru li ladarba pakkett jiġi fdat lil fornitur ta’ servizz postali għall-kunsinna, il-persuna li tkun qiegħda tibgħat titlef il-kontroll effettiv fuq il-pakkett. Madankollu, punt li għandu jiġi enfasizzat huwa li hemm riskji involuti meta jintbagħtu atti proċedurali bil-posta, riskji relatati ma’ dewmien li parti tista’ tevita billi tuża l-e-Curia (38).
67. Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, parti li ddeċidiet li tmur għall-għażla prevista fl-Artikolu 73(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali għandha l-obbligu li ssegwi l-kunsinna, biex għall-inqas tipprova tipprevjeni dawn ir-riskji milli jimmaterjalizzaw. Fil-fatt, parti għandha tissorvelja bir-reqqa “il-proċedura mibdija” u turi diliġenza sabiex tosserva it-termini previsti (39).
68. Madankollu, b’mod iktar konkret, x’jinvolvi dan l-obbligu f’dan il-kuntest partikolari?
69. Fejn ikun hemm numru ta’ traċċar disponibbli, ifisser li parti għandha tissorvelja bir-reqqa u b’mod regolari l-iżvolġiment tal-kunsinna sakemm id-dokument jitwassal regolarment fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali. Fejn l-ittraċċar ma jkunx disponibbli, ifisser li parti għandha tagħmel kuntatt mar-Reġistru sabiex tivverifika (sew qabel l-iskadenza tat-terminu previst) jekk l-oriġinal iffirmat wasalx fil-ħin (40). Fejn jidher li l-kunsinna ġiet imdewma, il-parti tista’ xorta waħda tipprova tosserva t-terminu previst billi b’mod attiv tipprova ssib fejn qiegħed il-pakkett billi tagħmel kuntatt mal-fornitur tas-servizz postali kkonċernat u, jekk ma jirnexxilhiex, billi tibgħat (jew tippreżenta, fejn raġonevoli) lir-Reġistru, verżjoni tar-rikors b’firma ġdida oriġinali, intiża sabiex tissostitwixxi l-verżjoni oriġinali preċedenti li ntilfet (41).
70. Meta jittieħdu dawn il-passi, il-parti kkonċernata tista’ turi li aġixxiet b’diliġenza, iżda mingħajr ma tkun għamlet sagrifiċċji irraġonevoli. F’dan ir-rigward, il-kwistjoni ta’ jekk ikunx hemm possibbiltà realistika għall-osservanza b’suċċess tat-terminu previst hija għalhekk irrilevanti.
71. Bħala konklużjoni, f’ċirkustanzi fejn parti tkun iddeċidiet li tmur għall-għażla prevista fl-Artikolu 73(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, sabiex tkun eżentata mill-iskadenza tat-terminu bis-saħħa tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din il-parti għandha turi li aġixxiet b’diliġenza billi ħadet il-miżuri raġonevoli kollha sabiex tevita l-iskadenza tat-terminu. Għalhekk, il-parti għandha turi li l-oriġinal iffirmat intbagħat immedjatament wara t-trażmissjoni tal-kopja permezz ta’ faks; li l-oriġinal intbagħat permezz ta’ servizz postali li deher adegwat sabiex jiżgura kunsinna tal-oriġinal iffirmat tar-rikors lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-perijodu previst; u li ssorveljat regolarment l-iżvolġiment tal-kunsinna u fejn dan l-issorveljar żvela dewmien, il-parti pprovat tosserva t-terminu previst.
d) Konklużjoni intermedjarja
72. Fid-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fl-ewwel stadju, li parti tista’ tiġi eżentata minn dekadenza biss jekk in-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu previst ikun ġie kkawżat minn avveniment li ma setax jiġi evitat. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.
73. Madankollu, dan l-iżball ma għandux, f’din il-kawża, iwassal sabiex id-digriet appellat jiġi annullat. Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li fejn il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tkun ivvizzjata minn ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda d-dispożittiv tagħha jkun jidher li huwa fondat għal motivi ta’ liġi oħra, tali ksur ma jkunx ta’ natura li jwassal għal annullament ta’ din id-deċiżjoni u jkun hemm lok li ssir sostituzzjoni tal-motivazzjoni (42).
74. Minħabba li l-Qorti Ġenerali eżaminat, bħala t-tieni stadju, il-miżuri li RF ħadet sabiex tevita l-iskadenza tat-terminu previst, l-iżball ta’ liġi identifikat ma jaffettwax id-dispożittiv tad-digriet appellat.
75. Mid-digriet appellat jidher li RF bagħtet l-oriġinal iffirmat immedjatament wara t-trażmissjoni tal-kopja tal-oriġinal lill-Qorti Ġenerali permezz ta’ faks (fl-istess jum), u għamlet dan bl-użu ta’ posta rreġistrata u servizz li deher adegwat sabiex jiżgura kunsinna fil-ħin. Madankollu, RF ma pprovdiet l-ebda prova li turi li hija pprovat tissorvelja l-iżvolġiment tal-kunsinna u, wara li ġie żvelat id-dewmien, li hija ħadet il-passi sabiex tevita l-iskadenza tat-terminu previst (43). Fi kliem ieħor, minkejja kollox, il-Qorti Ġenerali kienet korretta fil-konklużjoni li RF ma wrietx diliġenza sabiex tosserva t-terminu previst.
76. Għalhekk, nikkonkludi li huwa meħtieġ, permezz ta’ sostituzzjoni tal-motivazzjoni, li jiġi miċħud l-argument li minħabba interpretazzjoni ħażina tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat li RF ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri.
77. Għalhekk, l-ewwel u t-tieni aggravju tal-appell għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.
2. It-tielet aggravju tal-appell
78. RF issostni li l-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod żbaljat li l-appellanti ma tatx prova tal-eżistenza ta’ każ fortuwitu fis-sens tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Skont RF, hija tat prova tal-eżistenza ta’ każ fortuwitu: hija mhux biss ippreżentat provi ta’ dawn iċ-ċirkustanzi iktar minn kemm kien meħtieġ iżda ppreżentat il-provi kollha disponibbli għaliha b’mod ġenerali.
79. Il-Kummissjoni ssostni li l-argumenti mressqa mill-appellanti huma marbuta mal-konstatazzjonijiet fattwali u għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.
80. Jiena naqbel mal-Kummissjoni. Dan l-aggravju essenzjalment jirriproduċi l-argumenti diġà mqajma taħt l-ewwel aggravju tal-appell, għalkemm minn perspettiva purament fattwali.
81. Huwa stabbilit sewwa li, il-Qorti Ġenerali għandha, bis-saħħa tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 256 TFUE, ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tikkonstata l-fatti u tevalwa dawn il-fatti. Appelli ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja huma għalhekk limitati għal punti ta’ liġi. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ għalhekk tistħarreġ il-karatterizzazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti u l-konklużjonijiet ta’ dritt li l-Qorti Ġenerali tkun nisslet minnhom (44). Madankollu, evalwazzjoni ġdida tal-fatti jew tal-provi ma hijiex kwistjoni ta’ liġi li hija suġġett għal stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja. Dan huwa minnu sakemm ma jkunx hemm żnaturament tal-fatti jew tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, li f’dak il-każ l-iżnaturament allegat għandu joħroġ b’mod manifest mill-atti fil-proċess (45).
82. Permezz tat-tielet aggravju tagħha, RF b’mod ċar qiegħda tfittex evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali mingħajr ma qiegħda tallega l-iżnaturament tagħhom. Fuq din il-bażi, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.
3. Ir-raba’ aggravju tal-appell
83. RF targumenta li, fid-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 1, l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 14 tal-KEDB. Fil-fehma tagħha, il-mod ta’ kif il-Qorti Ġenerali interpretat l-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jfixkel l-aċċess għall-Qrati tal-Unjoni sa fejn il-partijiet, li jkunu jirrisjedu jew stabbiliti kunsiderevolment ’il bogħod mill-Qrati tal-Unjoni, huma kkonċernati. Il-qari restrittiv ta’ din id-dispożizzjoni adottat mill-Qorti Ġenerali jikkostitwixxi wkoll diskriminazzjoni bejn il-partijiet fil-kawża skont il-post ta’ residenza tagħhom.
84. Prinċipalment, il-Kummissjoni ssostni li dan l-aggravju huwa inammissibbli. Dan huwa minħabba li RF tirreferi għad-drittijiet stabbiliti fil-KEDB u mhux fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u minħabba li l-argumenti ta’ RF ma humiex ċari. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tqis li dan l-aggravju tal-appell huwa infondat.
85. L-appellanti ċċarat fil-kontroreplika tagħha li dan l-aggravju jallega l-ksur tal-preambolu kif ukoll tal-Artikoli 20, 21 u 47 tal-Karta.
86. Madankollu, dan ma huwiex biżżejjed. Appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li qiegħed jintalab l-annullament tagħha kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku dan l-appell (46).
87. Jiena ninterpreta dan l-aggravju bħala li prinċipalment jallega li l-qari tal-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jiddiskrimina kontra parti bħal RF, parti li ma hijiex stabbilita fil-viċinanzi tal-Qrati tal-Unjoni. Dan huwa minħabba li, skont id-digriet appellat, parti li tixtieq tuża l-għażla stabbilita fl-Artikolu 73(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, jiġifieri, li tagħmel użu kkombinat ta’ faks u posta biex tikkomunika atti proċedurali lill-Qorti Ġenerali, ma tistax tibbaża ruħha fuq dewmien anormali fil-kunsinna postali sabiex tiġġustifika nuqqas ta’ osservanza tat-terminu previst. Għalhekk, sabiex tkun ċerta li tevita dekadenza, RF ma tistax tuża l-għażla prevista fl-Artikolu 73(3) tar-Regoli tal-Proċedura. Minflok, hija għandha tibgħat ir-rikors bil-posta sew qabel id-data tal-iskadenza tat-terminu previst ta’ xahrejn (b’żieda mal-estensjoni ta’ għaxart ijiem prevista fl-Artikolu 60 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali minħabba d-distanza).
88. Nissimpatizza xi ftit mal-argument ta’ RF. Madankollu, ma nistax ninjora l-fatt li dan l-aggravju ma huwiex suffiċjentement żviluppat fir-rikors u huwa espress f’termini ġenerali mingħajr ma jistabbilixxi b’mod koerenti l-argumenti legali li jikkostitwixxu l-bażi għat-talbiet imressqa. B’mod iktar sempliċi, l-argumenti ma għandhom ebda rigorożità.
89. Peress li ma huwiex f’idejn il-Qorti tal-Ġustizzja li tiżviluppa jew tissupplimenta l-argumenti tal-appellanti sabiex it-teħid ta’ deċiżjoni fuq il-mertu jkun possibbli, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara dan l-aggravju bħala inammissibbli. B’mod partikolari, RF naqset milli tidentifika paragun legalment rilevanti fir-rigward tad-diskriminazzjoni allegatament inerenti fid-digriet appellat, u milli tispjega għalfejn dan l-appell seta’ jiġi interpretat fis-sens li jinvolvi ksur tad-dritt tal-aċċess għal qrati fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta.
90. Għaldaqstant, ir-raba’ aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.
B. Il-konsegwenzi tal-evalwazzjoni
91. Ikkonkludejt li l-Qorti Ġenerali applikat ħażin il-kriterji fil-konstatazzjoni li l-eżistenza ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri fis-sens tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma ġietx stabbilita. Madankollu, għar-raġunijiet spjegati iktar ’il fuq, jien tal-opinjoni li l-iżball ta’ liġi ma jwassalx għall-annullament tad-digriet appellat.
92. Għalhekk, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.
V. Fuq l-ispejjeż
93. Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba mill-parti li tirbaħ il-kawża.
94. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel mal-evalwazzjoni tiegħi tal-appell, u sussegwentement, f’konformità mal-Artikoli 137, 138 u 184 tar-Regoli tal-Proċedura, RF għandha tbati l-ispejjeż ta’ din il-kawża, kemm fl-ewwel istanza, kif ukoll fl-appell.
VI. Konklużjoni
95. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tiċħad l-appell;
– tikkundanna lil RF għall-ispejjeż.
1 Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 Digriet tat‑13 ta’ Settembru 2017 RF vs Il‑Kummissjoni (T‑880/16, mhux ippubblikat, EU:T:2017:647).
3 ĠU 2015, L 105, p. 1.
4 ĠU 2015, L 152, p. 1.
5 ĠU 2014, L 31, p. 1.
6 Punti 6 sa 11 tad-digriet appellat.
7 Punti 12 u 14 tad-digriet appellat.
8 Punti 15 sa 17 tad-digriet appellat.
9 Punti 18 u 19 tad-digriet appellat.
10 Punt 20 tad-digriet appellat.
11 Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑30 ta’ Settembru 2014, Faktor B. i W. Gęsina vs Il‑Kummissjoni (C‑138/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2256).
12 Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑30 ta’ Settembru 2014, Faktor B. i W. Gęsina vs Il‑Kummissjoni (C‑138/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2256,punti 20 sa 25).
13 Punti 22 sa 27 tad-digriet appellat.
14 Din id-dispożizzjoni tipprovdi: “Meta l-Qorti Ġenerali manifestament ma jkollhiex kompetenza sabiex tieħu konjizzjoni ta’ rikors jew meta rikors ikun manifestament inammissibbli jew manifestament infondat fid-dritt, il-Qorti Ġenerali tista’, f’kull ħin u fuq proposta tal-Imħallef Relatur, tiddeċiedi li taqta’ l-kawża permezz ta’ digriet motivat, mingħajr ma tkompli l-proċedura.”
15 Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 1968, Schwarzwaldmilch, 4/68, EU:C:1968:41, p. 385; tas‑17 ta’ Diċembru 1970, Internationale Handelsgesellschaft (11/70, EU:C:1970:114, punt 24), u tat‑30 ta’ Jannar 1974, Kampffmeyer (158/73, EU:C:1974:8, punt 8).
16 Sentenza tad‑9 ta’ Frar 1984, Acciaierie e Ferriere Busseni vs Il‑Kummissjoni (284/82, EU:C:1984:47).
17 Sentenzi tad‑9 ta’ Frar 1984, Acciaierie e Ferriere Busseni vs Il‑Kummissjoni (284/82, EU:C:1984:47, punt 11); tat‑30 ta’ Mejju 1984, Ferriera Vittoria vs Il‑Kummissjoni (224/83, EU:C:1984:208, punt 13), u tat‑12 ta’ Lulju 1984, Ferriera Valsabbia vs Il‑Kummissjoni (209/83, EU:C:1984:274, punt 21).
18 Sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 1994, Bayer vs Il‑Kummissjoni (C‑195/91 P, EU:C:1994:412).
19 Dan diġà kien ġie argumentat mill-Avukat Ġenerali Capotorti fir-rigward tal-kunċett ta’ forza maġġuri. Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Capotorti f’Milch-, Fett- und Eierkontor (42/79, mhux ippubblikati, EU:C:1979:259, p. 3723) u fil-kawżi magħquda Ferriera Valsabbia et vs Il‑Kummissjoni (154/78, 205/78, 206/78, 226/78 sa 228/78, 263/78, 264/78, 31/79, 39/79, 83/79 u 85/79, mhux ippubblikati, EU:C:1979:275, p. 1067).
20 B’mod partikolari, is-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1994 Bayer vs Il‑Kummissjoni (C‑195/91 P, EU:C:1994:412, punt 32), tat‑22 ta’ Settembru 2011, u Bell & Ross vs OHIM (C‑426/10 P, EU:C:2011:612, punt 48). Ara wkoll is-sentenza tat‑23 ta’ April 2013, Gbagbo et vs Il‑Kunsill (C‑478/11 P sa C‑482/11 P, EU:C:2013:258, punt 72), u d-digriet tat‑8 ta’ Novembru 2007, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni (C‑242/07 P, EU:C:2007:672, punt 17).
21 Jidher li l-Qorti tal-Ġustizzja tikklassifika gwerra bħala forza maġġuri iktar milli każ fortuwitu. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2013, Gbagbo et vs Il‑Kunsill (C‑478/11 P sa C‑482/11 P, EU:C:2013:258, punt 72).
22 Sentenza tat‑23 ta’ April 2013, Gbagbo et vs Il‑Kunsill (C‑478/11 P sa C‑482/11 P, EU:C:2013:258, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll id-digriet tas‑7 ta’ Mejju 1998, L‑Irlanda vs Il‑Kummissjoni (C‑239/97, EU:C:1998:213, punt 7 u l-ġurisprudenza ċċitata).
23 Sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 2016, SV Capital vs EBA (C‑577/15 P, EU:C:2016:947, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat‑22 ta’ Settembru 2011 (Bell & Ross vs UASI (C‑426/10 P, EU:C:2011:612, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).
24 Punti 25 sa 27 tad-digriet appellat.
25 Punt 19 tad-digriet appellat.
26 Punt 21 tad-digriet appellat.
27 Sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 1994, Bayer vs Il‑Kummissjoni (C‑195/91 P, EU:C:1994:412, punt 32).
28 Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑30 ta’ Settembru 2014, Faktor B. i W. Gęsina vs Il‑Kummissjoni (C‑138/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2256).
29 Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑30 ta’ Settembru 2014, Faktor B. i W. Gęsina vs Il‑Kummissjoni (C‑138/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2256, punti 19 u 20).
30 Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑30 ta’ Settembru 2014, Faktor B. i W. Gęsina vs Il‑Kummissjoni (C‑138/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2256, punti 10 u 11).
31 Ara l-Artikolu 74 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u d-Deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tal‑14 ta’ Settembru 2011 dwar il-preżentata u r-riċezzjoni ta’ atti proċedurali permezz tal-applikazzjoni e-Curia (ĠU 2011, C 289, p. 9). Sa mill-1 ta’ Diċembru 2018, l-użu tal-e-Curia sar obbligatorju għall-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali
32 Ara, b’mod partikolari, il-punti 79 sa 81 tad-Dispożizzjonijiet Prattiċi tal-Qorti Ġenerali u l-punti 42 u 43 tal-Istruzzjonijiet Prattiċi tal-Qorti tal-Ġustizzja.
33 Għal atti mibgħuta bil-posta biss, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrakkomanda l-użu ta’ servizz ta’ kunsinna espressa jew ittra rreġistrata. Min-naħa l-oħra, ma ngħatatx tali rakkomandazzjoni għal partijiet li jixtiequ jużaw il-faks jew il-posta elettronika f’konformità mal-Artikolu 73(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.
34 Dan jidher fl-Anness għad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 71) fejn 97 % tal-posta transkonfinali għandha tiġi kkunsinnata fiż-żmien 5 ijiem tax-xogħol mid-depożitu.
35 Ara l-punt 27 tad-digriet appellat.
36 Ara fuq nota simili d-digrieti tas‑7 ta’ Mejju 1998, L‑Irlanda vs Il‑Kummissjoni (C‑239/97, EU:C:1998:213, punt 9), u tat-18 ta’ Jannar 2005, Zuazaga Meabe vs UASI (C‑325/03 P, EU:C:2005:28, punt 26).
37 Ara, fuq din in-nota, is-sentenzi tal‑14 ta’ Jannar 2015, Abdulrahim vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (T‑127/09 RENV, EU:T:2015:4, punt 47), u tal‑21 ta’ Ġunju 2017, City Train vs EUIPO (CityTrain) (T‑699/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:409, punt 15).
38 Fejn tintuża l-e-Curia, il-persuna li tibgħat tirċievi konferma ta’ rċevuta mill-ewwel fejn id-dokumenti jkunu ġew debitament trażmessi lill-Qrati tal-Unjoni.
39 B’mod partikolari, is-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1994, Bayer vs Il‑Kummissjoni (C‑195/91 P, EU:C:1994:412, punt 32), u tat‑22 ta’ Settembru 2011, Bell & Ross vs UASI (C‑426/10 P, EU:C:2011:612, punt 48). Ara wkoll id-digriet tat‑8 ta’ Novembru 2007 Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni (C‑242/07 P, EU:C:2007:672, punt 17).
40 Għal fehma differenti, ara s-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2015, Abdulrahim vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (T‑127/09 RENV, EU:T:2015:4, punt 50).
41 Ara b’mod simili s-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2015, Abdulrahim vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (T‑127/09 RENV, EU:T:2015:4, punt 52).
42 Ara, fost ħafna oħrajn, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Zucchetti Rubinetteria vs Il‑Kummissjoni (C‑618/13 P, EU:C:2017:48, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).
43 Punt 26 tad-digriet appellat.
44 Ara inter alia s-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Il‑Kummissjoni vs Spanja et (C‑128/16 P, EU:C:2018:591, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).
45 Ara pereżempju s-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2018, Klein vs Il‑Kummissjoni (C‑346/17 P, EU:C:2018:679, punti 124 sa 126 u l-ġurisprudenza ċċitata).
46 Ara inter alia s-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, Agria Polska et vs Il‑Kummissjoni (C‑373/17 P, EU:C:2018:756, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).
Full & Egal Universal Law Academy