SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)
13 ta’ Settembru 2018 ( *1 )
“Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Reġistrazzjoni internazzjonali li tiddenota l-Unjoni Ewropea – Trade mark figurattiva li tirrappreżenta disinn ta’ linji mmewġa inkroċjati – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Artikolu 7(1)(b) – Raġuni assoluta għal rifjut – Karattru distintiv – Disinn ta’ superfiċje”
Fil-Kawża C-26/17 P
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-18 ta’ Jannar 2017,
Birkenstock Sales GmbH, stabbilita f’Vettelschoß (il-Ġermanja), irrappreżentata minn C. Menebröcker u V. Töbelmann, avukati,
appellanti,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn D. Walicka, bħala aġent,
konvenut fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),
komposta minn E. Levits, President tal-Awla, A. Borg Barthet (Relatur) u M. Berger, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Marzu 2018,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Ġunju 2018,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1
Permezz tal-appell tagħha, Birkenstock Sales GmbH titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-9 ta’ Novembru 2016, Birkenstock Sales vs EUIPO (Rappreżentazzjoni ta’ disinn ta’ linji mmewġa inkroċjati) (T-579/14, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2016:650), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet parzjalment ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tal-15 ta’ Mejju 2014 (Każ R 1952/2013-1) dwar ir-reġistrazzjoni internazzjonali li tiddenota l-Unjoni Ewropea tat-trade mark figurattiva li tirrappreżenta disinn ta’ linji mmewġa inkroċjati (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni”).
Il-kuntest ġuridiku
2
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), jipprevedi fl-Artikolu 7(1)(b) tiegħu:
“1. Dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu rreġistrati:
[…]
b)
trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv;
[…]”
Il-fatti li wasslu għall-kawża
3
L-appellanti hija l-aventi kawża ta’ Birkenstock Orthopädie GmbH & Co. KG, li fis-27 ta’ Ġunju 2012 kisbet mingħand l-uffiċċju internazzjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO), reġistrazzjoni internazzjonali, ibbażata fuq trade mark Ġermaniża, li tiddenota b’mod partikolari l-Unjoni Ewropea għat-trade mark figurattiva segwenti:
4
Fil-25 ta’ Ottubru 2012, l-EUIPO ġie nnotifikat bir-reġistrazzjoni internazzjonali tas-sinjal inkwistjoni (iktar ’il quddiem is-“sinjal ikkontestat”).
5
L-estensjoni tal-protezzjoni ġiet mitluba għall-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 10, 18 u 25 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrevedut u emendat (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Nice”), li tikkorrispondi, għal kull wieħed minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:
–
klassi 10: “Apparat u strumenti kirurġiċi, mediċi, dentali u veterinarji, riġlejn, drigħ, għajnejn u snien artifiċjali; oġġetti ortopediċi; materjal għas-sutura, materjal għas-sutura kirurġiku; xedd is-saqajn ortopediċi, inkluż xedd is-saqajn ortopediċi għar-riabilitazzjoni, għall-fiżjoterapija tas-sieq, għall-użu terapewtiku u intiżi għal skopijiet mediċi oħra, kif ukoll il-partijiet tagħhom, inklużi żraben ortopediċi, żraben ortopediċi b’suletta jew sapport ortopediku tas-saqajn kif ukoll inserzjonijiet ortopediċi plantari u taż-żraben, inkluż sapport ortopediku tas-sieq u inserzjonijiet ortopediċi taż-żraben kif ukoll il-partijiet tagħhom, inklużi inserzjonijiet termoplastiċi riġidi; komponenti taż-żraben u inserzjonijiet għall-adattament ta’ żraben ortopediċi, b’mod partikolari inserzjonijiet, ifilsa, ikkuttunar, suletti interjuri, ikkuttunar tal-fowm u suletti tas-saqajn modulati, inkluż bħala inserzjonijiet tal-plastik u sapport ortopediku magħmul minn sufra naturali, sufra termali, plastik, latex jew materjal tal-plastik u fowm, inserzjonijiet interjuri ortopediċi plantari u taż-żraben, sapport ortopediku tas-saqajn u taż-żraben; xedd is-saqajn ortopedeċi anki dawk magħmula minn materjali komposti elastiċi magħmula minn taħlitiet tal-latex u sufra jew taħlitiet tas-sufra u plastik; suletti tas-saqajn u inserzjonijiet taż-żraben ortopediċi; mezzi ortopediċi għas-sapport tas-sieq u taż-żraben; xedd is-saqajn ortopediċi, speċjalment papoċċi u sandlijiet ortopediċi; suletti ortopediċi; inserzjonijiet, anki dawk magħmula mill-plastik, latex jew materjal ta’ plastik u fowm, inkluż sintetiċi, inklużi bħala elementi elastiċi tas-sufra u tal-latex jew tal-plastik u tas-sufra”;
–
klassi 18: “Ġilda u imitazzjonijiet tal-ġilda, kif ukoll oġġetti magħmula minnhom u inklużi f’din il-klassi; ġild tal-annimali, ġild oħxon tal-annimali; bagolli u basktijiet tal-ivvjaġġar; umbrelel, parasoli u bsaten tal-mixi; frosti, xedd ta’ żiemel u oġġetti tas-sarrâg; portmoni; basktijiet; basktijiet tal-idejn; kartelli għad-dokumenti; basket li jinqafel b’ċinturin; boroż tad-drapp għall-ivvjaġġar; kartelli għaċ-ċwievet (oġġetti tal-ġilda); kaxxetta tal-kożmetika; basktijiet għall-oġġetti tal-kamra tal-banju, imsejħa “vanity cases”; basktijiet tal-ivvjaġġar; barżakki”;
–
klassi 25: “Ħwejjeġ, xedd ir-ras, xedd is-saqajn, inkluż żraben komdi u żraben għax-xogħol, għar-rikreazzjoni, għas-saħħa u għall-isports, inklużi sandlijiet, sandlijiet tal-ġinnastika, krakar, papoċċi, zukkletti, anki bis-suletti, speċjalment suletti ħoxnin, anatomiċi u modulati, sapport tas-saqajn kif ukoll inserzjonijiet plantari u għaż-żraben, inserzjonijiet protettivi; partijiet u aċċessorji tal-imsemmija xedd is-saqajn, jiġifieri partijiet ta’ fuq taż-żraben, tkaken, suletti esterni, suletti interni, partijiet tal-qigħan taż-żraben, inklużi suletti, sapport tas-saqajn, inserzjonijiet interni plantari u taż-żraben, b’mod partikolari, suletti ħoxnin, anatomiċi u modulati, b’mod partikolari tas-sufra, sufra termali, tal-plastik, latex jew materjal tal-plastik u tal-fowm, inklużi bħala elementi elastiċi tas-sufra u tal-latex jew tal-plastik u tas-sufra; suletti interni; xedd is-saqajn, inklużi żraben u sandlijiet; stvali, kif ukoll partijiet u inserzjonijiet għall-prodotti kollha msemmija, inklużi f’din il-klassi; ċinturini; xalel; imkatar tar-ras”.
6
Fil-21 ta’ Novembru 2012, l-eżaminatur innotifika lill-appellanti bir-rifjut totali provviżorju u ex officio tiegħu fir-rigward tal-protezzjoni tat-trade mark internazzjonali fl-Unjoni. Il-motiv invokat insostenn ta’ dan ir-rifjut kien l-assenza ta’ karattru distintiv tas-sinjal inkwistjoni għall-prodotti kollha kkonċernati, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.
7
B’deċiżjoni tad-29 ta’ Awwissu 2013, wara li l-appellanti wieġbet għall-oġġezzjonijiet imqajma fin-notifika ta’ rifjut provviżorju, id-Diviżjoni tal-Eżaminazzjoni tal-EUIPO kkonfermat, għall-istess motiv bħal dak imressaq preċedentement, ir-rifjut totali ta’ protezzjoni tat-trade mark internazzjonali fl-Unjoni.
8
Fl-4 ta’ Ottubru 2013, l-appellanti ppreżentat appell kontra din id-deċiżjoni quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 58 sa 60 tar-Regolament Nru 207/2009.
9
B’deċiżjoni tal-15 ta’ Mejju 2014, l-Ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO (iktar ’il quddiem il-“Bord tal-Appell”), ċaħad l-appell, peress li qies li s-sinjal inkwistjoni ma kienx ta’ karattru distintiv għall-prodotti inkwistjoni.
10
Il-Bord tal-Appell qies, b’mod partikolari, li s-sinjal inkwistjoni kien jippreżenta linji mmewġa inkroċjati f’angolu rett f’sekwenza repetittiva li setgħet testendi għall-erba’ naħat tal-kwadru u, għalhekk, tiġi applikata għal kull superfiċje bidimensjonali jew tridimensjonali. Għaldaqstant, is-sinjal inkwistjoni jkun immedjatament ipperċepit bħala li jirrappreżenta disinn ta’ superfiċje.
11
Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell irrileva li kien magħruf li s-superfiċji tal-prodotti jew tal-imballaġġ tagħhom kienu mżejna b’disinni għal raġunijiet differenti, b’mod partikolari għat-titjib tad-dehra estetika tagħhom u/jew minħabba kunsiderazzjonijiet tekniċi.
12
Huwa enfasizza li, skont il-ġurisprudenza, peress li l-konsumaturi medji ma kellhomx l-abitudni li jippreżumu l-oriġini kummerċjali tal-prodotti abbażi ta’ sinjali li huma inseparabbli mid-dehra tal-prodotti nfushom, tali sinjali jkollhom karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 biss jekk dawn jiddiversifikaw b’mod sinjifikattiv min-norma jew mill-abitudnijiet tas-settur. Huwa qies li din il-ġurisprudenza kienet applikabbli għall-kawża inkwistjoni, peress li s-sinjal inkwistjoni kien inseparabbli mid-dehra tal-prodotti inkwistjoni.
13
Il-Bord tal-Appell qies li l-impressjoni ġenerali prodotta mis-sinjal inkwistjoni kienet banali u li dan id-disinn ta’ superfiċje seta’ jinstab fuq il-prodotti kollha inkwistjoni, li fir-rigward tagħhom huwa seta’ jkollu funzjoni estetika u/jew teknika. Fil-fehma tiegħu, l-impressjoni ġenerali prodotta minn dan is-sinjal ma kinitx tiddiversifika b’mod sinjifikattiv, jew saħansitra ma kienet tiddiversifika xejn, mill-abitudnijiet tas-setturi kkonċernati.
14
Il-Bord tal-Appell ikkonkluda li, probabbilment, il-pubbliku rilevanti jipperċepixxi s-sinjal bħala sempliċi disinn ta’ superfiċje u mhux bħala l-indikazzjoni ta’ oriġini kummerċjali partikolari.
L-appell quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
15
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ Awwissu 2014, l-appellanti ppreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni.
16
Insostenn tar-rikors tagħha, l-appellanti invokat motiv wieħed, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Hija sostniet, b’mod partikolari, li l-Bord tal-Appell ma kienx eżamina s-sinjal inkwistjoni fil-forma rreġistrata tiegħu, jiġifieri immaġni li s-superfiċje tiegħu hija delimitata b’mod ċar u li huwa inseparabbli mill-forma tal-prodotti, iżda kienet espandiet l-imsemmi sinjal, mingħajr ġustifikazzjoni, billi ddikjarat li dan seta’ jiġi riprodott u kontinwat.
17
Wara li fakkret il-ġurisprudenza rilevanti, fil-punti 23 sa 27 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet eżami tal-applikabbiltà, fil-każ ineżami, tal-ġurisprudenza dwar sinjali li huma inseparabbli mid-dehra tal-prodotti. Għal dan il-għan, il-Qorti Ġenerali eżaminat, b’mod partikolari, fil-punti 50 sa 68 tas-sentenza appellata, il-kwistjoni dwar liema huwa l-kriterju rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk sinjal li huwa magħmul minn serje ta’ elementi ripetuti regolarment u li huwa ddenominat bħala trade mark figurattiva jistax jitqies bħala disinn ta’ superfiċje għall-prodotti inkwistjoni.
18
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 54 sa 57 tas-sentenza appellata, li huwa biss meta l-użu ta’ disinn ta’ superfiċje huwa improbabbli fid-dawl tan-natura tal-prodotti inkwistjoni li tali sinjal jista’ ma jitqiesx bħala disinn ta’ superfiċje, fir-rigward tal-prodotti inkwistjoni.
19
Fid-dawl ta’ dan il-kriterju, il-Qorti Ġenerali qieset li, fir-rigward ta’ “riġlejn u dirgħajn, għajnejn u snien artifiċjali”, “materjal għas-sutura għall-użu kirurġiku” u “ġild tal-annimali, ġild oħxon tal-annimali”, kien b’mod żbaljat li l-Bord tal-Appell applika l-imsemmija ġurisprudenza, b’mod li bbażata ruħu fuq kriterji ta’ eżami żbaljati u li, għalhekk, kien hemm lok li tiġi annullata d-deċiżjoni inkwistjoni sa fejn huma kkonċernati l-prodotti. Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ prodotti oħra li jaqgħu fil-klassijiet 10, 18 u 25, fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Bord tal-Appell kien applika korrettament il-ġurisprudenza dwar is-sinjali li kienu inseparabbli mid-dehra tal-prodotti.
20
Fir-rigward ta’ dawn l-aħħar prodotti koperti mit-trade mark internazzjonali li fir-rigward tagħhom tintalab protezzjoni, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 129 sa 153 tas-sentenza appellata, il-kwistjoni dwar jekk il-Bord tal-Appell kienx qies korrettament li s-sinjal inkwistjoni ma kienx jiddiversifika b’mod sinjifikattiv min-normi jew mill-abitudnijiet tas-setturi kkonċernati. Hija kkonstatat li dan kien tabilħaqq il-każ.
21
Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni inkwistjoni fir-rigward tal-prodotti segwenti: “riġlejn u dirgħajn, għajnejn u snien artifiċjali”, “materjal għas-sutura”; “materjal għas-sutura għall-użu kirurġiku” u “ġild tal-annimali, ġild oħxon tal-annimali”, u annullat il-kumplament tar-rikors.
It-talbiet tal-partijiet
22
Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
–
tannulla s-sentenza appellata;
–
tilqa’ t-talbiet ippreżentati fl-ewwel istanza, u
–
tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż tal-proċedura, inklużi dawk sostnuti fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Bord tal-Appell.
23
L-EUIPO jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.
Fuq l-appell
24
Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka tliet aggravji, ibbażati, rispettivament, fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, fuq kontradizzjonijiet fil-motivazzjoni tas-sentenza appellata u fuq żnaturament tal-fatti.
Fuq l-ewwel aggravju
Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju
– L-argumenti tal-partijiet
25
Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 54 et seq. tas-sentenza appellata, użat bħala kriterju rilevanti sabiex tkun tista’ tiġi applikata l-ġurisprudenza dwar sinjali li huma inseparabbli mid-dehra tal-prodotti fir-rigward tal-prodotti inkwistjoni, il-kriterju bbażat fuq sempliċi “possibbiltà” li s-sinjal inkwistjoni jintuża bħala disinn ta’ superfiċje.
26
Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod partikolari, fid-digriet tas-26 ta’ April 2012, Deichmann vs UASI (C-307/11 P, mhux ippubblikat, EU:C:2012:254), li huwa neċessarju li l-użu tas-sinjal inkwistjoni bħala disinn ta’ superfiċje jkun “l-użu l-iktar probabbli”. Għalhekk, is-sempliċi possibbiltà ta’ użu tat-trade mark internazzjonali inkwistjoni bħala disinn ta’ superfiċje ma hijiex suffiċjenti sabiex tiġi applikata l-ġurisprudenza dwar is-sinjali li huma inseparabbli mid-dehra tal-prodotti.
27
Billi ddeċidiet li sinjal li huwa kompost minn sensiela ta’ elementi li jirrepetu ruħhom regolarment jista’ ma jitqiesx bħala disinn ta’ superfiċje biss f’każijiet fejn l-użu ta’ tali motiv huwa improbabbli, fid-dawl tan-natura tal-prodotti inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet kriterju differenti mill-kriterju bbażat fuq “l-użu l-iktar probabbli”. Dan l-ewwel kriterju ta’ evalwazzjoni jimponi, fuq trade marks figurattivi komposti minn sett ta’ elementi li huma ripetuti, kriterji iktar restrittivi minn dawk imposti għal tipi oħra ta’ trade marks għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tagħhom.
28
L-EUIPO jqis, prinċipalment, li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju hija inammissibbli u, sussidjarjament, li hija infondata.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
29
Fir-rigward tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, għandu jitfakkar li, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256 TFUE u mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell huwa limitat għall-kwistjonijiet ta’ dritt. Il-Qorti Ġenerali biss għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll sabiex tevalwa l-provi. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u provi ma tikkostitwixxix, bla ħsara għall-każ ta’ żnaturament tagħhom, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-2 ta’ Settembru 2010, Calvin Klein Trademark Trust vs UASI, C‑254/09 P, EU:C:2010:488, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).
30
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali, billi bbażat ruħha fuq il-kriterju bbażat fuq l-użu possibbli tas-sinjal inkwistjoni bħala disinn ta’ superfiċje, sabiex tiġi applikata l-ġurisprudenza dwar is-sinjali li huma inseparabbli mid-dehra tal-prodotti, wettqet żball ta’ liġi. Għaldaqstant, din il-parti, li tqajjem kwistjoni ta’ dritt, hija ammissibbli fil-kuntest ta’ appell.
31
Fir-rigward tal-fondatezza tal-imsemmija parti, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-karattru distintiv ta’ trade mark, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, ifisser li din it-trade mark tippermetti li jiġi identifikat il-prodott li għalih tintalab ir-reġistrazzjoni bħala li joriġina minn impriża stabbilita u għalhekk li dan il-prodott jiġi distint minn dawk ta’ impriżi oħra. Il-karattru distintiv ta’ sinjal għandu jiġi evalwat, minn naħa, fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom tkun saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-perċezzjoni li għandu l-pubbliku rilevanti (sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2007, Develey vs UASI, C-238/06 P, EU:C:2007:635, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-21 ta’ Jannar 2010, Audi vs UASI, C-398/08 P, EU:C:2010:29, punti 33 u 34).
32
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali fakkret ġustament, fil-punt 23 tas-sentenza appellata, li l-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ trade marks tridimensjonali magħmula mid-dehra tal-prodott stess ma humiex differenti minn dawk applikabbli għal kategoriji oħra ta’ trade marks. Hija ppreċiżat ukoll, li fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, il-perċezzjoni tal-pubbliku medju ma hijiex neċessarjament l-istess bħal fil-każ ta’ trade mark tridimensjonali, magħmula mid-dehra tal-prodott stess, bħalma hija fil-każ ta’ trade mark verbali jew figurattiva, komposta minn sinjal indipendenti mill-aspett tal-prodotti li hija tiddenota. Fil-fatt, il-konsumaturi medji, fl-assenza ta’ kull element grafiku jew testwali, ma għandhomx l-abitudni li jippreżumu l-oriġini tal-prodotti abbażi tal-forma tagħhom jew tal-forma tal-ippakkjar tagħhom, u għalhekk jista’ jkun iktar diffiċli li jiġi stabbilit il-karattru distintiv ta’ tali trade mark tridimensjonali milli dak ta’ trade mark verbali jew figurattiva (sentenzi tas-7 ta’ Ottubru 2004, Mag Instrument vs UASI, C-136/02 P, EU:C:2004:592, punt 30, kif ukoll tat-22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs UASI, C-25/05 P, EU:C:2006:422, punti 26 u 27).
33
F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif fakkret ġustament il-Qorti Ġenerali, fil-punt 24 tas-sentenza appellata, hija biss trade mark li tiddiversifika, b’mod sinjifikattiv, min-norma jew mill-abitudnijiet tas-settur u li għalhekk tissodisfa l-funzjoni essenzjali ta’ oriġini tagħha, li ma għandhiex karattru distintiv skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 (sentenzi tat-12 ta’ Jannar 2006, Deutsche SiSi-Werke vs UASI, C-173/04 P, EU:C:2006:20, punt 31, u tat-22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs UASI, C-25/05 P, EU:C:2006:422, punt 28).
34
Din il-ġurisprudenza, żviluppata fir-rigward ta’ trade marks tridimensjonali magħmula mid-dehra tal-prodott innifsu tapplika wkoll meta t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija trade mark figurattiva magħmula mir-rappreżentazzjoni bidimensjonali tal-imsemmi prodott (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs UASI, C-25/05 P, EU:C:2006:422, punt 29), jew fejn it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija sinjal magħmul minn disinn applikat fuq is-superfiċje ta’ prodott (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-28 ta’ Ġunju 2004, Glaverbel vs UASI, C-445/02 P, EU:C:2004:393, punti 22 sa 24). Fil-fatt, f’każ bħal dan, it-trade mark lanqas ma tkun komposta minn sinjal indipendenti mill-aspett tal-prodotti li hija tiddenota.
35
Din il-ġurisprudenza hija applikabbli wkoll meta parti biss tal-prodott iddenominat hija rrappreżentata minn trade mark (digriet tat-13 ta’ Settembru 2011, Wilfer vs UASI, C-546/10 P, mhux ippubblikat, EU:C:2011:574, punt 59, u sentenza tal-15 ta’ Mejju 2014, Louis Vuitton Malletier vs UASI, C‑97/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:324, punt 54).
36
Minn dan isegwi, kif sostniet ġustament il-Qorti Ġenerali, fil-punt 28 tas-sentenza appellata, li l-element determinanti fir-rigward tal-applikabbiltà tal-ġurisprudenza dwar it-trade marks tridimensjonali li huma inseprabbli mid-dehra tal-prodotti ma huwiex il-kwalifika tas-sinjal ikkonċernat bħala “figurattiv”, “tridimensjonali” jew ieħor, iżda l-fatt li dan huwa inseparabbli mid-dehra tal-prodott li jiddenota.
37
Dan l-element determinanti jimplika, hekk kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 52 u 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-eżistenza ta’ xebh bejn is-sinjal u l-prodotti msemmija jew parti minnhom, li għandha tiġi evalwata fid-dawl tan-natura tal-imsemmija prodotti kkonċernati u għandha tiġi pperċepita mill-pubbliku rilevanti.
38
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi vverifikat jekk, kif issostni l-appellanti, il-Qorti Ġenerali kellhiex tuża, bħala kriterju rilevanti sabiex tiġi applikata l-ġurisprudenza dwar it-trade marks li huma inseparabbli mad-dehra tal-prodotti, il-kriterju bbażat fuq l-użu l-iktar probabbli tas-sinjal inkwistjoni bħala disinn ta’ superfiċje.
39
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 36 u 37 tas-sentenza appellata, li s-sinjal inkwistjoni huwa sinjal figurattiv magħmul minn sensiela ta’ elementi li jirrepetu ruħhom regolarment, li jista’ jiġi estiż ad infinitum fl-erba’ naħat kollha u li huwa adattat, b’mod partikolari, sabiex jintuża bħala disinn ta’ superfiċje. Fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li l-prodotti koperti minn dan is-sinjal huma, parzjalment, prodotti li ovvjament ta’ spiss ikollhom disinni ta’ superfiċje, bħall-oġġetti tal-moda fis-sens wiesa’ tal-kelma, u parzjalment, prodotti li fir-rigward tagħhom huwa inqas evidenti li ta’ spiss ikollhom disinni ta’ superfiċje. Hija ddeċidiet, fil-punti 54 u 55 tal-imsemmija sentenza, li għalhekk, bħala prinċipju teżisti probabbiltà, inerenti għal dan is-sinjal, li dan jintuża bħala disinn ta’ superfiċje u li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biss meta l-użu ta’ disinn ta’ superfiċje jkun improbabbli fid-dawl tan-natura tal-prodotti inkwistjoni li tali sinjal ma jistax jitqies bħala disinn ta’ superfiċje, fir-rigward tal-imsemmija prodotti.
40
Billi użat il-kriterju bbażat fuq l-użu possibbli tas-sinjal inkwistjoni bħala disinn ta’ superfiċje fid-dawl tan-natura tal-prodotti kkonċernati, sabiex tiġi applikata l-ġurisprudenza dwar it-trade marks tridimensjonali li huma inseparabbli mid-dehra tal-prodotti, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi.
41
Fil-fatt, minn naħa, fid-dawl tal-karatteristiċi intrinsiċi tas-sinjal inkwistjoni, kompost minn sensiela ta’ elementi li jirrepetu ruħhom regolarment u n-natura tal-prodotti msemmija, dan is-sinjal huwa, fil-prinċipju, intiż li jitwaħħal fuq is-superfiċje tal-imsemmija prodotti, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 77 tal-konklużjonijiet tiegħu. Hemm probabbiltà inerenti li sinjal kompost minn sekwenza repetittiva ta’ elementi jintuża bħala disinn ta’ superfiċje u għalhekk ikun inseperabbli mid-dehra tal-prodotti kkonċernati.
42
Min-naħa l-oħra, għandu jiġi enfasizzat li l-kriterju bbażat fuq l-użu l-iktar probabbli adottat fid-digriet tas-26 ta’ April 2012, Deichmann vs UASI (C‑307/11 P, mhux ippubblikat, EU:C:2012:254, punt 55), huwa irrilevanti għal din il-kawża, peress li l-kawża li tat lok għal dan id-digriet ma kinitx tikkonċerna r-reġistrazzjoni ta’ sinjal kompost minn sekwenza repetittiva ta’ elementi, iżda sinjal li jirrappreżenta faxxa mgħawġa bit-tikek.
43
Barra minn hekk, l-osservanza tal-kriterju bbażat fuq l-użu l-iktar probabbli, kif invokat mill-appellanti, iwassal sabiex is-sinjali huma adattati b’mod partikolarment tajjeb, minħabba l-karatteristiċi intrinsiċi tagħhom, sabiex jintużaw bħala disinn ta’ superfiċje, fir-rigward tal-prodotti kkonċernati, jevitaw l-applikazzjoni fir-rigward tagħhom tal-ġurisprudenza relatata ma’ trade marks li huma inseparabbli mid-dehra tal-prodotti minkejja li, fir-rigward ta’ tali sinjali, hemm probabbiltà inerenti li dawn is-sinjali jintużaw bħala disinn ta’ superfiċje u, konsegwentement, li jkunu inseparabbli mid-dehra tal-prodotti.
44
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.
Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju
– L-argumenti tal-partijiet
45
Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li kien b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali naqset milli tiddetermina n-normi u l-abitudnijiet tas-settur għall-prodotti kkonċernati u milli tevalwa s-sinjal ikkontestat fir-rigward ta’ dawn in-normi.
46
F’dan ir-rigward, billi tirreferi għas-sentenzi tas-7 ta’ Ottubru 2004, Mag Instrument vs UASI (C-136/02 P, EU:C:2004:592, punt 31), u tal-24 ta’ Mejju 2012, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli vs UASI (C-98/11 P, EU:C:2012:307, punt 42), hija tfakkar il-ġurisprudenza stabbilita li tgħid li hija biss trade mark li, b’mod sinjifikattiv, tiddiversifika min-norma jew mill-abitudnijiet tas-settur ikkonċernat u, minħabba f’hekk, tkun kapaċi tissodisfa l-funzjoni essenzjali tagħha ta’ indikazzjoni tal-oriġini, li ma għandhiex karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.
47
L-appellanti ssostni li, fil-punti 83 sa 96 u 113 sa 123 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sempliċement eżaminat jekk il-prodotti kkonċernati jistgħux bħala regola jkollhom disinn ta’ superfiċje u, fil-punt 133 ta’ din is-sentenza, hija rriproduċiet il-konstatazzjoni ġenerali mwettqa mill-Bord tal-Appell, li tgħid li l-esperjenza ġenerali turi li d-disinni ta’ superfiċje kienu kkaratterizzati minn infinità ta’ disinni differenti. Madankollu, din il-konstatazzjoni ma tissostitwixxix id-determinazzjoni tan-normi u tal-abitudnijiet tas-settur ikkonċernat għal kull kategorija ta’ prodott kopert, speċjalment peress li prodotti bħal “apparat u strumenti mediċi”, “oġġetti tas-sarrâg” jew “xedd is-saqajn” ma jistgħux jiġu konnessi ma’ kategorija ta’ prodotti omoġenji.
48
L-EUIPO jqis, prinċipalment, li t-tieni parti tal-ewwel aggravju hija inammissibbli u, sussidjarjament, li hija infondata.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
49
Għandu jiġi osservat li, permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti ssostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali żbaljatament naqset milli tistabbilixxi n-normi u l-abitudnijiet tas-settur ikkonċernat għal kull kategorija ta’ prodotti koperti mis-sinjal inkwistjoni, sabiex tiġi eżaminata n-natura distintiva tat-trade mark internazzjonali li hija s-suġġett tat-talba għal protezzjoni. Din il-parti, li permezz tagħha l-appellanti tqajjem kwistjoni ta’ dritt, hija ammissibbli fil-kuntest ta’ appell, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 29 ta’ din is-sentenza.
50
Rigward il-fondatezza tal-imsemmija parti, għandu jiġi kkonstatat li din hija bbażata fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata.
51
Fil-fatt, fil-punti 70 sa 128 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fl-ewwel lok, il-punt dwar jekk il-ġurisprudenza relatata ma’ sinjali li huma inseparabbli mid-dehra tal-prodotti, fir-rigward tal-prodotti inkwistjoni, kinitx applikabbli f’dan il-każ, fid-dawl tal-kriterju stabbilit fil-punt 55 tal-imsemmija sentenza, jiġifieri li huwa biss meta l-użu ta’ disinn ta’ superfiċje jkun improbabbli fid-dawl tan-natura tal-prodotti inkwistjoni, li tali sinjal ma jistax jitiqies bħala disinn ta’ superfiċje. Il-Qorti Ġenerali għamlet din l-analiżi għal kull kategorija ta’ prodotti kkonċernati u evalwat, skont l-istandards jew l-abitudnijiet tas-settur ikkonċernat, jekk kienx probabbli jew le li l-imsemmija prodotti jkollhom disinn ta’ superfiċje.
52
Fit-tieni lok, fil-punti 129 sa 147 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali evalwat, għall-prodotti li fir-rigward tagħhom il-Bord tal-Appell kien ġustament applika l-ġurisprudenza dwar it-trade marks tridimensjonali, jekk huwa kienx ukoll ġustament qies li dan is-sinjal ma kienx jiddiversifika b’mod sinjifikattiv min-normi u mill-abitudnijiet tas-setturi kkonċernati u li, għalhekk, ma kellux karattru distintiv.
53
Il-Qorti Ġenerali kkonstatat, f’dan ir-rigward, fil-punti 131 u 132 tas-sentenza appellata, li s-sinjal inkwistjoni huwa disinn sempliċi, magħmul minn sempliċi kombinazzjoni ta’ linji mmewġa inkroċjati b’mod repetittiv, u ċaħdet l-argument tal-appellanti, ibbażat fuq il-fatt li l-forom li jikkostitwixxu dan is-sinjal huma diġà inabitwali meħuda iżolament. Fil-punt 133 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żiedet li, bħal ma kien enfasizza l-Bord tal-Appell, l-esperjenza ġenerali turi li d-disinni applikati għas-superfiċje huma kkaratterizzati minn infinità ta’ disinni differenti u l-elementi applikati għas-superfiċje kienu ta’ spiss forom ġeometriċi sempliċi bħal tikek, ċrieki, rettangoli jew linji, u dawn tal-aħħar setgħu jkunu dritti jew jitilgħu u jinżlu f’zigzag jew f’mewġ.
54
Wara li fakkret, fil-punt 136 tas-sentenza appellata, li, skont il-ġurisprudenza rilevanti, huwa r-rikorrent li jinvoka l-karattru distintiv ta’ trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, minkejja l-analiżi tal-EUIPO, li għandu jipprovdi indikazzjonijiet konkreti u ssostanzjati li jistabbilixxu li din it-trade mark għandha karattru distintiv intrinsiku jew karattru distintiv miksub permezz tal-użu, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 137 sa 147 ta’ din is-sentenza, l-argumenti u l-provi mressqa mill-appellanti.
55
Fil-punt 138 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-kuntest tal-eżami tal-argument tal-appellanti li jgħid li l-Bord tal-Appell ma kellux jillimita ruħu għal dikjarazzjonijiet ġenerali dwar il-prodotti jew is-servizzi kollha, li l-konstatazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell, li d-disinni applikati għas-superfiċje kienu kkaratterizzati minn infinità ta’ disinni differenti, ma hijiex limitata għal settur determinat. Fil-punt 144 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-istampi ta’ żraben pprovduti mill-appellanti ma kinux ta’ natura li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ diverġenza sinjifikattiva bejn is-sinjal inkwistjoni u n-normi u l-abitudnijiet fis-settur taż-żraben. Fil-punt 145 tal-imsemmija sentenza, hija qieset li n-numru żgħir ta’ immaġni ta’ suletti interni ppreżentati mill-appellanti ma setgħux, fi kwalunkwe każ, jistabbilixxu l-eżistenza ta’ diverġenza sinjifikattiva bejn is-sinjal inkwistjoni u n-normi u l-abitudnijiet tas-settur ikkonċernat, sa fejn l-immaġni kollha kienu juru l-parti ta’ fuq tas-suletti interni. Fir-rigward tal-prodotti l-oħra inkwistjoni, l-appellanti ma pprovdietx stampi intiżi li jistabbilixxu n-normi u l-użanzi tas-setturi kkonċernati. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 147 tas-sentenza appellata, li d-dikjarazzjonijiet tal-appellanti ma kinux suffiċjenti sabiex jistabbilixxu l-eżistenza ta’ diverġenza sinjifikattiva bejn is-sinjal inkwistjoni u n-normi u l-abitudnijiet tas-setturi kkonċernati.
56
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi allegat li l-Qorti Ġenerali ma ddeterminatx in-normi u l-abitudnijiet tas-setturi kkonċernati meta evalwat il-karattru distintiv tas-sinjal ikkontestat.
57
Minn dan isegwi li t-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.
Fuq it-tielet parti tal-ewwel aggravju
– L-argumenti tal-partijiet
58
Permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali applikat kriterji iktar stretti minn dawk previsti fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, meta qieset, fil-punti 130, 131 u 133 tas-sentenza appellata, li l-impressjoni ġenerali prodotta mit-trade mark internazzjonali inkwistjoni kienet banali u li d-disinni ta’ superfiċje kienu ta’ spiss forom ġeometriċi sempliċi bħal tikek, ċrieki, rettangoli jew linji.
59
F’dan ir-rigward, l-appellanti tirreferi għas-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2004, SAT.1 vs UASI (C-329/02 P, EU:C:2004:532, punt 41), li minnha jirriżulta li r-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea hija suġġetta mhux għall-konstatazzjoni ta’ ċertu livell ta’ kreattività jew ta’ immaġinazzjoni min-naħa tal-proprjetarju tat-trade mark, iżda biss għall-kapaċità ta’ dan is-sinjal li jiddistingwi l-prodotti jew is-servizzi kkonċernati minn dawk ta’ impriżi oħra. Il-linji minsuġa inkroċjati f’angolu rett li jikkostitwixxu s-sinjal inkwistjoni jagħtu impressjoni ġenerali preċiża u distintiva ta’ “disinn tal-għadam”, b’mod li l-impressjoni ġenerali prodotta minn dan is-sinjal hija indikazzjoni tal-oriġini tal-prodotti kkonċernati.
60
L-EUIPO jqis, prinċipalment, li t-tielet parti tal-ewwel aggravju hija inammissibbli u, sussidjarjament, li hija infondata.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
61
Għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti essenzjalment tinvoka applikazzjoni żbaljata, min-naħa tal-Qorti Ġenerali, tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, hija tikkontesta, fir-realtà, l-evalwazzjonijiet fattwali li għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punti 130, 131 u 133 tas-sentenza appellata, li jgħidu li, essenzjalment, l-impressjoni ġenerali prodotta mis-sinjal inkwistjoni kienet banali. Minn dan isegwi li, permezz tal-argumenti tagħha, l-appellanti tipprova tikseb mill-Qorti tal-Ġustizzja evalwazzjoni ġdida ta’ dan is-sinjal.
62
Madankollu, peress li l-appellanti ma tallega ebda distorsjoni tal-fatti f’dan ir-rigward, hemm lok li jitqies li t-tielet parti tal-ewwel aggravju hija inammissibbli, konformement mal-punt 29 ta’ din is-sentenza.
63
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud bħala parzjalment infondat u parzjalment inammissibbli.
Fuq it-tieni aggravju
Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju
– L-argumenti tal-partijiet
64
Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li s-sentenza appellata tinkludi motivazzjoni kontradittorja bejn, minn naħa, il-punt 77 tas-sentenza appellata u, min-naħa l-oħra, il-punti 76 u 78 tagħha.
65
Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali tindika, fil-punt 77, li l-eżami tal-karattru distintiv intrinsiku ta’ sinjal għandu jkun ibbażat fuq il-karatteristiċi tiegħu, indipendentement minn kull użu konkret li jkun sar minnu. Madankollu, fl-imsemmija punti 76 u 78, il-Qorti Ġenerali tirreferi għal dikjarazzjoni magħmula mill-appellanti waqt is-seduta, relatata mal-użu tas-sinjal inkwistjoni fil-passat.
66
L-EUIPO jsostni li l-ewwel parti ta’ dan it-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
67
Għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel parti tat-tieni aggravju tal-appell huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata.
68
Fil-fatt, hemm lok li jiġi rrilevat li l-motivi fil-punti 76 sa 78 tas-sentenza appellata huma intiżi li jirrispondu għall-argument tal-appellanti, riprodott fil-punt 74 ta’ din is-sentenza, li jipprovdi li d-deċiżjoni kkontestata tinkludi kontradizzjoni, peress li l-istess trade mark ma tistax tkun kemm disinn ta’ superfiċje bidimensjonali u applikazzjoni tridimensjonali.
69
F’dan ir-rigward, wara li qieset, fil-punt 75 tas-sentenza appellata, li xejn ma jipprekludi li jittieħed inkunsiderazzjoni, minn naħa, użu bidimensjonali u, min-naħa l-oħra, użu tridimensjonali ta’ sinjal, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 76 ta’ dik is-sentenza, li, matul is-seduta, l-appellanti rrikonoxxiet li s-sinjal inkwistjoni kien intuża, għal iktar minn 40 sena, fuq is-suletti esterni taż-żraben u li tali użu kien jikkorrispondi għal użu ta’ dan is-sinjal bħala disinn ta’ superfiċje b’riljiev. Fil-punt 77 tas-sentenza appellata, hija żiedet li kien minnu li l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv intrinsiku ta’ sinjal għandha tkun ibbażata fuq il-karatteristiċi tiegħu indipendentement minn kull użu konkret li jkun sar minnu. Hija rrilevat, fil-punt 78 tal-istess sentenza, li, madankollu, l-argument tal-appellanti ma huwiex koerenti sa fejn hija ssostni, minn naħa, li t-trade mark internazzjonali tikkostitwixxi trade mark figurattiva “abitwali” bidimensjonali u mhux disinn ta’ superfiċje u, min-naħa l-oħra, li użu fuq is-suletti esterni taż-żraben, jiġifieri bħala disinn ta’ superfiċje b’riljiev, jikkostitwixxi użu tal-imsemmija trade mark.
70
Għaldaqstant, mill-punti 76 sa 78 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali sempliċement enfasizzat l-inkoerenza tal-argument tal-appellanti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li l-motivazzjoni tas-sentenza appellata li tinsab f’dawn il-punti hija vvizzjata b’kontradizzjoni.
71
Għaldaqsant, l-ewwel parti tat-tieni aggravju tal-appell għandha tiġi miċħuda bħala infondata.
Fuq it-tieni parti tat-tieni aggravju
– L-argumenti tal-partijiet
72
Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-punt 75 tas-sentenza appellata huwa vvizzjat b’kontradizzjoni fir-rigward tal-punt dwar jekk il-karattru distintiv ta’ trade mark jistax jiġi evalwat abbażi ta’ użu bidemensjonali u tridimensjonali tiegħu. Fil-fatt, f’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tirreferi, fl-imsemmi punt, għal waħda mis-sentenzi preċedenti tagħha, fejn ħadet inkunsiderazzjoni żewġ tipi ta’ użu tat-trade mark ikkonċernata. Madankollu, peress li l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv għandha ssir każ b’każ, ir-riferiment għal sentenza preċedenti tal-Qorti Ġenerali ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li l-karattru distintiv ta’ trade mark jista’ jiġi evalwat fir-rigward tal-użu bidimensjonali u tridimensjonali tiegħu.
73
L-EUIPO jsostni li t-tieni parti tat-tieni aggravju tal-appell hija infondata.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
74
Fil-punt 75 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrispondiet għall-argument tal-appellanti li jgħid li d-deċiżjoni inkwistjoni kienet ivvizzjata b’kontradizzjoni, peress li l-użu simultanju bidimensjonali u tridimensjonali tal-istess trade mark ma huwiex possibbli, u qieset li ma kien hemm xejn li jipprekludi li jittieħdu inkunsiderazzjoni ż-żewġ użijiet ta’ din it-trade mark. F’dan ir-rigward, hija rreferiet għas-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, EE vs UASI (Rappreżentazzjoni ta’ punti bojod fuq sfond tal-ivorju) (T-144/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:615), fejn ħadet inkunsiderazzjoni dawn iż-żewġ użijiet fir-rigward ta’ sinjal figurattiv li jirrappreżenta punti bojod fuq sfond tal-ivorju. Minn dan hija kkonkludiet li d-deċiżjoni inkwistjoni ma kinitx tinkludi kontradizzjoni dwar dan il-punt.
75
Filwaqt li huwa minnu li, kif issostni l-appellanti, l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ sinjal għandha ssir każ b’każ, xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti Ġenerali tista’, fil-kuntest tal-motivazzjoni tal-evalwazzjoni tagħha ta’ dan il-karattru distintiv, tirreferi għal każijiet simili, mingħajr ma tikkontradixxi ruħha f’dan ir-rigward.
76
Minn dan isegwi li t-tieni parti tat-tieni aggravju tal-appell għandha tiġi miċħuda bħala infondata u, għaldaqstant, it-tieni aggravju għandu wkoll jiġi miċħud.
Fuq it-tielet aggravju
L-argumenti tal-partijiet
77
Permezz tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li, fil-punti 134 sa 139 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti, peress li l-fatti li hija qieset bħala “magħrufa” ma humiex manifestament magħrufa fir-rigward tal-użu ta’ disinni ta’ superfiċje għall-prodotti inkwistjoni li jaqgħu taħt il-klassijiet 10, 18 u 25 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice. L-appellanti ssostni, b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, li s-sempliċi fatt li parti mill-prodotti inkwistjoni jista’ jkollha disinni ta’ superfiċje ma huwiex biżżejjed sabiex jitqies bħala magħruf il-fatt li dawn kienu effettivament disinni ta’ superfiċje u li t-trade mark internazzjonali inkwistjoni ma kinitx tiddistingwi ruħha b’mod sinjifikattiv mid-disinni ta’ superfiċje abitwalment użati fis-settur tal-prodotti kkonċernati.
78
B’hekk, ma jistax jitqies bħala magħruf il-fatt li strumenti mediċi, kirurġiċi, dentali u veterinarji, il-ġild u l-imitazzjonijiet tal-ġilda, il-bsaten tal-mixi, iż-żraben ortopediċi, is-suletti interni, inserzjonijiet plantari u taż-żraben, komponenti taż-żraben u inserzjonijiet taż-żraben, b’mod partikolari l-inserzjonijiet, l-ifilsa, l-ikkuttunar, ix-xedd ta’ żiemel, il-boroż tad-drapp tal-ivvjaġġar għall-ħwejjeġ, il-kartelli għad-dokumenti u l-bagolli jirrappreżentaw abitwalment disinni ta’ superfiċje.
79
L-EUIPO jsostni li t-tielet aggravju tal-appell huwa inammissbbli.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
80
Għandu jitfakkar li, fid-dawl tan-natura eċċezzjonali ta’ aggravju bbażat fuq żnaturament tal-fatti, l-Artikolu 256 TFUE, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 168(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jeżiġu, b’mod partikolari, li l-applikant jindika b’mod preċiż il-provi li ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali u juri l-iżbalji ta’ analiżi li, fil-fehma tiegħu, wasslu għal dan l-iżnaturament. Tali żnaturament għandu jidher b’mod ċar mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenzi tas-17 ta’ Marzu 2016, Naazneen Investments vs UASI, C-252/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:178, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata kif ukoll tas-6 ta’ Ġunju 2018, Apcoa Parking Holdings vs EUIPO, C-32/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:396, punti 47 u 48).
81
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti sempliċement tallega li l-fatti meqjusa mill-Qorti Ġenerali bħala “magħrufa” ma humiex manifestament magħrufa fir-rigward tal-użu ta’ disinni ta’ superfiċje għall-prodotti inkwistjoni li jaqgħu taħt il-klassijiet 10, 18 u 25 skont il-Ftehim ta’ Nice, mingħajr ma tippreżenta, insostenn ta’ din l-allegazzjoni, ebda prova ta’ natura li turi li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti f’dan ir-rigward.
82
Minn dan isegwi li t-tielet aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.
83
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.
Fuq l-ispejjeż
84
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-EUIPO talab il-kundanna ta’ Birkenstock Sales għall-ispejjeż, u l-aggravji ta’ din tal-aħħar ġew miċħuda, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1)
L-appell huwa miċħud.
2)
Birkenstock Sales GmbH hija kkundannata għall-ispejjeż.
Firem
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Full & Egal Universal Law Academy