SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
21 ta’ Marzu 2019 ( *1 )
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Trasport – Direttiva 96/53/KE – Traffiku internazzjonali – Vetturi konformi mal-valuri limiti li jirrigwardaw il-piż u d-dimensjonijiet speċifikati f’din id-direttiva – Użu ta’ tali vetturi, irreġistrati jew imqiegħda f’ċirkolazzjoni fi Stat Membru, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor – Sistema ta’ awtorizzazzjoni speċjali – Artikoli 3 u 7 – Att ta’ Adeżjoni tal-2003 – Dispożizzjonijiet tranżitorji – Il-punt 8(3) tal-Anness XII”
Fil-Kawża C‑127/17,
li għandu bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fl‑10 ta’ Marzu 2017,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Hottiaux u W. Mölls, bħala aġenti,
rikorrenti,
vs
Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, M. Kamejsza‑Kozłowska u J. Sawicka, bħala aġenti, assistiti minn J. Waszkiewicz, espert,
konvenuta,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn T. von Danwitz, President tas-Seba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, K. Jürimäe, C. Lycourgos, E. Juhász u C. Vajda (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑20 ta’ Ġunju 2018,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑19 ta’ Settembru 2018,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi imponiet fuq l-impriżi ta’ trasport l-obbligu li jkunu fil-pussess ta’ awtorizzazzjonijiet speċjali sabiex ikunu jistgħu jiċċirkolaw fuq ċerti toroq pubbliċi, ir-Repubblika tal-Polonja naqset mill-obbligi tagħha bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 3 u 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE tal‑25 ta’ Lulju 1996 li tistabbilixxi għal ċerti vetturi tat-triq li jiċċirkolaw fi ħdan il-Komunità id-dimensjonijiet massimi awtorizzati fit-traffiku nazzjonali u internazzjonali u l-piżijiet massimi awtorizzati fit-traffiku internazzjonali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 2, p. 478), kif emendata bid-Direttiva (UE) 2015/719 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2015 (ĠU 2015, L 115, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 96/53”), moqrija flimkien mal-punti 3.1 u 3.4 tal-Anness I tad-Direttiva 96/53.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
L-Att ta’ Adeżjoni
2
L-Artikolu 2 tal-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta’ l-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta’ l-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 33, iktar ’il quddiem l-“Att ta’ Adeżjoni tal‑2003”) jipprovdi:
“Mid-data ta’ l-adeżjoni, id-disposizzjonjiet tat-Trattati oriġinali u l-atti adottati mill-istituzzjonijiet u l-Bank Ċentrali Ewropew qabel l-adeżjoni għandhom jorbtu l-Istati Membri l-ġodda u għandhom japplikaw f’dawk l-Istati Membri bil-kondizzjonijiet kif imniżżla f’dawk it-Trattati u f’dan l-Att.”
3
L-Artikolu 10 tal‑Att ta’ Adeżjoni tal‑2003 huwa fformulat kif ġej:
“L-applikazzjoni tat-Trattati oriġinali u ta’ l-atti adottati mill-istituzzjonijiet għandha, bħala miżura transitorja, tkun soġġetta għad-derogi previsti f’dan l-Att.”
4
Skont l-Artikolu 24 ta’ dan l-Att ta’ Adeżjoni:
“Il-miżuri mniżżla fl-Annessi V, VI, VII, VIII, IX, X, XI, XII, XIII u XIV ta’ dan l-Att għandhom japplikaw fir-rigward ta’ l-Istati Membri l-ġodda taħt il-kondizzjonijiet stipulati f’dawk l-Annessi.”
5
L-Anness XII tal-imsemmi Att ta’ Adeżjoni huwa intitolat “Il-lista li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 24 ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni: Il-Polonja”. Il-punt 8 ta’ dan l-Anness, intitolat “Il-politika tat-trasport”, fih paragrafu 3 li jiddikjara applikabbli li d-Direttiva 96/53 fit-termini li ġejjin:
“31996 L 0053: Id-Direttiva […] 96/53/KE […] kif l-aħħar emendata bi:
— 32002 L 0007: Id-Direttiva 2002/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑[18 ta’ Frar 2002] [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 6, p. 85].
B’deroga mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva [96/53] […] vetturi li jikkonformaw mal-valur ta’ limiti tal-kategorija 3.4 fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva jistgħu biss jużaw dawk il-partijiet min-network tat-toroq Pollakk li l-livell tagħhom mhux imtejjeb sal-31 ta’ Diċembru 2010 jekk jikkonformaw mal-limiti tal-piż tal-fus tar-rota Pollakki. Mid-data ta’ l-adeżjoni l-ebda restrizzjoni ma tista’ tiġi mposta fuq l-użu, minn vetturi li jikkonformaw mal-ħtiġiet tad-Direttiva 96/53 […], tar-rotot ta’ transitu prinċipali stipulati fl-Anness I tad-Deċiżjoni [Nru] 1692/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Lulju 1996 [fuq linji gwida tal-Komunità għall-iżvilupp tan-network tat-trasport trans-Ewropew] [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 2, p. 364)].
Il-Polonja għandha timxi ma’ l-iskeda ta’ żmien stipulata fit-tabelli ta’ hawn taħt biex tittejjeb fil-livell tan-network tat-toroq ewlieni tagħha, kif imniżżla fl-Anness I tad-Deċiżjoni [Nru 1692/96]. Kull investiment ta’ infrastruttura li jinvolvi l-użu ta’ fondi mill-budget [tal-Unjoni] għandu jiżgura li l-arterji jiġu mibnija jew il-livell tagħhom imtejjeb sabiex ikollhom il-kapaċità li jifilħu piż ta’ 11.5 [t] għal kull fus tar-rota.
Flimkien mat-tlestija tat-titjib fil-livell, għandu jkun hemm il-ftuħ progressiv tan-network tat-toroq Pollakk, inkluża n-network mniżżel fl-Anness I tad-Deċiżjoni [Nru 1692/96], għal vetturi fit-traffiku internazzjonali li jikkonformaw mal-valur ta’ limiti tad-Direttiva. Fejn hu teknikament possibbli, matul il-perijodu transitorju kollu l-użu ta’ partijiet min-network ta’ toroq sekondarji li l-livell tagħhom mhux imtejjeb għandu jitħalla għall-iskopijiet ta’ tagħbija w ħatt.
[…]”
6
Il-kalendarju għall-modernizzazzjoni tan-netwerk tat-toroq prinċipali Pollakk imsemmi fit-tielet subparagrafu tal-punt 8(3) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal‑2003 huwa stabbilit fi tmien tabelli, li jkopru l-perijodu bejn l‑1 ta’ Jannar 2004 u l‑1 ta’ Jannar 2011.
Id-Direttiva 96/53
7
Id-Direttiva 96/53 tistabbilixxi regoli komuni relatati mal-piżijiet u d-dimensjonijiet tal-vetturi tat-triq kummerċjali użati fit-traffiku internazzjonali kif ukoll ir-regoli komuni relatati mad-dimensjonijiet ta’ tali vetturi użati fit-traffiku nazzjonali.
8
Il-premessi 3 sa 5, 7, 11 u 12 ta’ din id-direttiva jiddikjaraw:
“(3)
[…] d-differenzi bejn l-istandards fis-seħħ fl-Istati Membri fejn għandhom x’jaqsmu l-piżijiet u d-dimensjonijiet tal-vetturi tat-triq kummerċjali jistgħu jkollhom effett kuntrarju fuq il-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni u jikkostitwixxu ostakolu għat-traffiku bejn l-Istati Membri;
(4)
[…] skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà, għandha tittieħed azzjoni fil-livell Komunitarju sabiex jitneħħa dan l-ostakolu;
(5)
[…] l-istandards imsemmija fuq jirriflettu bilanċ bejn l-użu razzjonali u ekonomiku tal-vetturi tat-triq kummerċjali u l-ħtiġiet tal-manutenzjoni ta’ l-infrastruttura, is-sigurtà fit-triq u l-protezzjoni ta’ l-ambjent u ċ-ċiklu tal-ħajja;
[…]
(7)
[…] ħtiġiet tekniċi addizzjonali li għandhom x’jaqsmu mal-piżijiet u d-dimensjonijiet tal-vetturi jistgħu japplikaw għal vetturi kummerċjali reġistrati jew imqiegħda f’ċirkolazzjoni fi Stat Membru; […] dawn il-ħtiġiet m’għandhomx jikkostitwixxu ostakolu għaċ-ċirkolazzjoni tal-vetturi kummerċjali bejn l-Istati Membri;
[…]
(11)
[…] fl-implimentazzjoni tas-suq intern, l-iskop ta’ din id-Direttiva għandu jiġi estiż għat-trasport nazzjonali sa fejn jikkonċerna l-karatteristiċi li sinifikament jaffettwaw il-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-settur tat- trasport u b’mod partikolari il-valuri li għandhom x’jaqsmu mat-tul u l-wisa’ massimi awtorizzati u l-kombinazzjonijiet tal-vetturi maħsuba għat-trasport tal-merkanzija;
(12)
[…] għall-karatteristiċi l-oħrajn tal-vetturi, l-Istati Membri huma awtorizzati japplikaw fit-territorju tagħhom valuri differenti minn dawk provduti f’din id-Direttiva biss għal vetturi użati fit-traffiku nazzjonali”.
9
Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 96/53:
“Din id-Direttiva tapplika għal:
a)
id-dimensjonijiet tal-vetturi bil-mutur fil-kategoriji M2 u M3 u l-karrijiet tagħhom fil-kategorija 0 u l-vetturi bil-mutur fil-kategoriji N2 u N3 u l-karrijiet tagħhom fil-kategoriji 03 u 04, kif definiti fl-Anness II tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tal‑5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru) (ĠU 2007, L 263, p. 1, u r-rettifiki ĠU 2009, L 128, p. 61, ĠU 2015 L 308, p. 11)];
b)
piżijiet u ċerti karatteristiċi oħrajn tal-vetturi definiti f’(a) u speċifikati [fil-punt 2 tal-Anness I] ma’ din id-Direttiva.”
10
L-Artikolu 2 tad-Direttiva 96/53 jipprovdi:
“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:
[…]
–
‘il-piż massimu awtorizzat’ għandu jfisser il-piż massimu għall-użu ta’ vettura mgħobbija fit-traffiku internazzjonali,
–
‘il-piż tal-fus massimu awtorizzat’ għandu jfisser il-piż massimu għall-użu fit-traffiku internazzjonali ta’ fus mgħobbi jew ta’ grupp ta’ fusijiet,
–
‘tagħbija indivisibbli’ għandha tfisser tagħbija li ma tistax, għall-iskop ta’ trasport bit-triq, tinqasam f’żewġ tagħbijiet jew iktar mingħajr spejjeż żejda jew riskju ta’ ħsara u li minħabba d-dimensjonijiet jew il-massa tagħha ma tistax tinġarr minn vettura bil-mutur, trailer, road train jew vettura artikolata li tikkonforma ma’ din id-Direttiva fejn jidħlu l-kwistjonijiet kollha,
[…]”
11
L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:
“Stat Membru ma jistax jiċħad jew jipprojbixxi l-użu fit-territorju tiegħu:
–
fit-traffiku internazzjonali, ta’ vetturi reġistrati jew imqiegħda f’ċirkolazzjoni f’kull Stat Membru ieħor għal raġunijiet li għandhom x’jaqsmu mal-piżijiet u d-dimensjonijiet tagħhom,
–
fit-traffiku nazzjonali, il-vetturi rreġistrati jew imqiegħda fiċ-ċirkolazzjoni f’xi Stat Membru ieħor għal raġunijiet relatati mad-dimensjonijiet tagħhom,
sakemm dawn il-vetturi jikkonformaw mal-valuri limiti speċifikati fl-Anness I.
Din id-dispożizzjoni għandha tapplika minkejja l-fatt li:
a)
l-vetturi msemmija mhumiex konformi mal-ħtiġiet ta’ dak l-Istat Membru fejn għandhom x’jaqsmu ċerti karattersitiċi ta’ piż u dimensjoni mhux koperti mill-Anness I;
b)
l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru fejn il-vetturi huma reġistrati jew imqiegħda f’ċirkolazzjoni għandha limiti awtorizzati mhux imsemmija fl-Artikolu 4(1) li jeċċedu dawk imqiegħda fl-Anness I.”
12
L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:
“Din id-Direttiva m’għandhiex tipprekludi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar it-traffiku fit-toroq fis-seħħ f’kull Stat Membru li jippermetti li l-piż u/jew id-dimensjonijiet tal-vetturi fuq ċerti toroq jew strutturi ta’ inġinerija ċivili jkun limitat, irrispettivament mill-Istat tar-reġistrazzjoni ta’ dawk il-vetturi jew l-Istat fejn dawk il-vetturi jkunu tqiegħdu fiċ-ċirkolazzjoni.
Dan jinkludi l-possibiltà li jiġu imposti restrizzjonijiet lokali dwar id-dimensjonijiet massimi awtorizzati u/jew il-piżijiet tal-vetturi li jistgħu jintużaw f’żoni speċifiċi jew fuq toroq speċifiċi, fejn l-infrastruttura ma tkunx adattata għal vetturi twal u tqal, bħal ċentri ta’ l-ibliet, villaġġi żgħar u postijiet ta’ interess naturali speċjali.”
13
L-Anness I tad-Direttiva 96/53 huwa intitolat “Il-piżijiet u d-dimensjonijiet massimi u l-karatteristiċi relatati tal-vetturi”.
14
Il-punt 3 ta’ dan l-anness huwa intitolat “Il-piż massimu awtorizzat tal-fusijiet tal-vetturi msemmija fl-Artikolu 1(1)(b) (f’tunnellati metriċi)”. Il-punti 3.1 u 3.4 jippreċiżaw:
“[…]
3.1.
Fusijiet singoli
Fus singolu mhux tas-sewqan
10 tunnellati metriċi
[…]
3.4.
Il-Fus tas-sewqan
3.4.1.
Il-Fus tas-sewqan tal-vetturi msemmija f’2.2.1 u 2.2.2
11.5 tunnellati metriċi
3.4.2.
Il-fus tas-sewqan tal-vetturi msemmija fil-punti 2.2.3, 2.2.4, 2.3 u 2.4
11.5 tunnellati metriċi
[…]”
Id-Deċiżjoni Nru 1692/96
15
Id-Deċiżjoni Nru 1692/96 ġiet issostitwita bid-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Lulju 2010 fuq linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk tat-trasport trans-Ewropew (ĠU 2010, L 204, p. 1), li min-naħa tagħha ġiet issostitwita bir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE (ĠU 2013, L 348, p. 1).
16
Id-Deċiżjoni Nru 1692/96 kienet tipprevedi fl-Artikolu 2 tagħha, intitolat “Objettivi”:
“1. In-network ta’ trasport trans-Ewropew għandu jkun mwaqqaf gradwalment sa l-2010 billi jkunu integrati t-trasport ta’ l-art, tal-baħar u ta’ l-ajru u networks ta’ l-infrastruttura ġewwa l-Komunità skond il-pjanijiet abbozzati indikati fuq il-mapep fl-Anness I u/jew l-ispeċifikazzjonijiet fl-Anness II.
2. In-network irid:
a)
jassigura li l-mobilità sostenibbli ta’ persuni u oġġetti ġewwa arja mingħajr fruntieri interni taħt l-aħjar kondizzjonijiet soċjali u ta’ sigurtà, u jgħinu jilħqu għanijiet tal-Komunità, partikolarment rigward l-ambjent u l-kompetizzjoni, u jikkontribwixxu għas-sodar [tisħiħ] ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali;
[…]”
Id-dritt Pollakk
17
L-Artikolu 41 tal-ustawa o drogach publicznych (il-Liġi fuq it-Toroq Pubbliċi, Dz. U. no 14, pożizzjoni 60), tal‑21 ta’ Marzu 1985, fil-verżjoni tagħha rilevanti għall-finijiet ta’ din il-kawża (iktar ’il quddiem il-“Liġi fuq it-Toroq Pubbliċi”), jiddikjara:
“1. Huwa awtorizzat fit-toroq pubbliċi s-sewqan ta’ vettura ta’ piż awtorizzat tal-fus tas-sewqan singolu ta’ 11.5 tunnellata, bla ħsara għall-paragrafi 2 u 3.
2. Il-Minister właściwy do spraw transportu [il-Ministru għat-Trasport, il-Polonja] jfassal, b’mod leġiżlattiv, il-lista:
1)
tat-toroq nazzjonali u reġjonali li fuqhom jistgħu jiċċirkolaw il-vetturi ta’ piż awtorizzat tal-fus singolu ta’ 10 tunnellati,
2)
tat-toroq nazzjonali li fuqhom jistgħu jiċċirkolaw il-vetturi ta’ piż awtorizzat tal-fus singolu ta’ 8 tunnellati
b’teħid inkunsiderazzjoni tal-bżonn li jiġu protetti t-toroq u li jiġi żgurat it-tranżitu.
3. It-toroq reġjonali, barra dawk iddefiniti konformement mal-punt 1 tal-paragrafu 2, tat-toroq tad-distrett u t-toroq komunali li jikkostitwixxu netwerk tat-toroq li fuqhom jistgħu jiċċirkolaw il-vetturi b’piż awtorizzat tal-fus singolu ta’ 8 tunnellati.”
18
Fuq il-bażi tal-Artikolu 41(2) tal-Liġi fuq it-Toroq Pubbliċi, il-Minister Infrastruktury i Rozwoju (il-Ministru għall-Infrastruttura u għaż-Żvilupp, il-Polonja), stabbilixxa, fit-13 ta’ Mejju 2015, ir-rozporządzenie w sprawie wykazu dróg krajowych oraz dróg wojewódzkich, po których mogą poruszać się pojazdy o dopuszczalnym nacisku pojedynczej osi do 10 t, oraz wykazu dróg krajowych, po których mogą poruszać się pojazdy o dopuszczalnym nacisku pojedynczej osi do 8 t (ir-Regolament Dwar il-Lista ta’ Toroq Nazzjonali u Reġjonali li Fuqhom Jistgħu Jiċċirkolaw il-Vetturi ta’ Piż Awtorizzat tal-Fus Singolu ta’ 10 Tunnellati u l-Lista ta’ Toroq Nazzjonali li Fuqhom Jistgħu Jiċċirkolaw il-Vetturi ta’ Piż Awtorizzat tal-Fus Singolu ta’ 8 Tunnellati) (Dz. U. 2015, pożizzjoni 802, iktar ’il quddiem ir-“Regolament tat‑13 ta’ Mejju 2015”).
19
Il-punt 35a tal-Artikolu 2 tal-prawo o ruchu drogowym (il-Liġi fuq it-Traffiku fit-Toroq, Dz. U. Nru 98, pożizzjoni 602), tal‑20 ta’ Ġunju 1997, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data meta seħħew il-fatti (iktar ’il quddiem il-“Liġi fuq it-Traffiku fit-Toroq), jiddefinixxi vettura mhux standard bħala vettura jew kombinazzjoni ta’ vetturi li l-piż tal-fus, b’tagħbija jew le huwa ogħla minn dawk awtorizzat u previst għal triq partikolari mid-dispożizzjonijiet dwar it-toroq pubbliċi, jew li d-dimensjonijiet jew il-piż totali reali, b’tagħbija jew le huma ogħla minn dawk awtorizzati u previsti mid-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi.
20
Il-punt 35b tal-Artikolu 2 tal-Liġi fuq it-Traffiku fit-Toroq jiddefinixxi tagħbija indiviżibbli bħala tagħbija li ma tistax tinqasam f’żewġ tagħbijiet jew iktar mingħajr spejjeż żejda jew riskju ta’ ħsara bla qies.
21
L-Artikolu 64(1) sa (3) ta’ din il-liġi jiddikjara:
“1. Il-vetturi mhux standard huma awtorizzati sabiex jiċċirkolaw sakemm josservaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:
1)
il-kisba ta’ awtorizzazzjoni ta’ ċirkolazzjoni għal vetturi mhux standard tal-kategorija korrispondenti, maħruġa mill-awtorità kompetenti permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva […]
2)
l-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ ċirkolazzjoni stabbiliti fl-awtorizzazzjoni prevista fil-punt 1);
3)
is-sewqan tal-vettura mhux standard minn xufier meta l-vettura taqbeż mill-inqas wieħed mid-dimensjonijiet li ġejjin:
a)
tul: 23 m;
b)
wisa’: 3.2 m;
c)
għoli: 4.5 m;
d)
piż reali totali: 60 tunnellata;
4)
viġilanza partikolari minn naħa tas-sewwieq tal-vettura mhux standard.
2. It-trasport, minn vettura mhux standard, ta’ tagħbijiet li ma humiex indiviżibbli huwa pprojbit, bl-eċċezzjoni ta’ vetturi mhux standard awtorizzati sabiex jiċċirkolaw abbażi ta’ awtorizzazzjoni tal-kategorija I jew II.
3. Id-dimensjonijiet, il-piż u l-piż awtorizzat tal-fus tal-vetturi mhux standard awtorizzati sabiex jiċċirkolaw abbażi ta’ awtorizzazzjoni tal-kategoriji I sa VII kif ukoll it-toroq li fuqhom dawn il-vetturi huma ammessi għaċ-ċirkolazzjoni huma ppreċiżati fit-tabella tal-Anness 1 ta’ din il-liġi.”
22
L-Artikoli 64a sa 64d tal-imsemmija liġi jiddefinixxu, għal kull waħda mis-seba’ kategoriji ta’ vetturi mhux standard, il-proċedura li tirrigwarda t-tressiq ta’ applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni, kif ukoll dik li tirrigwarda l-għoti tagħha. L-Artikolu 64f(1) tal-istess liġi jistabbilixxi, għal kull kategorija, il-limitu tal-ħlas dovut għall-ħruġ tal-awtorizzazzjoni.
23
Fit-taqsima 4 tal-Liġi fuq it-Traffiku fit-Toroq, l-Artikoli 140aa et seq. jipprevedu l-multi imposti fuq il-vetturi mhux standard li jiċċirkolaw mingħajr awtorizzazzjoni jew bi ksur tal-kundizzjonijiet iddefiniti fl-awtorizzazzjoni maħruġa.
Il-proċedura prekontenzjuża
24
Wara li tressqu lmenti minn impriżi tat-trasport li jeżerċitaw l-attività tagħhom fuq it-territorju Pollakk u l-ġabra ta’ informazzjoni mir-Repubblika tal-Polonja, fil-kuntest ta’ proċedura “EU Pilot”, il-Kummissjoni indirizzat, fit‑30 ta’ April 2015, ittra ta’ intimazzjoni lil dan l-Istat Membru.
25
Permezz ta’ din l-ittra, il-Kummissjoni talbet l-attenzjoni tar-Repubblika tal-Polonja għall-fatt li ċerti dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tagħha ma kinux konformi mal-obbligi li hija għandha, minn naħa, taħt l-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/53, minnħabba l-fatt li kważi 97 % tan-netwerk tat-toroq Pollakk kien magħluq għaċ-ċirkolazzjoni tal-vetturi li josservaw il-limiti ta’ piż stabbiliti fil-punti 3.1 u/jew 3.4 tal-Anness I ta’ din id-direttiva, kif ukoll, min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, peress li dan l-Istat Membru kien invoka d-derogi previsti f’din id-dispożizzjoni, mingħajr ma ġġustifika r-raġunijiet għalfejn 97 % tan-netwerk tat-toroq Pollakk seta’ jibbenefika minnhom.
26
Barra minn hekk, permezz tal-ittra ta’ intimazzjoni tagħha, il-Kummissjoni qiegħdet inkwistjoni s-sistema speċjali ta’ awtorizzazzjoni li tippermetti lill-vetturi li josservaw il-limitazzjonijiet ta’ piż stabbiliti fil-punti 3.1 u/jew 3.4 tal-Anness I tad-Direttiva 96/53 li jiċċirkolaw fuq infrastruttura normalment magħluqa għal dawn il-vetturi.
27
Permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Ġunju 2015, ir-Repubblika Pollakka wieġbet din l-ittra ta’ intimazzjoni billi kkontestat l-ilmenti mqajma mill-Kummissjoni.
28
Peress li din it-tweġiba tar-Repubblika tal-Polonja tad‑29 ta’ Ġunju 2015 ma kinitx sodisfaċenti, il-Kummissjoni, fis‑26 ta’ Frar 2016 ħarġet opinjoni motivata li fiha sostniet li r-Repubblika tal-Polonja kienet qed tikser l-obbligi li hija għandha, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 3 u 7 tad-Direttiva 96/53, billi llimitat iċ-ċirkolazzjoni tal-vetturi bil-mutur li l-piż massimu tal-fus tas-sewqan singolu huwa ta’ 11.5 tunnellata għat-toroq li jikkostitwixxu parti min-netwerk trans‑Ewropew tat-trasport u għal ċerti toroq nazzjonali oħra kif ukoll billi ssuġġettat iċ-ċirkolazzjoni ta’ dawn il-vetturi fuq toroq pubbliċi oħra għal sistema ta’ awtorizzazzjoni speċjali.
29
Ir-Repubblika tal-Polonja ressqet lill-Kummissjoni, fis‑26 ta’ April 2016, talba għal proroga tat-terminu ta’ tweġiba għal din l-opinjoni motivata, li ġiet miċħuda mill-Kummissjoni, minħabba l-fatt li ma kienx fiha informazzjoni konkreta fuq l-emendi leġiżlattivi previsti sabiex jintemm il-ksur kontenzjuż.
30
Fit-tweġiba tagħha tat‑30 ta’ Awwissu 2016 għall-imsemmija opinjoni motivata, ir-Repubblika tal-Polonja informat lill-Kummissjoni bl-isforzi tagħha sabiex, prinċipalment, tkabbar in-netwerk tat-toroq pubbliċi li fuqu kienet awtorizzata ċ-ċirkolazzjoni tal-vetturi b’piż massimu tal-fus tas-sewqan singolu huwa ta’ 11.5 tunnellata, kif ukoll temenda r-regolamenti u d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi applikabbli, intiżi sabiex jitnaqqas in-numru ta’ sezzjonijiet ta’ toroq nazzjonali u reġjonali suġġetti għal limitazzjonijiet ta’ piż tal-vetturi. Ir-Repubblika tal-Polonja ppreċiżat li dawn l-emendi kellhom jidħlu fis-seħħ f’Mejju 2017 u fi Frar 2018.
31
Peress li ma kinitx konvinta bil-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-emendi ddikjarati u billi ma aċċettatx it-terminu li fih kellhom isiru l-emendi leġiżlattivi kkonċernati, il-Kummissjoni ddeċidiet li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 258 TFUE, billi tippreżenta dan ir-rikors.
Fuq ir-rikors
32
Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tinvoka lment uniku li permezz tiegħu hija takkuża lir-Repubblika tal-Polonja b’nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tagħha li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 3 u 7 tad-Direttiva 96/53, moqrija flimkien mal-punti 3.1 u 3.4 tal-Anness I tiegħu billi ssuġġettat, b’mod partikolari, iċ-ċirkolazzjoni tal-vetturi li l-piż massimu tal-fus tas-sewqan tagħhom huwa ta’ 11.5 tunnellati, fuq numru eċċessiv ta’ toroq pubbliċi, għal sistema ta awtorizzazzjoni speċjali.
33
Din l-istituzzjoni ssostni li l-limitazzjoni tal-aċċess għat-toroq pubbliċi tal-vetturi u tat-trailers tagħhom, imsemmija mid-Direttiva 96/53 u li josservaw il-piż massimu awtorizzat tal-fus, jiġifieri 10 tunnellati għall-fus mhux tas-sewqan u 11.5 tunnellati għall-fus tas-sewqan, tirriżulta minn żewġ fatturi kkombinati. Dawn jirrigwardaw, l-ewwel nett, il-ftuħ għat-traffiku ta’ vetturi li l-piż massimu tal-fus tas-sewqan tagħhom huwa ta’ 11.5 tunnellati biss għat-toroq li jagħmlu parti min-netwerk trans‑Ewropew tat-trasport u għal ċerti toroq nazzjonali oħra, li jirriżultaw mill-Artikolu 41(2) u (3) tal-Liġi fuq it-Toroq Pubbliċi, u, it-tieni nett, l-obbligu ta’ pussess ta’ awtorizzazzjoni speċjali li jippermetti ċ-ċirkulazzjoni fuq toroq oħra, konformement mal-Artikoli 64 et seq. tal-Liġi fuq it-Traffiku fit-Toroq.
34
Dawn iż-żewġ fatturi għandhom jiġu eżaminati suċċessivament.
Fuq il-limitazzjoni tat-traffiku internazzjonali biss għat-toroq tan-netwerk trans‑Ewropew tat-trasport u għal ċerti toroq nazzjonali
35
Il-Kummissjoni ssostni li l-limitazzjoni f’termini ta’ traffiku internazzjonali, li tirriżulta mil-liġi Pollakka, tal-aċċess għat-toroq pubbliċi tal-vetturi u tat-trailers tagħhom, imsemmija fid-Direttiva 96/53, li josservaw il-limiti ta’ piż tal-fus stabbiliti fil-punti 3.1 u 3.4 tal-Anness I ta’ din id-direttiva, hija kuntrarja għad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 3 u 7 tal-imsemmija Direttiva, moqrija flimkien ma’ dawn il-punti 3.1 u 3.4. Barra minn hekk, hija tiċħad il-pożizzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, li tali limitazzjoni tista’ tkun ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti fil-punt 8(3) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal‑2003.
36
Jeħtieġ li tiġi evalwata din l-ewwel parti tal-ilment tal-Kummissjoni fid-dawl tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tad-Direttiva 96/53 u tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal‑2003.
Fuq il-ksur allegat tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/53
– L-argumenti tal-partijiet
37
Il-Kummissjoni ssostni li l-limitazzjoni, fi traffiku internazzjonali, tal-aċċess tal-vetturi li l-piż massimu tagħhom tal-fus singolu mhux tas-sewqan huwa konformi mal-valuri limiti ffissati fil-punti 3.1 u 3.4 tal-Anness I tad-Direttiva 96/53, biss għat-toroq tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u għal ċerti toroq nazzjonali, prevista mil-leġiżlazzjoni Pollakka, hija kuntrarja għall-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/53, li jistabbilixxi sistema ta’ ċirkolazzjoni libera ta’ dawn il-vetturi.
38
F’dan ir-rigward, hija ssostni, fl-ewwel lok, li, filwaqt li l-Artikolu 41(1) tal-Liġi fuq it-Toroq Pubbliċi tawtorizza ċ-ċirkolazzjoni tal-vetturi li l-piż massimu tal-fus tas-sewqan tagħhom huwa ta’ 11.5 tunnellati fuq it-toroq pubbliċi kollha, l-Artikolu 41(2) u (3) ta’ din il-liġi jintroduċi derogi li jneħħu kull sustanza mill-Artikolu 41(1).
39
Fil-fatt, bis-saħħa tad-derogi li jinsabu fl-imsemmi Artikolu 41(2) u (3), iċ-ċirkolazzjoni fuq it-toroq nazzjonali u reġjonali li jinsabu fuq lista li jkollha tiġi deċiża mill-Ministru tat-Trasport tkun limitata għall-vetturi ta’ piż awtorizzat għal fus standard ta’ 10 tunnellati jew ta’ 8 tunnellati, u ċ-ċirkolazzjoni fuq it-toroq reġjonali l-oħra, it-toroq distrettwali u t-toroq komunali tkun limitata għall-vetturi ta’ piż awtorizzat għal fus standard ta’ 8 tunnellati. Il-Kummissjoni tenfasizza li l-listi msemmija fl-Artikolu 41(2) tal-imsemmija liġi ġew deċiżi u huma mniżżla fir-Regolament tat‑13 ta’ Mejju 2015.
40
Issa, dawn id-derogi jwasslu għall-esklużjoni ta’ madwar 97 % tan-netwerk tat-toroq tal-vetturi li josservaw il-piż massimu, hekk kif iffissat fl-Anness I tad-Direttiva 96/53, ta’ 10 tunnellati għall-fus mhux tas-sewqan u ta’ 11.5 tunnellati għall-fus tas-sewqan.
41
Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-Repubblika tal-Polonja li jgħid li huma biss t-toroq li fihom huwa kkonċentrat it-traffiku internazzjonali, jiġifieri t-traffiku transkonfinali fuq in-netwerk ta’ trasport tat-toroq trans-Ewropew, li jaqgħu taħt ir-rekwiżiti stabbiliti mid-Direttiva 96/53.
42
Din l-istituzzjoni ssostni, minn naħa, li sezzjonijiet ta’ toroq li jippermettu l-aċċess għal bliet importanti, ikkonċernati bit-trasport internazzjonali u speċjalment bit-tagħbija u l-ħatt, jistgħu jinsabu barra mit-toroq nazzjonali u min-netwerk trans‑Ewropew tat-trasport, filwaqt li dawn is-sezzjonijiet ma jkunux liberament aċċessibbli.
43
Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tirrileva li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Polonja, ebda restrizzjoni għar-rekwiżiti ffissati fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/53 ma tirriżulta f’din id-direttiva, konformement mal-għanijiet li hija tipprevedi sa minn meta daħlet fis-seħħ, kif ukoll li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ma ġiex immodifikat wara l-ħolqien tan-netwerk trans‑Ewropew tat-trasport bid-Deċiżjoni Nru 1692/96, anki jekk din tipparteċipa fl-istess għan li tiġi ffaċilitata ċ-ċirkolazzjoni tal-merkanzija. Hija tippreċiża li, għalkemm l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva ma fihx definizzjoni tat-traffiku internazzjonali, il-premessi 3 u 7 tal-imsemmija direttiva, li jagħmlu riferiment għaċ-ċirkolazzjoni bejn l-Istati Membri, moqrija fid-dawl tal-premessa 12 tagħha, jindikaw li dan il-kunċett għandu jiġi interpretat bħala li jikkonċerna kull ċirkolazzjoni transkonfinali mingħajr kunsiderazzjoni tat-tip ta’ toroq. Kull interpretazzjoni differenti ċċaħħad mis-sens tiegħu lill-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/53.
44
Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argumenti tar-Repubblika tal-Polonja bbażati fuq l-istat tal-infrastruttura tat-toroq, il-Kummissjoni tenfasizza li, għalkemm id-Direttiva 96/53 ma timponi ebda obbligu li jinbnew mill-ġdid it-toroq pubbliċi kollha, l-Istati Membri għandhom xorta waħda josservaw il-kriterji ddikjarati fil-punti 3.1 u 3.4 tal-Anness I tagħha.
45
Din l-istituzzjoni żżid li r-Repubblika tal-Polonja ma tistax tevita milli tosserva r-regoli adottati fid-Direttiva 96/53, relatati mal-piż massimu awtorizzat tal-fus, billi tinvoka t-tiftix tal-ekwilibriju msemmi fil-premessa 5 tagħha, meta dawn ir-regoli jirriżultaw minn dan l-ekwilibriju.
46
Ir-Repubblika tal-Polonja tqis li l-ewwel parti tal-ilment tal-Kummissjoni hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/53.
47
Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, b’mod prinċipali, li l-Kummissjoni tqis b’mod żbaljat li l-kunċett ta’ “traffiku internazzjonali” jirrigwarda t-totalità tan-netwerk tat-toroq tal-Istati Membri, filwaqt li dan jirreferi biss għat-traffiku transkonfinali u għat-toroq li fuqhom huwa kkonċentrat. Hija ssostni li l-interpretazzjoni estensiva, mill-Kummissjoni, tal-kunċett ta’ “traffiku internazzjonali”, li jwassal sabiex tinfetaħ kwalunkwe triq tal-Istati Membri, anki lokali, għall-vetturi li l-piż massimu tal-fus tas-sewqan tagħhom huwa ta’ 11.5 tunnellati ma tirriżulta minn ebda dispożizzjoni u minn ebda premessa tad-Direttiva 96/53, u lanqas ma tirriżulta mid-dibattiti intiżi għall-emenda tagħha. Skont dan l-Istat Membru, din l-interpretazzjoni tneħħi kull sens mit-tieni inċiż tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, li jillimita t-traffiku nazzjonali minħabba d-dimensjonijiet tal-vetturi, u tkun twassal għal diskriminazzjoni inversa li taffettwa l-vetturi rreġistrati jew imqiegħda f’ċirkolazzjoni fl-Istat Membru kkonċernat.
48
Ir-Repubblika tal-Polonja tinvoka wkoll l-obbligu li d-Direttiva 96/53 tiġi interpretata b’mod koerenti mad-Deċiżjoni Nru 1692/96, inkwantu l-għanijiet tagħhom jikkonverġu, meta jitqies li dawn iż-żewġ strumenti saru vinkolanti b’mod kontemporanju, fil-mument tal-adeżjoni tagħha fl-Unjoni.
49
Minn dan, ir-Repubblika tal-Polonja tiddeduċi li hija ma tiksirx l-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/53 billi tidderoga mill-prinċipju ġenerali ta’ ċirkolazzjoni libera tal-vetturi li l-piż massimu tal-fus tas-sewqan tagħhom ikun ta’ 11.5 tunnellata għall-użu ta’ ċerti toroq nazzjonali u lokali, bħalma huma t-toroq reġjonali, distrettwali u komunali. L-għażliet li hija wettqet huma intiżi sabiex jinkiseb l-għan stabbilit fil-premessa 5 tal-imsemmija direttiva. B’hekk hija tkun fittxet ekwilibriju bejn l-użu razzjonali u ekonomiku tal-vetturi kummerċjali u r-rekwiżiti tal-manteniment tal-infrastruttura, tas-sigurtà fit-triq kif ukoll tal-protezzjoni tal-ambjent u tal-kwalità ta’ ħajja.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
50
Jeħtieġ li jitfakkar li, konformement mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/53, Stat Membru ma jistax jirrifjuta jew jipprojbixxi l-użu fit-territorju tiegħu, fit-traffiku internazzjonali, ta’ vetturi rreġistrati jew imqiegħda għaċ-ċirkolazzjoni f’kull Stat Membru ieħor għal raġunijiet li jkunu jirrigwardaw il-piż u d-dimensjonijiet, jekk dawn il-vetturi jkunu konformi mal-valuri limiti speċifikati fl-Anness I tad-Direttiva 96/53. Skont il-punti 3.1 u 3.4 ta’ dan l-anness, il-piż massimu awtorizzat tal-fus tal-vetturi kkonċernati huwa ffissat għal 10 tunnellati għal fus standard jew fus mhux tas-sewqan standard u għal 11.5 tunnellati għal fus tas-sewqan.
51
B’mod iktar partikolari, fir-rigward tal-kunċett ta’ “traffiku internazzjonali”, li jinsab fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/53, li l-interpretazzjoni tiegħu ma huwiex paċifiku bejn il-partijiet, fl-assenza ta’ kull definizzjoni tiegħu fl-imsemmija direttiva, dan il-kunċett għandu jiġi interpretat fid-dawl tas-sens abitwali tiegħu fil-lingwaġġ kurrenti, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih huwa jintuża u l-għanijiet li jridu jinkisbu mill-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, Carrefour Hypermarchés et, C‑510/16, EU:C:2018:751, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
52
Skont is-sens abitwali tiegħu, il-kunċett ta’ “traffiku internazzjonali” jirrigwarda kull ċirkolazzjoni ta’ vetturi fit-territorju ta’ mill-inqas żewġ pajjiżi differenti. Mingħajr spjegazzjoni oħra, dan huwa nieqes minn konnotazzjoni li tevoka infrastruttura tat-toroq speċifika li fuqha jkun jikkonċentra dan it-traffiku.
53
Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata bil-kuntest li fih jintuża dan il-kuntest u bl-għan li jrid jinkiseb fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/53. Fil-fatt, it-tieni inċiż ta’ dan l-Artikolu 3(1), li jsemmi l-kunċett ta’ “traffiku nazzjonali” lanqas ma jinkludi spjegazzjoni li tirrigwarda infrastruttura tat-toroq eventwali li fuqha jkollu jillimita lilu nnifsu tali traffiku nazzjonali.
54
Fir-rigward tal-għan tad-Direttiva 96/53, jeħtieġ li jitfakkar li l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva huwa intiż, hekk kif jirriżulta mill-premessi 3 u 4 tal-imsemmija direttiva, sabiex jelimina d-differenzi ta’ regoli fis-seħħ fl-Istati Membri fir-rigward tal-piż u d-dimensjonijiet tal-vetturi kummerċjali, li jistgħu jkollhom effett dannuż fuq il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u jikkostitwixxu ostakolu għaċ-ċirkolazzjoni bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, mill-premessa 7 tal-istess direttiva jirriżulta li kundizzjonijiet tekniċi kumplimentari jistgħu japplikaw għall-vetturi kummerċjali rreġistrati jew imqiegħda f’ċirkolazzjoni fi Stat Membru, filwaqt li dawn il-kundizzjonijiet ma jikkostitwixxux ostakolu għaċ-ċirkolazzjoni tal-vetturi kummerċjali bejn Stati Membri. Hemm lok li jiġi rrilevat li, fil-preambolu tad-Direttiva 96/53, ma ssir ebda distinzjoni, fir-rigward ta’ dan l-għan, skont it-tip ta’ toroq li fuqhom isseħħ iċ-ċirkolazzjoni bejn Stati Membri.
55
Li kieku r-regoli komuni relatati mal-piż massimu tal-fus tal-vetturi kummerċjali, iffissati mid-Direttiva 96/53, kellhom japplikaw biss fuq ċerti toroq pubbliċi tal-Istati Membri, anki jekk dawn tal-aħħar kellhom ikunu dawk li jistgħu jiġġeneraw traffiku internazzjonali, ikun hemm riskju li dawn imorru kontra l-għan ta’ din id-direttiva, li jikkonsisti fl-eliminazzjoni tal-ostakoli għaċ-ċirkolazzjoni tal-vetturi kummerċjali bejn Stati Membri.
56
Fil-fatt, l-interpretazzjoni ssuġġerita mir-Repubblika tal-Polonja jkollha bħala konsegwenza li, hekk kif vettura kummerċjali li tiċċirkola fuq it-territorju ta’ mill-inqas żewġ Stati Membri toħroġ min-netwerk trans‑Ewropew tat-trasport jew mill-iktar toroq nazzjonali importanti ta’ Stat Membru, it-traffiku, li sa dak il-mument ikun internazzjonali, ikun jitlef dan il-karattru. Ikun isegwi li r-regoli komuni ffissati mid-Direttiva 96/53 fir-rigward, b’mod partikolari, tal-piżijiet massimi tal-fus tal-vetturi kummerċjali ma jkunux jibqgħu japplikaw għall-imsemmija vettura. Tali interpretazzjoni, minflok ma tippromwovi l-għan li tikkonsisti f’li tiġi ffaċilitata ċ-ċirkolazzjoni tal-vetturi kummerċjali bejn Stati Membri, twassal sabiex jinżammu l-ostakoli għal din iċ-ċirkolazzjoni.
57
Ir-Repubblika tal-Polonja ma tistax tinvoka, insostenn tal-interpretazzjoni tagħha tal-kunċett ta’ “traffiku internazzjonali” li jinsab fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/53, il-premessa 5 ta’ din id-direttiva, li tiddikjara li r-regoli komuni stabbiliti mill-imsemmija direttiva huma r-riflessjoni ta’ ekwilibriju bejn l-użu razzjonali u ekonomiku tal-vetturi kummerċjali u r-rekwiżiti ta’ manutenzjoni tal-infrastruttura, ta’ sigurtà tat-toroq u ta’ protezzjoni tal-ambjent u tal-kwalità tal-ħajja. Fil-fatt, kif osserva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 78 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-Direttiva 96/53 tipprova tikseb dan l-ekwilibriju, b’mod partikolari, permezz tal-iffissar tal-valuri limiti fir-rigward tal-piżijiet u d-dimensjonijiet tal-vetturi kummerċjali, hekk kif speċifikati fl-Anness I tad-Direttiva 96/53.
58
Din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “traffiku internazzjonali” li jinsab fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/53, fis-sens li dan il-kunċett japplika mingħajr distinzjoni bejn it-tipi ta’ toroq ikkonċernati, ma tistax titqiegħed inkwistjoni bit-tliet argumenti li r-Repubblika tal-Polonja tislet mill-kuntest leġiżlattiv li fih tidħol din id-dispożizzjoni.
59
L-ewwel nett, hija ssostni li din id-direttiva għandha tiġi interpretata b’mod koerenti mad-Deċiżjoni Nru 1692/96. It-tieni nett, hija tosserva li l-interpretazzjoni msemmija fil-punt preċedenti tneħħi kull sens mit-tieni inċiż tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/53. It-tielet nett, hija tallega li din l-interpretazzjoni tkun timplika diskriminazzjoni inversa li tolqot il-vetturi rreġistrati jew imqiegħda f’ċirkolazzjoni fl-Istat Membru kkonċernat.
60
Fir-rigward tal-ewwel wieħed minn dawn l-argumenti, għalkemm huwa minnu li kemm id-Direttiva 96/53 kif ukoll id-Deċiżjoni Nru 1692/96 jikkontribwixxu għall-funzjonament it-tajjeb tas-suq intern, din id-deċiżjoni, li hija intiża sabiex jiġi żviluppat in-netwerk trans‑Ewropew tat-trasport, ma għandhiex bħala għan li tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, li min-naħa tagħha, hija intiża sabiex tiffaċilita ċ-ċirkolazzjoni tal-vetturi tat-toroq ġewwa l-Unjoni, permezz tal-iffissar tar-regoli komuni awtorizzati relatati mad-dimensjonijiet u mal-piżijiet ta’ dawn il-vetturi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fin-nuqqas ta’ kull riferiment, fid-Direttiva 96/53, għad-Deċiżjoni Nru 1692/96 jew għall-kunċett ta’ “netwerk trans-Ewropew tat-trasport”, il-kunċett ta’ “traffiku internazzjonali”, li jinsab fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/53, ma jistax jiġi interpretat bħala li huwa limitat għaċ-ċirkolazzjoni bejn Stati Membri li tkun ikkonċentrata fuq in-netwerk trans‑Ewropew tat-trasport.
61
Fir-rigward tat-tieni argument invokat mir-Repubblika tal-Polonja, ma jistax jiġi miċħud li t-tieni inċiż tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/53, b’differenza tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, ma jirrikjedix mill-Istati Membri li dawn japplikaw, fit-traffiku nazzjonali, ir-regoli komuni stabbiliti mill-imsemmija direttiva, relatati mal-piż massimu awtorizzat tal-fus għaċ-ċirkolazzjoni tal-vetturi rreġistrati jew imqiegħda f’ċirkolazzjoni f’kull Stat Membru ieħor. Madankollu, interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “traffiku internazzjonali” fis-sens li dan japplika mingħajr distinzjoni skont it-toroq li fuqhom jgħaddi dan it-traffiku, ma jkollhiex bħala konsegwenza li jitneħħa kull sens mit-tieni inċiż tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/53, peress li din id-dispożizzjoni tapplika meta kemm il-punt ta’ tluq kif ukoll il-punt ta’ destinazzjoni tat-traffiku jkunu jinsabu fl-istess Stat Membru, mingħajr ma ssir distinzjoni skont it-toroq magħżula, fejn b’hekk, f’dan il-każ, Stat Membru jkun jista’ jillimita t-traffiku nazzjonali għal raġunijiet li jikkonċernaw il-piż tal-vetturi.
62
Fir-rigward tat-tielet argument invokat mir-Repubblika tal-Polonja, ibbażat fuq diskriminazzjoni inversa, jeħtieġ li jiġi osservat li, għalkemm l-Istati Membri huma awtorizzati, bis-saħħa tal-ewwel u tat-tieni inċiżi tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/53, moqrija flimkien mal-premessa 12 tagħha, japplikaw, għall-vetturi użati fit-traffiku nazzjonali, fuq it-territorju tagħhom valuri differenti minn dawk previsti minn din id-direttiva għat-traffiku internazzjonali, għal dak li jikkonċerna l-piż massimu awtorizzat tal-fus, dan l-artikolu ma jimponilhomx din id-differenza fit-trattament. Barra minn hekk, mill-premessa 11 tal-imsemmija direttiva jirriżulta li d-distinzjoni magħmula skont jekk ikunx każ ta’ “traffiku internazzjonali” jew ta’ “traffiku nazzjonali” hija ġġustifikata bid-differenzi fl-effetti li kull waħda mill-karatteristiċi li għalihom isir riferiment fl-imsemmija l-ewwel u tieni inċiżi tal-Artikolu 3(1) jistgħu jkollhom fuq il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fis-settur tat-trasport, fil-kuntest tat-twettiq tas-suq intern.
63
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li tiġi evalwata, fid-dawl tal-elementi ta’ interpretazzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/53, hekk kif jirriżultaw mill-punti 50 sa 56 ta’ din is-sentenza, il-fondatezza tal-ewwel parti tal-ilment tal-Kummissjoni.
64
Jeħtieġ li jiġi osservat li, għalkemm, ċertament, l-Artikolu 41(1) tal-Liġi fuq it-Toroq Pubbliċi jawtorizza t-traffiku tal-vetturi li josservaw il-piż massimu tal-fus tas-sewqan ta’ 11.5 tunnellati, din ir-regola hija madankollu suġġetta għal numru ta’ limitazzjonijiet, li jinsabu fl-Artikolu 41(2) u (3) ta’ din il-liġi.
65
B’hekk, minn naħa, mill-Artikolu 41(2) tal-imsemmija liġi jirriżulta li l-Ministru għat-Trasport ifassal, konformement mal-punt 1 ta’ din id-dispożizzjoni, il-lista tat-toroq nazzjonali u reġjonali li fuqhom jistgħu jiċċirkolaw il-vetturi ta’ piż massimu ta’ “fus singolu” ta’ 10 tunnellati u, konformement mal-punt 2 tal-imsemmija dispożizzjoni, il-lista tat-toroq nazzjonali li fuqhom jistgħu jiċċirkolaw il-vetturi ta’ piż massimu ta’ “fus singolu” ta’ 8 tunnellati.
66
F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jiġi speċifikat li l-limitazzjonijiet imsemmija fl-imsemmi Artikolu 41(2) jirrigwardaw, hekk kif ikkonfermat ir-Repubblika tal-Polonja fit-tweġiba tagħha għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, kemm il-fus tas-sewqan kif ukoll il-fus mhux tas-sewqan ta’ vettura. Jeħtieġ ukoll li jiġi rrilevat li l-listi msemmija fl-Artikolu 41(2) ġew deċiżi u jirriżultaw fir-Regolament tat‑13 ta’ Mejju 2015.
67
Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 41(3) tal-Liġi fuq it-Toroq Pubbliċi jirriżulta li, fuq it-toroq reġjonali minbarra dawk iddefiniti konformement mal-punt 1 tal-Artikolu 41(2) ta’ din il-liġi kif ukoll fuq it-toroq distrettwali u fuq it-toroq komunali, jistgħu jiċċirkolaw biss il-vetturi ta’ piż massimu tal-“fus singolu” ta’ 8 tunnellati.
68
Għalhekk mill-Artikolu 41 tal-Liġi fuq it-Toroq Pubbliċi jirriżulta li l-vetturi li josservaw il-piż massimu tal-fus tas-sewqan ta’ 11.5 tunnellati ffissat fil-punt 3.4 tal-Anness I tad-Direttiva 96/53 jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-limitazzjonijiet kollha li jirriżultaw mill-Artikolu 41(2) u (3) ta’ din il-liġi u li l-vetturi li josservaw il-piż massimu tal-fus singolu ta’ 10 tunnellati jidħlu f’dak tal-limitazzjonijiet li jirriżultaw mill-punt 2 tal-Artikolu 41(2) u l-Artikolu 41(3) tal-imsemmija liġi.
69
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-limitazzjonijiet għall-aċċess għan-netwerk tat-toroq Pollakki tal-vetturi li josservaw il-valuri limiti tal-fus iffissati fil-punti 3.1 u 3.4 tal-Anness I tad-Direttiva 96/53, li jirriżultaw mid-dritt Pollakk, huma kuntrarji għall-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-punti 3.1 u 3.4 tal-Anness I tagħha.
Fuq il-ksur allegat tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/53
– L-argumenti tal-partijiet
70
Il-Kummissjoni ssostni li r-restrizzjonijiet previsti fl-Artikolu 41(2) u (3) tal-Liġi fuq it-Toroq Pubbliċi huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/53, li jipprevedi eċċezzjoni għall-prinċipju taċ-ċirkolazzjoni libera tal-vetturi li l-piż massimu tagħhom tal-fus tas-sewqan huwa ta’ 11.5 tunnellati. Din l-istituzzjoni tfakkar, qabel kollox, li r-Repubblika tal-Polonja ma tistax issostni li l-limitazzjoni inkwistjoni tirrigwarda toroq li minnhom ma jgħaddi ebda traffiku internazzjonali, għar-raġuni prinċipali li ebda att tal-Unjoni ma jipprevedi distinzjoni bejn dawn it-toroq u dawk li minnhom jgħaddi tali traffiku.
71
Sussegwentement, din l-istituzzjoni tippreċiża, li l-unika deroga possibbli mill-prinċipju ta’ ċirkolazzjoni libera fuq it-toroq kollha għandha tkun ibbażata fuq in-natura inadegwata tagħhom għaċ-ċirkolazzjoni tal-vetturi li l-piż massimu tagħhom tal-fus tas-sewqan huwa ta’ 11.5 tunnellati. Il-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għandhom ikunu s-sigurtà ta’ dan it-traffiku, il-kapaċità ta’ tagħbija tal-istrutturi ta’ inġinerija u l-intensità tat-traffiku fit-toroq. Hija tenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/53, li jipprevedi l-possibbiltà ta’ deroga mill-prinċipju ta’ ċirkolazzjoni libera “fuq ċerti toroq jew strutturi ta’ inġinerija”, għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-derogi relatati ma’ 97 % tan-netwerk tat-toroq Pollakk jew, speċjalment, fuq it-totalità tat-toroq lokali, għandhom jitqiesu bħala infondati.
72
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tosserva li r-restrizzjonijiet ta’ aċċess għal ċerti toroq pubbliċi Pollakki ma humiex ibbażati fuq kunsiderazzjonijiet relatati mal-istat tagħhom jew ma’ wħud mis-sezzjonijiet tagħhom, hekk kif jirriżulta mis-sistema tal-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ ċirkolazzjoni mhux limitati.
73
Ir-Repubblika tal-Polonja, li twieġeb b’mod sussidjarju għal din il-parti tal-ilment tal-Kummissjoni, issostni li dan jirriżulta minn interpretazzjoni eċċessivament restrittiva tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/53, li hija kuntrarja għall-formulazzjoni tagħha, ġaladarba, minn naħa, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu 7 ma jillimitax ir-restrizzjonijiet li jipprevedi għan-natura inadegwata tat-toroq għall-vetturi inkwistjoni, kif ukoll għal “sezzjonijiet tat-triq partikolari”, u li, min-naħa l-oħra, il-każijiet imsemmija fit-tieni paragrafu ta’ dan l-Artikolu 7 jikkostitwixxu biss eżempji.
74
Minn dan l-Istat Membru jiddeduċi li jista’ tillimita ċ-ċirkolazzjoni mhux biss fuq toroq mhux adegwati għat-traffiku ta’ vetturi tqal, iżda wkoll fuq il-partijiet tan-netwerk tat-toroq li fuqhom, minħabba l-kostruzzjoni tagħhom, il-passaġġ ta’ tali vetturi jkun perikoluż jew ukoll minħabba l-eżistenza ta’ diversi pontijiet, li l-kapaċità ta’ tagħbija dgħajfa tagħhom, b’limiti ta’ piż ta’ 20 tunnellata u ta’ 30 tunnellata, ġiet injorata mill-Kummissjoni.
75
Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Polonja tikkunsidra li, fir-rigward ta’ parti żgħira ta’ toroq lokali, li diġà ġew adattati għat-traffiku tal-vetturi li l-piż awtorizzat tagħhom tal-fus tas-sewqan singolu huwa ta’ 11.5 tunnellati, il-possibbiltà li jiġu introdotti limitazzjonijiet taqa’ taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/53, minħabba l-fatt li ma hemm ebda interess prattiku li fihom tiġi permessa ċ-ċirkolazzjoni tagħhom, peress li dawn huma ġeneralment sezzjonijiet li ma humiex konnessi mal-bqija tas-sistema tat-toroq u ma jistgħux jiżguraw il-fluwidità tat-traffiku.
76
Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Polonja tikkunsidra li l-Kummissjoni ma tistax tafferma li 97 % tan-netwerk tat-toroq Pollakk huwa magħluq għaċ-ċirkolazzjoni tal-vetturi li l-piż massimu tagħhom tal-fus tas-sewqan huwa ta’ 11.5 tunnellati, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi ta’ dan in-netwerk. Dan l-Istat Membru jippreċiża li t-toroq nazzjonali, li jirrappreżentaw 5 % tat-toroq pubbliċi, isostnu sa 60 % tat-traffiku. Il-kumplament ta’ 95 % huma toroq lokali, li minnhom 88 % huma toroq distrettwali u komunali. Huma jintużaw għal bżonnijiet lokali u terz mit-toroq pubbliċi ma għandhomx tarmak, hekk kif jirriżulta mill-istatistiċi uffiċjali tal-Eurostat, iċċitati mill-Kummissjoni.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
77
Il-Kummissjoni tqis li l-argument tar-Repubblika tal-Polonja, li permezz tiegħu din tal-aħħar tinvoka, essenzjalment, l-istat ħażin u n-natura inadegwata tal-infrastruttura tat-toroq rilevanti sabiex tiġġustifika l-limitazzjonijiet imposti mid-dritt nazzjonali għall-aċċess tal-vetturi li josservaw il-valuri limiti ffissati fil-punti 3.1 u 3.4 tal-Anness I tad-Direttiva 96/53 fuq il-bażi tal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata ta’ dan l-Artikolu 7.
78
Jeħtieġ li jitfakkar, f’dan ir-rigward, li, konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/53, din tal-aħħar ma tostakolax l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ f’kull Stat Membru fil-qasam taċ-ċirkolazzjoni fit-toroq li tippermetti li jiġu limitati l-piżijiet u/jew id-dimensjonijiet tal-vetturi fuq ċerti toroq jew ċerti strutturi ta’ inġinerija, ikun liema jkun l-Istat ta’ reġistrazzjoni jew ta’ tqegħid fiċ-ċirkolazzjoni ta’ dawn il-vetturi.
79
It-tieni paragrafu tal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva jsemmi eżempji li fihom il-limitazzjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tagħha jistgħu jiġu imposti. Għalhekk huwa possibbli, b’mod partikolari, li jiġu imposti restrizzjonijiet fuq livell lokali fir-rigward tad-dimensjonijiet u/jew il-piżijiet massimi awtorizzati tal-vetturi li jistgħu jintużaw f’żoni speċifiċi jew fuq toroq speċifiċi, fejn l-infrastruttura ma tkunx adattata għal vetturi twal u tqal, bħall-ċentri tal-ibliet, il-villaġġi ż-żgħar u postijiet li jippreżentaw interess naturali partikolari.
80
Sa fejn l-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/53 jikkostitwixxi eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ ċirkolazzjoni libera tal-vetturi, hekk kif previst fl-Artikolu 3(1) tagħha, dan għandu jiġi interpretat, hekk kif jenfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 79 tal-konklużjonijiet tiegħu, b’mod restrittiv.
81
Barra minn hekk, hemm lok li jiġi osservat, bħalma indika l-Avukat Ġenerali fil-punti 93 u 94 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-ġustifikazzjoni bbażata fuq in-natura inadegwata tal-infrastruttura tat-toroq tirriżulta mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/53, f’sitwazzjonijiet partikolari, illustrati mill-eżempji differenti li jinsabu fit-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu.
82
Issa, kif jirriżulta mill-Artikolu 41(2) tal-Liġi fuq it-Toroq Pubbliċi, huwa biss b’eċċezzjoni, bil-kundizzjoni li triq nazzjonali Pollakka tirriżulta fil-listi msemmija minn din id-dispożizzjoni, li l-vetturi li josservaw il-limiti ta’ piż iffissati fil-punti 3.1 u 3.4 tal-Anness I tad-Direttiva 96/53 jistgħu liberament jiċċirkolaw fuq tali triq. Bl-istess mod, huwa biss b’eċċezzjoni, bil-kundizzjoni li triq reġjonali Pollakka tinsab f’dawn il-listi, li l-vetturi li josservaw il-limitu ta’ piż iffissat fil-punt 3.4 tal-Anness I tad-Direttiva 96/53 jistgħu liberament jiċċirkolaw fuq tali triq, sa fejn iċ-ċirkolazzjoni fit-toroq l-oħra, li ma jirriżultawx fl-imsemmija listi, hija eskluża.
83
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 41(3) tal-imsemmija liġi, fuq it-toroq reġjonali l-oħra kollha kif ukoll fuq it-toroq distrettwali u t-toroq komunali, il-vetturi li josservaw il-limiti ta’ piż tal-fus iffissati fil-punti 3.1 u 3.4 tal-Anness I tad-Direttiva 96/53 huma suġġetti għar-restrizzjonijiet ta’ ċirkolazzjoni inkwistjoni.
84
Barra minn hekk, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 95 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-restrizzjonijiet ta’ aċċess għat-toroq pubbliċi bbażati fuq l-Artikolu 41 tal-istess liġi jistgħu jitneħħew bil-kisba ta’ awtorizzazzjoni speċjali bi ħlas, bis-sempliċi limitazzjonijiet ta’ esklużjoni tat-tagħbijiet diviżibbli kif ukoll limitazzjoni ratione temporis u, għaldaqstant, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-qagħda tat-toroq ikkonċernati.
85
Għandu jingħad ukoll li, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fil-fajl, ir-restrizzjonijiet ta’ aċċess għat-toroq pubbliċi bbażati fuq l-Artikolu 41 jidhru li għandhom portata kunsiderevoli u, għaldaqstant, ma jidhrux li jillimitaw lilhom infushom għal “ċerti” toroq jew “ċerti” strutturi ta’ inġinerija, kif jirrikjedi l-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/53. Skont l-istatistika, li tirrigwarda s-sena 2015, ipprovduta mir-Repubblika tal-Polonja fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża jew ippreżentata mill-Kummissjoni fir-rikors tagħha u li ma ġietx ikkontestata minn dan l-Istat Membru, jidher li inqas minn 40% tan-netwerk tat-toroq ikkostitwit mill-awtostradi u t-toroq nazzjonali Pollakki u inqas minn 4 % tan-netwerk tat-toroq ikkostitwit mill-iktar awtostradi, toroq nazzjonali u toroq reġjonali importanti, kienu, matul l-imsemmija sena, aċċessibbli, mingħajr restrizzjoni, għaċ-ċirkolazzjoni tal-vetturi ta’ piż massimu tal-fus tas-sewqan ta’ 11.5 tunnellati. Barra minn hekk, skont l-elementi kkomunikati mir-Repubblika tal-Polonja u relatati mas-sitwazzjoni kkonstatata minn meta daħal fis-seħħ ir-rozporządzenie Ministra Infrastruktury i Budownictwa w sprawie wykazu dróg krajowych oraz dróg wojewódzkich, po których mogą poruszać się pojazdy o dopuszczalnym nacisku pojedynczej osi do 10 t, oraz wykazu dróg krajowych, po których mogą poruszać się pojazdy o dopuszczalnym nacisku pojedynczej osi do 8 t (ir-Regolament tal-Ministru għall-Infrastruttura u għall-Kostruzzjoni dwar il-Lista tat-Toroq Nazzjonali u Reġjonali li Fuqhom Jistgħu Jiċċirkolaw Vetturi ta’ Piż Awtorizzat tal-Fus tas-Sewqan Singolu ta’ 10 Tunnellati u l-Lista tat-Toroq Nazzjonali li Fuqhom Jistgħu Jiċċirkolaw il-Vetturi ta’ Piż Awtorizzat tal-Fus tas-Sewqan Singolu ta’ 8 Tunnellati) tal‑21 ta’ April 2017, jiġifieri f’data wara d-data rilevanti għall-finijiet ta’ din il-proċedura, huma biss 54.2 % tat-toroq nazzjonali Pollakki li kienu aċċessibbli, mingħajr limitazzjonijiet, għall-vetturi ta’ piż massimu tal-fus tas-sewqan ta’ 11.5 tunnellati.
86
Issa, dawn il-limitazzjonijiet għall-applikazzjoni tar-regola ffissata fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/53, li għandhom, minħabba l-ampjezza u n-natura ġenerali tagħhom, konsegwenzi daqstant estiżi fuq il-prinċipju ta’ ċirkolazzjoni libera tal-vetturi, ma jistgħux jiġu ġġustifikati bis-saħħa tal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, mingħajr ma l-eċċezzjoni li tirriżulta minn dan l-Artikolu 7 tieħu preċedenza fuq ir-regola pprovduta fl-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva.
87
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-Repubblika tal-Polonja ma tistax tinvoka l-imsemmi Artikolu 7 sabiex tiġġustifika, b’riferiment għal motiv ta’ natura ġenerali mislut, essenzjalment, mill-istat ħażin u min-natura inadegwata tal-infrastruttura tat-toroq, limitazzjonijiet li japplikaw skont it-tipi ta’ toroq, li jirriżultaw mid-dritt Pollakk.
88
Konsegwentement, il-limitazzjonijiet għall-aċċess għan-netwerk tat-toroq Pollakk tal-vetturi li josservaw il-valuri limiti tal-fus iffissati fil-punti 3.1 u 3.4 tal-Anness I tad-Direttiva96/53, li jirriżultaw mid-dritt Pollakk, ma jistgħux jiġu ġġustifikati fuq il-bażi tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/53. Għalhekk, u fid-dawl ukoll tal-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punt 69 ta’ din is-sentenza, hemm lok li jiġi kkonstatat li dawn il-limitazzjonijiet huma kuntrarji għad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 3 u 7 ta’ din id-direttiva, moqrija flimkien mal-punti 3.1 u 3.4 tal-Anness I tagħha.
Fuq il-possibbiltà li jiġu invokati d-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti fil-punt 8(3) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal‑2003
– L-argumenti tal-partijiet
89
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-Repubblika tal-Polonja bbażat fuq il-punt 8(3) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal‑2003, minħabba l-fatt li t-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni kien jeżiġi b’mod ċar adegwatament għat-traffiku internazzjonali tat-toroq oħra minbarra dawk tan-netwerk trans‑Ewropew tat-trasport, mill‑31 ta’ Diċembru 2010, mingħajr ma jkun hemm lok għal stennija ta’ progressjoni tal-modernizzazzjoni tan-netwerk tat-toroq nazzjonali, kuntrarjament għal kif kien ġie ammess waqt il-perijodu tranżitorju.
90
Ulterjorment, din l-istituzzjoni tindika li, mis-sena 2004, numru ta’ eluf ta’ kilometri ta’ toroq minbarra t-toroq nazzjonali jew dawk tat-toroq nazzjonali jew dawk tan-netwerk trans‑Ewropew tat-trasport ġew immodernizzati fil-kuntest tal-programm nazzjonali ta’ rikostruzzjoni tat-toroq lokali, fejn numru minnhom ġew iffinanzjati mill-fondi Ewropej. Issa, ebda waħda minn dawn it-toroq lokali ma tkun ġiet miftuħa għaċ-ċirkolazzjoni tal-vetturi li josservaw il-piż massimu tal-fus tas-sewqan ta’ 11.5 tunnellati, mingħajr ma tkun ġiet stabbilita distinzjoni skont il-livell ta’ modernizzazzjoni tal-imsemmija toroq. Hija tqis, ukoll, li peress li ċ-ċirkolazzjoni kienet madankollu possibbli suġġett għal awtorizzazzjoni bi ħlas, il-motiv ta’ difiża, ibbażat fuq il-modernizzazzjoni li qed issir tan-netwerk tat-toroq huwa infondat.
91
Sussidjarjament, ir-Repubblika tal-Polonja tinvoka d-dispożizzjonijiet tranżitorji li jinsabu fil-punt 8(3) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal‑2003 li jirregolaw il-kwistjonijiet marbuta mal-implimentazzjoni tad-Direttiva 96/53 u tad-Deċiżjoni Nru 1692/96. B’mod partikolari, mit-tielet u mir-raba’ subparagrafi ta’ dan il-punt 8(3), ma ġie impost fuqha ebda terminu sabiex tadegwa toroq minbarra dawk tan-netwerk trans‑Ewropew għal-livell massimu ta’ kapaċità ta’ tagħbija.
92
Dan l-Istat Membru jenfasizza, minn naħa, li, konformement mar-raba’ subparagrafu tal-punt 8(3) ta’ dan l-anness, il-ftuħ progressiv tan-netwerk tat-toroq lill-vetturi fit-traffiku internazzjonali kellu jseħħ b’mod parallel mat-tmiem tal-proċess ta’ modernizzazzjoni ta’ dawn it-toroq. Huwa ma jikkondividix l-opinjoni tal-Kummissjoni li din l-interpretazzjoni hija kuntrarja għad-dispożizzjonijiet tat-tieni sentenza tar-raba’ subparagrafu ta’ dan il-punt 8(3), li jipprevedu l-awtorizzazzjoni tal-użu tal-partijiet mhux immodernizzati tan-netwerk sekondarju għall-finijiet ta’ tagħbija u ta’ ħatt, matul il-perijodu tranżitorju kollu, minħabba l-fatt li din hija eċċezzjoni mill-prinċipju.
93
Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika tal-Polonja tikkontesta l-argument tal-Kummissjoni li l-interpretazzjoni tagħha tad-dispożizzjonijiet tranżitorji twassal sabiex jiġi aċċettat li l-ftuħ tan-netwerk tat-toroq Pollakk, konformement mad-Direttiva 96/53, ma huwiex ser iseħħ qabel ma jgħaddu għexieren ta’ snin. Hija ssostni li l-isforzi ta’ modernizzazzjoni għandhom jitwettqu fuq it-toroq bit-tarmak u li, minbarra dawk li diġà jintużaw, 54.2 % tat-toroq nazzjonali huma miftuħa għaċ-ċirkolazzjoni tal-vetturi inkwistjoni.
94
F’dan ir-rigward, dan l-Istat Membru jfakkar, qabel kollox, li madwar 91 % tat-toroq pubbliċi tagħha nbnew qabel l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni, fejn dak iż-żmien iċ-ċirkolazzjoni kienet limitata għall-vetturi li l-piż tal-fus singolu tagħhom ma kienx jaqbeż l-10 tunnellati għat-toroq nazzjonali u t-8 tunnellati għat-toroq l-oħra, u li l-leġiżlazzjoni Pollakka ġiet sussegwentement emendata sabiex jiġu osservati l-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni.
95
Sussegwentement, ir-Repubblika tal-Polonja tfakkar il-karatteristiċi tan-netwerk tat-toroq tagħha, hekk kif deskritti fil-qosor fil-punt 76 ta’ din is-sentenza.
96
Fl-aħħar nett, dan l-Istat Membru qed jesponi l-isforzi kostanti li għamel sa mill-adeżjoni tiegħu mal-Unjoni sabiex jiftaħ toroq nazzjonali ġodda, billi jieħu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet tat-traffiku internazzjonali kif ukoll tal-ambjent, u jfakkar il-piż finanzjarju kunsiderevoli, fit-tul, li jirrappreżenta l-adegwatament, eċċezzjonali fi Stat Membru tal-Unjoni, tan-netwerk tat-toroq kollu tiegħu għaċ-ċirkolazzjoni tal-vetturi li l-piż massimu tal-fus tas-sewqan tagħhom huwa ta’ 11.5 tunnellati.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
97
Permezz tal-argumenti tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja tinvoka d-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti fil-punt 8(3) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal‑2003, li jippermettulha tiftaħ għat-traffiku internazzjonali t-toroq tagħha minbarra dawk tan-netwerk trans‑Ewropew hekk kif gradwalment jitlesta’ l-proċess ta’ modernizzazzjoni ta’ dawn it-toroq, mingħajr madankollu ma tinvoka xi tip ta’ terminu f’dan ir-rigward, sabiex tiġġustifika l-limitazzjonijiet imposti mid-dritt internazzjonali fuq l-aċċess tal-vetturi li josservaw il-valuri limiti ffissati fil-punti 3.1 u 3.4 tal-Anness I tad-Direttiva 96/53.
98
Hemm lok li jitfakkar li t-tieni subparagrafu tal-punt 8(3) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal‑2003 jipprevedi, b’deroga mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/53, li l-vetturi konformi mal-valuri limiti speċifikati fil-punt 3.4 tal-Anness I ta’ din id-direttiva jistgħu jużaw il-porzjonijiet mhux immodernizzati tan-netwerk tat-toroq Pollakk biss jekk ikunu konformi mal-valuri limiti ddefiniti fil-Polonja għall-piż tal-fus, u hija tistabbilixxi bħala skadenza ta’ din id-deroga d-data tal‑31 ta’ Diċembru 2010, li tippreċedi b’iktar minn erba’ snin id-data ta’ skadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata.
99
Fir-rigward tal-modernizzazzjoni tan-netwerk prinċipali tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja kellha tosserva, hekk kif jirriżulta mit-tielet subparagrafu tal-punt 8(3) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal‑2003, proċess kalendarju stabbilit fi tmien tabelli, li jkopri l-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2004 sal‑1 ta’ Jannar 2011.
100
Mingħajr ma jistabbilixxi proċess kalendarju simili għat-toroq li ma jagħmlux parti minn dan in-netwerk tat-toroq prinċipali, ir-raba’ subparagrafu tal-punt 8(3) tal-Anness XII ta’ dan l-att ta’ adeżjoni jipprevedi, fl-ewwel sentenza tiegħu, li, b’mod parallel għat-tlestija tal-modernizzazzjoni, l-aċċess għan-netwerk tat-toroq Pollakk, inkluż in-netwerk li jinsab fl-Anness I tad-Deċiżjoni Nru 1692/96, jinfetaħ progressivament għall-vetturi fit-traffiku internazzjonali konformi mal-valuri limiti indikati mid-Direttiva 96/53. It-tieni sentenza ta’ dan ir-raba’ subparagrafu tal-punt 8(3) tal-Anness XII jipprevedi li, għall-finijiet tat-tagħbija u tal-ħatt, sa fejn il-possibbiltajiet tekniċi jippermettu, l-użu tal-partijiet mhux immodernizzati tan-netwerk tat-toroq sekondarju għandu jiġi awtorizzat matul il-perijodu tranżitorju kollu.
101
Minn qari flimkien tat-tieni u tar-raba’ subparagrafu tal-punt 8(3) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal‑2003 jirriżulta li l-ġustifikazzjoni li misluta mill-modernizzazzjoni tan-netwerk tat-toroq Pollakk seta’ jiġi invokat mir-Repubblika tal-Polonja biex tiġi imposta restrizzjoni għall-aċċess għan-netwerk tat-toroq tagħha tal-vetturi li josservaw il-valuri limiti speċifikati fil-punt 3.4 tal-Anness I tad-Direttiva 96/53, ibbażata fuq il-limiti ta’ piż tal-fus iffissati mid-dritt nazzjonali, biss matul il-perijodu tranżitorju, u dan f’ċerti limiti.
102
Fil-fatt, il-kliem “[f]limkien mat-tlestija tat-titjib fil-livell”, li jinsab fir-raba’ subparagrafu tal-punt 8(3) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal‑2003, ma jistax jiġi interpretat b’mod iżolat, iżda għandu jiġi interpretat fis-sens li jistabbilixxi ċ-ċirkustanzi li fihom id-deroga għall-osservanza tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/53, li tinsab fit-tieni subparagrafu tal-punt 8(3) tal-Anness XII ta’ dan l-att ta’ adeżjoni, ma tibqax tapplika. Għalhekk, ir-raba’ subparagrafu tal-punt 8(3) tal-Anness XII tal-imsemmi att ta’ adeżjoni ma jistax jiġi interpretat fis-sens li japplika lil hinn mid-data ta’ skadenza tad-deroga ffissata mit-tieni subparagrafu tal-punt 8(3) tal-Anness XII tal-istess att ta’ adeżjoni, jiġifieri l‑31 ta’ Diċembru 2010.
103
Din l-interpretazzjoni tal-punt 8(3) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal‑2003 hija kkorroborata mill-kuntest li fih tidħol din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, mill-Artikoli 2 u 10 ta’ dan l-att ta’ adeżjoni jirriżulta li dan tal-aħħar huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ applikazzjoni immedjata u sħiħa tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-Istat Membri l-ġodda u li huwa biss b’mod tranżitorju li huma ammessi derogi previsti espressament mid-dispożizzjonijiet tranżitorji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑385/08, mhux ippubblikata, EU:C:2010:801, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, ma jistax jiġi aċċettat li s-sistema derogatorja li l-punt 8(3) tal-Anness XII tal-imsemmi att ta’ adeżjoni jipprevedi, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni espressa f’dan is-sens, għandha vokazzjoni li tkompli fit-tul.
104
Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata wkoll bl-għan tal-punt 8(3) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal‑2003, li, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 92 tal-konklużjonijiet tiegħu, kien intiż sabiex torganizza l-perijodu mid-data ta’ adeżjoni tar-Repubblika tal-Polonja fl-Unjoni sal‑31 ta’ Diċembru 2010 sabiex il-prinċipju ffissat mid-Direttiva 96/53 jkun jista’ jiġi osservat wara din id-data, fejn dan l-għan, barra minn hekk, iġġustifika l-fatt li jiġu allokati fondi Ewropej għall-kisba ta’ dan il-prinċipju.
105
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi miċħud l-argument tar-Repubblika tal-Polonja bbażat fuq id-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti fil-punt 8(3) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal‑2003.
106
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u, b’mod partikolari, fil-punti 69 u 88 ta’ din is-sentenza, hemm lok li tintlaqa’ l-ewwel parti tal-ilment tal-Kummissjoni, dwar il-limitazzjoni tat-traffiku internazzjonali għat-toroq tan-netwerk trans‑Ewropew ta’ trasport u għal ċerti toroq nazzjonali biss.
Fuq ir-rekwiżit relatat mal-pussess ta’ awtorizzazzjoni speċjali għal ċirkolazzjoni fuq rotot oħra
L-argumenti tal-partijiet
107
Il-Kummissjoni ssostni li s-sistema ta’ projbizzjoni ta’ ċirkolazzjoni suġġetta għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni hija kuntrarja għad-Direttiva 96/53 sa fejn tillimita u tostakola ċ-ċirkolazzjoni libera ta’ dawn il-vetturi.
108
Din l-istituzzjoni tosserva li, skont is-sistema restrittiva li għaliha huma suġġetti t-toroq reġjonali, distrettwali jew komunali, għandhom jintalbu awtorizzazzjonijiet bis-saħħa tal-Artikolu 64(1) u (3) tal-Liġi fuq it-Traffiku fit-Toroq, għal kull vettura, mingħand numru ta’ awtoritajiet għal traġitt wieħed biss. Hija tikkunsidra li, fl-assenza ta’ uffiċċju uniku, u minħabba d-dewmien sabiex tinkiseb l-awtorizzazzjoni meħtieġa kif ukoll it-tariffi stabbiliti, is-sistema implimentata tirriżulta li hija spiża, tieħu wisq ħin u hija tali li toħloq diskriminazzjoni indiretta kontra trasportaturi mhux residenti u li ġejjin minn Stati Membri minbarra r-Repubblika tal-Polonja. L-imsemmija istituzzjoni tippreċiża li, konformement mal-Artikolu 64(2) tal-Liġi fuq it-Traffiku fit-Toroq, l-awtorizzazzjonijiet tal-Kategorija IV, li jippermettu lill-vetturi li l-piż tal-fus tas-sewqan tagħhom huwa ta’ 11.5 tunnellati jiċċirkolaw fuq toroq nazzjonali, ma tistax isservi fil-każ ta’ trasport ta’ tagħbijiet diviżibbli, filwaqt li dawn jikkostitwixxu l-maġġoranza tat-tagħbijiet ittrasportati bit-triq. B’hekk ix-xogħol tal-impriżi ta’ trasport isir iktar diffiċli minħabba l-obbligu li jintużaw numru ikbar ta’ trakkijiet. Hija tinvoka wkoll restrizzjoni serja għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi bit-triq.
109
Il-Kummissjoni ssostni li l-argument tar-Repubblika tal-Polonja li din is-sistema ta’ awtorizzazzjoni ma hijiex kuntrarja għad-Direttiva 96/53, peress li hija applikata mingħajr restrizzjoni jew diskriminazzjoni u b’rieda tajba, huwa mhux biss ineffettiv minħabba l-prinċipju ta’ ċirkolazzjoni libera tal-vetturi ddikjarat minn din id-direttiva, iżda juri wkoll li l-protezzjoni tal-infrastruttura tat-toroq u l-kontroll tan-numru ta’ vetturi li jiċċirkolaw fuqha ma humiex tali li jiġġustifikaw is-sistema stabbilita mil-leġiżlatur Pollakk.
110
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-fatt, irrilevat mir-Repubblika tal-Polonja, li l-awtorizzazzjonijiet inkwistjoni jingħataw b’mod indiskriminatorju lit-trasportaturi huwa mingħajr effett fuq in-natura restrittiva ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet u fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 96/53.
111
Il-Kummissjoni żżid li ma jistax jiġi sostnut mir-Repubblika tal-Polonja li l-obbligu li tinkiseb awtorizzazzjoni huwa intiż sabiex jinkoraġġixxi t-trasportaturi sabiex jiċċirkolaw fuq toroq paralleli, iktar adattati għat-traffiku tat-trakkijiet, peress li din il-ġustifikazzjoni hija kuntrarja għall-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva.
112
Barra minn hekk, din l-istituzzjoni tosserva, minn naħa, bħala eżempju, li fir-rigward tat-triq nazzjonali DK 92 bejn Berlin (il-Ġermanja) u Varsavja (il-Polonja), dan l-għan intlaħaq permezz ta’ mezz ieħor, jiġifieri dak tal-ġbir ta’ tariffa fuq it-trakkijiet, li huwa metodu ta’ ġestjoni raġonevoli tat-traffiku, kuntrarjament għas-sistema ta’ awtorizzazzjonijiet. Min-naħa l-oħra, hija tfakkar li, fuq ċerti toroq, sabiex ikun hemm aċċess għall-postijiet ta’ tagħbija u ta’ ħatt tal-merkanzija, ma teżistix soluzzjoni oħra għajr il-kisba ta’ awtorizzazzjoni.
113
Ir-Repubblika tal-Polonja wieġbet l-argumenti tal-Kummissjoni bbażati fuq ir-rekwiżit relatat mal-pussess ta’ awtorizzazzjoni speċjali għal ċirkolazzjoni fuq toroq minbarra t-toroq tan-netwerk trans‑Ewropew ta’ trasport u ċerti toroq nazzjonali oħra.
114
B’riferiment għall-prinċipju li r-restrizzjoni magħmula għall-użu tan-netwerk tat-toroq ma hijiex kuntrarja għall-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/53, dan l-Istat Membru jindika li huwa preċiżament grazzi għall-kontribuzzjoni finanzjarja għall-manteniment tat-toroq iddegradati mill-vetturi tqal li jiċċirkolaw fuqhom, prevista mill-Artikoli 64 et seq. tal-Liġi fuq it-Traffiku fit-Toroq, li hija żgurata fuq perijodu ta’ żmien twil iċ-ċirkolazzjoni libera tal-vetturi li l-piż tal-fus tagħhom ma huwiex adattat għall-kapaċitajiet tekniċi tat-toroq ikkonċernati.
115
F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Polonja tinnota li l-Kummissjoni ppreżentat is-sistema ta’ awtorizzazzjoni b’mod parzjalment mhux eżatt u tippreċiża li l-awtorizzazzjonijiet jinħarġu mill-operatur tan-netwerk tat-toroq, f’dak li jikkonċerna l-awtorizzazzjonijiet ta’ kategorija I, jew mid-Direttur Ġenerali tat-Toroq Nazzjonali u tal-Awtostradi, fir-rigward tal-awtorizzazzjonijiet tal-kategorija IV intiżi għat-toroq nazzjonali kkonċernati. L-awtorizzazzjonijiet tal-kategorija I jinħarġu lit-trasportatur, skont l-applikazzjoni mressqa, għal tul ta’ xahar, ta’ sitt xhur jew ta’ tnax‑il xahar, mingħajr indikazzjoni tal-vetturi kkonċernati. Kull awtorizzazzjoni tinħareġ f’terminu massimu ta’ sebat ijiem tax-xogħol li jibdew jiddekorru mill-jum li fih titressaq l-applikazzjoni. L-istess regoli japplikaw għall-awtorizzazzjonijiet tal-kategorija IV, fejn dawn tal-aħħar jistgħu madankollu jinħarġu wkoll għal tul ta’ erbgħa u għoxrin xahar, u dan f’terminu massimu ta’ tlett ijiem tax-xogħol li jibdew jiddekorru mill-jum li fih titressaq l-applikazzjoni.
116
Skont ir-Repubblika tal-Polonja, sabiex tiġi ggarantita ċertezza legali lill-persuni kkonċernati, l-ammont massimu tat-tariffa previst fl-Artikolu 64f(1) tal-Liġi fuq it-Traffiku fit-Toroq għall-awtorizzazzjonijiet tal-kategorija I ġie ffissat għal 240 zloty Pollakki (PLN) (madwar EUR 55),filwaqt li, għall-awtorizzazzjonijiet tal-kategorija IV, din tammonta għal PLN 3600 (madwar EUR 850). Madankollu, l-ammont reali tat-tariffa, stabbilit mir-regolament tal-Ministru għat-Trasport, għall-Kostruzzjoni u għall-Ekonomija Marittima li jirrigwarda l-ammont tat-tariffa dovut għall-awtorizzazzjoni taċ-ċirkolazzjoni tal-vetturi mhux standard, ikun differenti skont it-tul ta’ kull awtorizzazzjoni. Konsegwentement, skont dawn il-parametri li ma nbidlux sa mill-2012, l-awtorizzazzjoni l-inqas oneruża tal-kategorija I, valida għal tnax‑il xahar, tkun tiswa PLN 200 (madwar EUR 47), filwaqt li l-awtorizzazzjoni tal-kategorija IV, valida għal tnax‑il xahar, tkun tiswa PLN 2000 (madwar EUR 470) u dik valida għal erbgħa u għoxrin xahar tkun tiswa PLN 3000 (madwar EUR 705).
117
Ir-Repubblika tal-Polonja tikkonkludi fuq dan il-punt, fir-risposta tagħha, billi tindika li ma taqbilx mal-analiżi tal-Kummissjoni li tgħid li din is-sistema tiswa ħafna u taħli l-ħin, peress li hija trasparenti u tiffaċilita ċ-ċaqliq tat-trasportaturi fuq in-netwerk kollu. Hija tikkonfuta, barra minn hekk, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li hemm projbizzjoni ta’ ċirkolazzjoni fil-każ ta’ nuqqas ta’ awtorizzazzjoni, peress li jkun possibbli li tintgħażel it-triq li fuqha jkun ser jitwettaq it-trasport internazzjonali.
118
Fil-kontroreplika tiegħu, dan l-Istat Membru jinvoka l-inammissibbiltà, minħabba n-natura ġdida tagħhom, tal-motivi bbażati fuq diskriminazzjoni indiretta fir-rigward tat-trasportaturi ġejjin minn Stati Membri oħra u ta’ restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi bit-triq, invokati mill-Kummissjoni fir-replika tagħha. L-imsemmi Stat Membru jżid li, fi kwalunkwe każ, dawn il-motivi huma infondati, peress li l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni jistgħu jinkisbu faċilment minn sit internet, li jingħataw għal perijodu speċifiku, indipendentement min-numru ta’ tranżazzjonijiet ta’ trasport, u li l-ispiża tagħhom hija relattivament żgħira fir-rigward tal-bżonnijiet tat-trasportaturi. Huwa jsostni li din is-sistema trasparenti u prattika hija konformi mal-aspettattivi ta’ dawn tal-aħħar u ma kinitx suġġetta għal kritika qabel ma tressqu l-ilmenti li bihom ġiet adita l-Kummissjoni.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
119
Preliminarjament, jeħtieġ li jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, is-suġġett ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, b’applikazzjoni tal-Artikolu 258 TFUE, huwa stabbilit permezz tal-opinjoni motivata tal-Kummissjoni, b’tali mod li r-rikors għandu jkun ibbażat fuq l-istess motivi bħal din l-opinjoni (sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑212/09, EU:C:2011:717, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata) u li, konformement mal-Artikolu 127(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-produzzjoni ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża hija pprojbita, sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq elementi ta’ liġi u ta’ fatt li jkunu ġew żvelati matul il-proċedura.
120
F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li, għall-ewwel darba, huwa fl-istadju tar-replika li l-Kummissjoni bbażat argument fuq diskriminazzjoni indiretta li tisfavorixxi lit-trasportaturi mhux residenti u li jkunu ġejjin minn Stat Membri minbarra mir-Repubblika tal-Polonja kif ukoll fuq restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tat-triq. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dawn l-allegazzjonijiet għandhom jitqiesu li huma inammissibbli.
121
Jeħtieġ li jiġi osservat li l-vetturi li josservaw il-limiti ta’ piż tal-fus iffissati fil-punti 3.1 u 3.4 tal-Anness I tad-Direttiva 96/53 jitqiesu li huma “mhux standard”, fis-sens tal-punt 35a tal-Artikolu 2 tal-Liġi fuq it-Traffiku fit-Toroq, jekk il-piż tal-fus, bi jew mingħajr tagħbija, ta’ dawn il-vetturi jkun ogħla mill-piżijiet awtorizzati, hekk kif previsti għal triq speċifika mil-leġiżlazzjoni Pollakka relatata mat-toroq pubbliċi. Iċ-ċirkolazzjoni ta’ dawn il-vetturi fuq it-toroq ikkonċernati hija suġġetta, konformement mal-Artikolu 64(1) ta’ din il-liġi, għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni speċjali, bi ħlas, li tinħareġ mill-awtorità kompetenti. B’hekk, b’effett tal-Artikolu 64(2) tal-imsemmija liġi, it-trasport permezz ta’ vettura “mhux standard” ta’ tagħbija diviżibbli huwa, bħala prinċipju, ipprojbit.
122
Għaldaqstant, fit-toroq pubbliċi li fuqhom japplikaw limitazzjonijiet ta’ piż tal-fus li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni Pollakka, iċ-ċirkolazzjoni ta’ vetturi konformi mal-limiti ta’ piż iffissati fil-punti 3.1 u 3.4 tal-Anness I tad-Direttiva 96/53 hija suġġetta għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni speċjali.
123
Sa fejn l-aċċess ta’ dawn il-vetturi għat-toroq pubbliċi li fuqhom japplikaw limitazzjonijiet ta’ piż tal-fus li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni Pollakka jiddependi mill-kisba ta’ tali awtorizzazzjoni, u sa fejn dawn il-limitazzjonijiet huma, hekk kif jirriżulta mill-punti 69 u 88 ta’ din is-sentenza, kuntrarji għall-Artikoli 3 u 7 tad-Direttiva 96/53, moqrija flimkien mal-punti 3.1 u 3.4 tal-Anness I ta’ din id-direttiva, din is-sistema ta’ awtorizzazzjoni għandha titqies li hija wkoll kuntrarja għad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva, mingħajr ma jkun meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar l-argumenti tal-partijiet relatati mal-modalitajiet konkreti ta’ kisba ta’ tali awtorizzazzjonijiet.
124
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkonstatat li, billi imponiet fuq l-impriżi ta’ trasport l-obbligu li jkunu fil-pussess ta’ awtorizzazzjonijiet speċjali sabiex ikunu jistgħu jiċċirkolaw fuq ċerti toroq pubbliċi, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha taħt l-Artikoli 3 u 7 tad-Direttiva 96/53, moqrija flimkien mal-punti 3.1 u 3.4 tal-Anness I tad-Direttiva 96/53.
Fuq l-ispejjeż
125
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika tal-Polonja tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1)
Billi imponiet fuq l-impriżi ta’ trasport l-obbligu li jkunu fil-pussess ta’ awtorizzazzjonijiet speċjali sabiex ikunu jistgħu jiċċirkolaw fuq ċerti toroq pubbliċi, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha taħt l-Artikoli 3 u 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE tal‑25 ta’ Lulju 1996 li tistabbilixxi għal ċerti vetturi tat-triq li jiċċirkolaw fi ħdan il-Komunità id-dimensjonijiet massimi awtorizzati fit-traffiku nazzjonali u internazzjonali u l-piżijiet massimi awtorizzati fit-traffiku internazzjonali, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2015/719 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2015, moqrija flimkien mal-punti 3.1 u 3.4 tal-Anness I tal-imsemmija Direttiva 96/53.
2)
Ir-Repubblika tal-Polonja hija kkundannata għall-ispejjeż.
Firem
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.
Full & Egal Universal Law Academy