SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
4 ta’ Ottubru 2018 ( *1 )
“Direttiva 2007/64/KE – Servizzi ta’ ħlas fis-suq intern – Kunċett ta’ ‘kont ta’ ħlas’ – Inklużjoni eventwali ta’ kont ta’ tfaddil li jippermetti lill-utent tiegħu jagħmel trasferimenti u ġbid ta’ flus permezz ta’ kont kurrenti miftuħ f’ismu”
Fil-Kawża C‑191/17,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (qorti suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Marzu 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ April 2017, fil-proċedura
Bundeskammer für Arbeiter und Angestellte
vs
ING-DiBa Direktbank Austria Niederlassung der ING-DiBa AG,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn J. L. da Cruz Vilaça (Relatur), President tal-Awla, E. Levits, A. Borg Barthet, M. Berger u F. Biltgen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Tanchev,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
–
għall-Bundeskammer für Arbeiter und Angestellte, minn W. Reichholf, Rechtsanwalt,
–
għal ING-DiBa Direktbank Austria Niederlassung der ING-DiBa AG, minn A. Zahradnik, Rechtsanwalt,
–
għall-Gvern Ġermaniż, minn D. Klebs u T. Henze, bħala aġenti,
–
għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Tserepa-Lacombe kif ukoll minn T. Scharf, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Ġunju 2018,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(14) tad-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE (ĠU 2007, L 319, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar is-servizzi ta’ ħlas”).
2
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Bundeskammer für Arbeiter und Angestellte (Kamra Federali tal-Ħaddiema u tal-Impjegati), li għandha locus standi sabiex tinvoka l-interessi tal-konsumaturi, u ING-DiBa Direktbank Austria Niederlassung der ING-DiBa AG (iktar ’il quddiem “ING-DiBa Direktbank Austria”), dwar il-legalità tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratti proposti minn dan il-bank.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva dwar is-servizzi tal-ħlas
3
L-Artikolu 2(1) tad-direttiva dwar is-servizzi ta’ ħlas jipprovdi li “[d]in id-Direttiva għandha tapplika għal servizzi ta’ ħlas ipprovduti fil-Komunità. […]”.
4
L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jipprovdi li:
“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:
[…]
3)
‘servizzi ta’ ħlas’ tfisser kwalunkwe mill-attivitajiet ta’ negozju kif elenkati fl-Anness;
[...]
5)
‘transazzjoni ta’ ħlas’ tfisser att, mibdi minn min iħallas jew minn min jitħallas, ta’ tqegħid, ta’ trasferiment jew ta’ ġbid ta’ fondi, irrispettivament minn kwalunkwe obbligazzjoni sottostanti bejn min ħallas u min jitħallas;
[...]
14)
‘kont tal-ħlas’ tfisser kont miżmum f’isem utent wieħed jew aktar ta’ servizzi ta’ ħlas li jintuża għall-eżekuzzjoni ta’ transazzjonjiet ta’ ħlas;
[…]”
5
L-Anness tal-imsemmija direttiva jiddefinixxi s-“servizzi ta’ ħlas”, b’mod partikolari:
“2.
Servizzi li jippermettu ġbid ta’ flus kontanti minn kont tal-ħlas kif ukoll l-operazzjonijiet kollha meħtieġa għat-tħaddim ta’ kont tal-ħlas.
3.
Eżekuzzjoni ta’ transazzjonjiet ta’ ħlas, inkluż trasferiment ta’ fondi fuq kont tal-ħlas mal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas jew ma’ fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ieħor:
–
eżekuzzjoni ta’ debiti diretti, inkluż debiti diretti ta’ darba;
–
eżekuzzjoni ta’ transazzjonjiet ta’ ħlas permezz ta’ kard tal-ħlas jew strument ieħor simili;
–
eżekuzzjoni ta’ trasferimenti ta’ kreditu, fosthom ordnijiet fissi.
Id-Direttiva dwar il-kontijiet tal-ħlas
6
Skont il-premessa 12 tad-Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi (ĠU 2014, L 257, p. 214, iktar ’il quddiem id-“direttiva dwar il-kontijiet tal-ħlas”):
“Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar il-komparabbiltà tat-tariffi u l-bdil tal-kont tal-ħlas għandhom japplikaw għall-fornituri tas-servizzi tal-ħlas kollha, kif definit fid-[direttiva dwar is-servizzi tal-ħlas]. […] Id-dispożizzjonijiet kollha ta’ din id-Direttiva għandhom jikkonċernaw il-kontijiet tal-ħlas li permezz tagħhom il-konsumaturi jistgħu jagħmlu t-transazzjonijiet li ġejjin: ipoġġu fondi, jiġbdu l-flus, u jagħmlu transazzjonijiet ta’ ħlas lil partijiet terzi u jirċievu transazzjonijiet ta’ ħlas mingħandhom, inkluż it-twettiq ta’ trasferimenti tal-kreditu. […] [K]ontijiet bħall-kontijiet ta’ tfaddil […] għandhom fil-prinċipju jkunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Madankollu, jekk dawk il-kontijiet jintużaw għal transazzjonijiet tal-ħlas ta’ kuljum u jekk ikun fihom il-funzjonijiet kollha elenkati hawn fuq, huma ser jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva […]”
7
Il-premessa 14 ta’ din id-direttiva tipprovdi:
“Id-definizzjonijiet li hemm f’din id-Direttiva għandhom jiġu allinjati kemm jista’ jkun ma’ dawk li hemm f’atti leġislattivi oħra tal-Unjoni, u b’mod partikolari ma’ dawk li hemm fid-[direttiva dwar is-servizzi tal-ħlas].”
8
L-Artikolu 1(6) tad-direttiva dwar il-kontijiet tal-ħlas jipprovdi:
“Din id-Direttiva tapplika għall-kontijiet tal-ħlas li permezz tagħhom il-konsumaturi tal-inqas ikunu jistgħu:
a)
ipoġġu fondi f’kont tal-ħlas;
b)
jiġbdu l-flus minn kont tal-ħlas;
c)
jagħmlu u jirċievu tranżazzjonijiet tal-ħlas, inkluż trasferimenti ta’ kreditu, lil partijiet terzi u mingħandhom.
[…]”
9
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi li:
“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]
3)
‘kont tal-ħlas’ tfisser kont f’isem konsumatur wieħed jew aktar li jintuża għat-twettiq ta’ tranżazzjonijiet tal-ħlas;
[…]”
Id-dritt Awstrijak
10
L-Artikolu 3 taz-Zahlungsdienstegesetz (liġi dwar is-servizzi tal-ħlas) (BGBl. I, 66/2009, iktar ’il quddiem iz-“ZaDiG”), jipprovdi:
“Għall-finijiet ta’ din il-liġi:
[…]
5. ‘transazzjoni ta’ ħlas’ tfisser att, mibdi minn min iħallas jew minn min jitħallas, ta’ tqegħid, ta’ trasferiment jew ta’ ġbid ta’ fondi, irrispettivament minn kwalunkwe obbligazzjoni sottostanti bejn min ħallas u min jitħallas;
6. ‘sistema ta’ pagament’ tfisser sistema ta’ trasferiment ta’ fondi b’arranġamenti formali u standardizzati u regoli komuni għall-ipproċessar, l-ikklerjar jew saldu ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament;
7. ‘min iħallas’ tfisser persuna li jkollha kont tal-ħlas u toħroġ jew tawtorizza ordni ta’ ħlas minn dak il-kont tal-ħlas, jew, fin-nuqqas ta’ kont tal-ħlas, persuna li tagħmel ordni ta’ ħlas;
8. ‘benefiċjarju’ tfisser persuna li hija r-riċevitur intiż ta’ fondi li kienu s-suġġett ta’ tranżazzjoni tal-ħlas;
[…]
10. ‘utent tas-servizzi ta’ ħlas’ tfisser persuna li tuża servizz ta’ ħlas bħala persuna li tħallas jew bħala benefiċjarju, jew it-tnejn;
11. ‘konsumatur’ tfisser persuna fiżika li, fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ servizzi ta’ pagament koperti minn din il-liġi, taġixxi għal finijiet differenti mill-attività kummerċjali jew professjonali tagħha;
[…]
13. ‘kont tal-ħlas’: tfisser kont miżmum f’isem utent wieħed jew iktar ta’ servizzi ta’ ħlas u li jintuża għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ transazzjonjiet ta’ ħlas.”
11
L-Artikolu 31 tal-Bankwesengesetz (liġi dwar is-settur bankarju) (BGBl. 532/1993, fil-verżjoni tagħha ppubblikata fil-BGBl. I, 118/2016, jipprovdi:
“(1) Id-depożiti ta’ tfaddil huma fondi ddepożitati ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, mhux sabiex jintużaw fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas, iżda għal skopijiet ta’ investiment, u li, bħala tali, jistgħu jiġu rċevuti biss kontra l-ħruġ ta’ dokumenti speċifiċi (dokumenti ta’ tfaddil) […]
[…]”
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
12
ING-DiBa Direktbank Austria tipproponi kontijiet ta’ tfaddil online li minnhom il-klijenti tagħha jistgħu jagħmlu, permezz ta’ servizz ta’ online banking, depożiti u ġbid. Dawn it-trasferimenti għandhom dejjem isiru permezz ta’ kontijiet ta’ referenza miftuħa f’isem dawn il-klijenti. Dawn il-kontijiet ta’ referenza huma kontijiet kurrenti li l-imsemmija klijenti jistgħu wkoll iżommu f’bank differenti minn ING-DiBa Direktbank Austria. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li t-trasferimenti mwettqa minn kontijiet ta’ tfaddil online jew lejhom ma jinvolvux l-użu ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas.
13
Dawn il-kontijiet ta’ tfaddil online huma kontijiet disponibbli mill-ewwel, jiġifieri li l-klijenti jistgħu jiddisponu mis-somom iddepożitati f’dawn il-kontijiet f’kull ħin mingħajr ma dan jirriżulta f’impatt negattiv fuq l-imgħax prodott.
14
It-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda l-klawżoli li jinsabu fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratti użati minn ING-DiBa Direktbank Austria. Skont il-Kamra Federali tal-ħaddiema u tal-impjegati, xi wħud minn dawn il-klawżoli jmorru kontra z-ZaDiG, li jikkostitwixxi t-traspożizzjoni, fid-dritt intern, tad-Direttiva dwar is-servizzi ta’ ħlas, u, għalhekk, huma illegali.
15
Sabiex tiddeċiedi dwar il-legalità tal-imsemmija klawżoli, il-qorti tar-rinviju, l-Oberster Gerichtshof (Qorti Suprema, l-Awstrija) tqis li għandha, qabel kollox, titratta l-kwistjoni tal-applikabbiltà taz-ZaDiG. F’dan il-kuntest, din il-qorti għandha tiddetermina jekk kontijiet ta’ tfaddil online, bħal dawk offruti minn ING-DiBa Direktbank Austria, għandhomx jiġu kklassifikati bħala “kontijiet ta’ ħlas”, fis-sens ta’ din id-direttiva, u, għalhekk, jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.
16
Il-qorti tar-rinviju tindika, b’mod partikolari, li s-sempliċi indikazzjoni “kont ta’ tfaddil” ma tippermettix li tali kont jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar is-servizzi ta’ ħlas. Madankollu, din tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk, fid-dawl tal-użu intenzjonat tagħhom, jiġifieri d-depożitu ta’ tfaddil, il-kontijiet ta’ tfaddil online jistgħux jitqiesu bħala intiżi għat-twettiq ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas.
17
F’dan il-kuntest, l-Oberster Gerichtshof (Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“L-Artikolu 4(14) tad-Direttiva [dwar is-servizzi ta’ ħlas] għandu jiġi interpretat fis-sens li kont ta’ tfaddil online li bih il-klijent (b’maturità kuljum [abbażi ta’ disponibbiltà a vista] u mingħajr involviment speċjali min-naħa tal-bank) permezz ta’ sistema ta’ online banking, jista’ jagħmel ħlasijiet u jiġbed minn kont ta’ referenza miżmum minnu stess (kont kurrenti fl-Awstrija), għandu jitqies li jidħol ukoll taħt il-kunċett ta’ ‘kont tal-ħlas’ (Artikolu 4(14)) u b’hekk, jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva?”
Fuq id-domanda preliminari
18
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4(14) tad-Direttiva dwar is-servizzi ta’ ħlas għandux jiġi interpretat fis-sens li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “kont ta’ ħlas” kont ta’ tfaddil li jippermetti l-użu ta’ ammonti ddepożitati a vista u li minnu operazzjonijiet ta’ ħlas u ta’ rtirar jistgħu jsiru biss permezz ta’ kont kurrenti, imsejjaħ “kont ta’ referenza”.
19
Preliminarjament, għandu jiġi indikat li, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (sentenzi tat-2 ta’ Settembru 2015, Surmačs, C‑127/14, EU:C:2015:522, punt 28, u tas-16 ta’ Novembru 2016, DHL Express (Austria), C‑2/15, EU:C:2016:880, punt 19).
20
B’hekk, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-Artikolu 4(14) tad-Direttiva dwar is-servizzi ta’ ħlas jiddefinixxi l-kont tal-ħlas bħala “kont miżmum f’isem utent wieħed jew aktar ta’ servizzi ta’ ħlas li jintuża għall-eżekuzzjoni ta’ transazzjonjiet ta’ ħlas”.
21
It-tranżazzjoni ta’ ħlas hija ddefinita fl-Artikolu 4(5) ta’ din id-direttiva bħala “att, mibdi minn min iħallas jew minn min jitħallas, ta’ tqegħid, ta’ trasferiment jew ta’ ġbid ta’ fondi, irrispettivament minn kwalunkwe obbligazzjoni sottostanti bejn min ħallas u min jitħallas”.
22
L-Artikolu 4(3) tal-imsemmija direttiva jiddefinixxi s-servizzi ta’ ħlas bħala li jkopri “kwalunkwe mill-attivitajiet ta’ negozju kif elenkati fl-Anness” tal-istess direttiva. B’hekk, il-punt 2 ta’ dan l-anness isemmi li jikkostitwixxu servizzi ta’ ħlas is-“[s]ervizzi li jippermettu ġbid ta’ flus kontanti minn kont tal-ħlas kif ukoll l-operazzjonijiet kollha meħtieġa għat-tħaddim ta’ kont tal-ħlas”. Bl-istess mod, il-punt 3 tal-anness imsemmi jinkludi fis-servizzi ta’ ħlas l-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas, inkluż trasferimenti ta’ fondi fuq kont tal-ħlas mal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas jew ma’ fornitur ta’ servizz ta’ ħlas ieħor, li jinkludi l-eżekuzzjoni ta’ debiti diretti, ta’ transazzjonjiet ta’ ħlas permezz ta’ kard tal-ħlas u ta’ trasferimenti ta’ kreditu.
23
Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 28, 30 u 36 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kliem ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma jippermettix, bħala tali, li jiġi ddeterminat jekk il-kunċett ta’ “kont ta’ ħlas” għandux jinkludi jew le kontijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għalihom stadju intermedju, li jinvolvi t-trasferiment ta’ fondi bejn il-kont ta’ tfaddil u l-kont kurrenti tal-utent, ikun meħtieġ sabiex titwettaq tranżazzjoni ta’ ħlas.
24
Fid-dawl ta’ din il-konstatazzjoni, għandu, fit-tieni lok, jiġi analizzat il-kuntest leġiżlattiv li fih taqa’ d-Direttiva dwar is-servizzi ta’ ħlas.
25
Għal dan il-għan, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, id-direttiva dwar il-kontijiet ta’ ħlas.
26
Fil-fatt, għalkemm din id-direttiva ma tapplikax direttament għat-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-premessa 12 tagħha tipprovdi li din għandha tapplika għall-fornituri tas-servizzi tal-ħlas kollha, fis-sens tad-Direttiva dwar is-servizzi tal-ħlas. Huwa wkoll indikat fil-premessa 14 tad-Direttiva dwar il-kontijiet tal-ħlas li d-definizzjonijiet li jinsabu f’din tal-aħħar għandhom ikunu, kemm jista’ jkun, allinjati ma’ dawk li hemm f’atti leġislattivi oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari ma’ dawk li hemm fid-Direttiva dwar is-servizzi tal-ħlas.
27
Fir-rigward tal-kunċett ta’ “kont ta’ ħlas”, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li d-definizzjoni prevista fl-Artikolu 2(3) tad-Direttiva dwar il-kontijiet tal-ħlas hija kważi identika għal dik li tinsab fl-Artikolu 4(14) tad-Direttiva dwar is-servizzi tal-ħlas. Fil-fatt, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-unika differenza, ibbażata fuq il-fatt li t-terminu “konsumatur” użat fl-ewwel minn dawn id-definizzjonijiet huwa ssostitwit bl-espressjoni “utent ta’ servizzi ta’ ħlas” fit-tieni waħda, ma jirriflettix differenza sostanzjali fid-definizzjoni ta’ dan il-kunċett, iżda, pjuttost, differenza ta’ suġġett bejn iż-żewġ direttivi kkonċernati.
28
Sussegwentement, għandu jiġi enfasizzat li l-premessa 12 tad-Direttiva dwar il-kontijiet tal-ħlas tipprovdi, b’mod partikolari, li l-kontijiet tat-tfaddil huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva peress li ma humiex kontijiet tal-ħlas, sakemm ma jkunux jistgħu jintużaw għal tranżazzjonijiet ta’ ħlas ta’ kuljum.
29
Għalhekk, għalkemm il-kontijiet ta’ tfaddil ma jaqgħux, fil-prinċipju, fid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “kont ta’ ħlas”, madankollu, tali esklużjoni ma hijiex assoluta. Fil-fatt, mill-imsemmija premessa 12 jirriżulta, minn naħa, li s-sempliċi isem ta’ kont bħala “kont ta’ tfaddil” ma huwiex biżżejjed, waħdu, sabiex jeskludi l-klassifikazzjoni bħala “kont tal-ħlas” u, min-naħa l-oħra, li l-kriterju determinanti għall-finijiet ta’ din l-aħħar klassifikazzjoni jinsab fil-fakultà li jiġu eżegwiti transazzjonijiet ta’ ħlas ta’ kuljum minn tali kont.
30
F’dan ir-rigward, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 1(6) tad-Direttiva dwar il-kontijiet tal-ħlas, li jipprovdi li din tapplika għall-kontijiet tal-ħlas li jippermettu lill-konsumaturi jwettqu mill-inqas l-operazzjonijiet li jikkonsistu fit-tqegħid ta’ fondi f’kont tal-ħlas, fil-ġbid f’kontanti minn kont tal-ħlas kif ukoll fl-eżekuzzjoni ta’ transazzjonijiet ta’ ħlas, inklużi trasferimenti, favur partijiet terzi, u li dawn il-konsumaturi jkunu l-benefiċjarji ta’ tali transazzjonijiet imwettqa minn terzi.
31
Minn dan jirriżulta li l-possibbiltà li, minn kont, isiru tranżazzjonijiet ta’ ħlas favur terzi jew li persuna tibbenefika minn tali tranżazzjonijiet magħmula minn terzi tikkostitwixxi element kostituttiv tal-kunċett ta’ “kont tal-ħlas”.
32
Għalhekk, kont li minnu tali tranżazzjonijiet ta’ ħlas ma jistgħux isiru direttament, iżda li għat-twettiq tagħhom huwa meħtieġ l-użu ta’ kont intermedjarju ma jistax jitqies bħala “kont tal-ħlas” fis-sens tad-Direttiva dwar il-kontijiet tal-ħlas u, għalhekk, fis-sens tad-Direttiva dwar is-servizzi ta’ ħlas.
33
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 4(14) tad-Direttiva dwar is-servizzi ta’ ħlas għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “kont ta’ ħlas” kont ta’ tfaddil li jippermetti l-użu ta’ ammonti ddepożitati a vista u li minnu operazzjonijiet ta’ ħlas u ta’ rtirar jistgħu jsiru biss permezz ta’ kont kurrenti.
Fuq l-ispejjeż
34
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 4(14) tad-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “kont ta’ ħlas” kont ta’ tfaddil li jippermetti l-użu ta’ ammonti ddepożitati a vista u li minnu operazzjonijiet ta’ ħlas u ta’ rtirar jistgħu jsiru biss permezz ta’ kont kurrenti.
Firem
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
Full & Egal Universal Law Academy