SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
25 ta’ Lulju 2018 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika Agrikola Komuni – Skemi ta’ għajnuna għall-bdiewa – Regolament (KE) Nru 1782/2003 – Artikolu 6(1) – Regolament (KE) Nru 73/2009 – Artikolu 23(1) – Regolament (KE) Nru 796/2004 – Artikolu 66(1) – Regolament (KE) Nru 1122/2009 – Artikolu 70(8)(a) – Kundizzjonalità – Tnaqqis f’pagamenti diretti minħabba nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti regolatorji marbuta mal-ġestjoni jew mal-kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba – Determinazzjoni tas-sena li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat il-perċentwal ta’ tnaqqis – Is-sena li fiha seħħ in-nuqqas ta’ osservanza”
Fil-Kawża C-239/17,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ April 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Mejju 2017, fil-proċedura
Gert Teglgaard,
Fløjstrupgård I/S
vs
Fødevareministeriets Klagecenter,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tielet Awla, D. Šváby, M. Vilaras (Relatur) u E. Regan, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Marzu 2018,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
–
għal Teglgaard u Fløjstrupgård I/S, minn U. Baller, advokat,
–
għall-Gvern Daniż, minn J. Nymann-Lindegren u C. Thorning kif ukoll minn M. Wolff, bħala aġenti, assistiti minn P. Biering u J. Pinborg, advokater,
–
għall-Gvern Awstrijak, minn G. Eberhard, bħala aġent,
–
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Sauka, D. Triantafyllou u U. Nielsen, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Mejju 2018,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ta’ diversi regolamenti li kienu fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-Artikolu 6(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 269), l-Artikolu 66(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ konformità, modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 44, p. 243), l-Artikolu 23(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament Nru 1782/2003 (ĠU 2009, L 30, p. 16), kif ukoll l-Artikolu 70(4) u (8)(a) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009 ta’ 30 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill Nru 73/2009 fir-rigward tal-kundizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, skont l-iskemi ta’ appoġġ għall-bdiewa previsti għal dak ir-Regolament, kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-kundizzjonalità skont l-iskema ta’ appoġġ prevista għas-settur tal-inbid (ĠU 2009, L 316, p. 65).
2
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Gert Teglgaard u Fløjstrupgård I/S u l-Fødevareministeriets Klagecenter (Ċentru tal-Ilmenti tal-Ministeru tal-Ikel, Id-Danimarka) dwar id-determinazzjoni tas-sena li abbażi tagħha jistgħu jitnaqqsu pagamenti diretti lill-bdiewa minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti regolatorji marbuta mal-ġestjoni jew mal-kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba, li jaqgħu taħt il-kundizzjonalità tal-għanjuna agrikola.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3
Il-premessa 2 tar-Regolament Nru 1782/2003 kienet tiddikjara li:
“Il-pagament sħiħ ta’ għajnuna diretta għandu jkun marbut ma’ l-osservanza tar-regoli relatati ma’ l-art agrikola, mal-produzzjoni u ma’ l-attività agrikola. Dawk ir-regoli għandhom iservu biex jinkorporaw fl-organizzazzjonijiet tas-suq komuni ‘standards’ dwar l-ambjent, sigurtà ta’ l-ikel, saħħa u benesseri ta’ l-annimali u kondizzjoni agrikola u ambjentali tajba. Jekk dawk in-normi bażiċi mhumiex milħuqa, l-Istati Membri għandhom jirtiraw l-għajnuna diretta totalment jew parzjalment fuq il-bażi ta’ kriterji li huma proporzjonali, oġġettivi u gradwali. Dan l-irtirat għandu jkun mingħajr preġudizzju għas-sanzjonijiet stabbiliti issa jew fil-futur taħt dispożizzjonijiet oħra tal-Komunità jew nazzjonali.”
4
L-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Tnaqqis jew esklużjoni mill-pagamenti”, fil-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi li:
“Fejn il-kondizzjonijiet amministrattivi statutarji jew il-kondizzjoni agrikola u ambjentali tajba mhumiex osservati, bħala riżultat ta’ azzjoni jew ommissjoni direttament attribwita lill-bidwi individwali, l-ammont totali ta’ pagamenti diretti li ser jingħataw fis-sena kalendarja li fiha seħħ in-nuqqas ta’ osservanza, u wara l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 10 u 11, għandhom jitnaqqsu jew jiġu kanċellati skond ir-regoli dettaljati stabbiliti taħt l-Artikolu 7.”
5
L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1782/2003, intitolat “Regoli dettaljati għat-tnaqqis jew esklużjoni”, fil-paragrafu 1 tiegħu kien jipprovdi li:
“Regoli dettaljati għat-tnaqqis u esklużjonijiet msemmija fl-Artikolu 6 għadhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 144(2). […]”
6
Skont il-premessi 55 sa 57 tar-Regolament Nru 796/2004:
“(55)
Biex jiġu protetti effettivament l-interessi finanzjarji tal-Komunità għandhom jiġu adottati miżuri adegwati għall-ġlieda kontra l-irregolaritajiet u l-frodi. Għandhom isiru dispożizzjonijiet separati fil-każi ta’ irregolaritajiet misjuba fir-rigward talk-kriterji ta’ eliġibilita għall-iskemi differenti konċernati ta’ għajnuna.
(56)
Is-sistema ta’ tnaqqis u esklużjonijiet maħsuba fir-Regolament [Nru 1782/2003] fir-rigward tal-konformità mal-obbligi iżda tħares lejn miri differenti, jiġifieri biex tistabbilixxi inċentiv għall-bdiewa li jħarsu l-leġislazzjoni, diġà eżistenti, fl-oqsma differenti tal-konformità.
(57)
It-tnaqqis u l-esklużjonijiet għandhom jiġu stabbiliti wara li jingħata kont tal-prinċipju tal-proporzjonalità u, fil-każ ta’ kriterji ta’ eliġibilità, il-problemi speċjali marbuta ma’ każi ta’ forza maġġuri kif ukoll ċirkostanzi eċċezjonali u naturali. Fil-każ ta’ obbligi ta’ konformità it-tnaqqis u l-esklużjonijiet jistgħu jiġu biss applikati fejn il-bidwi jkun aġixxa bi traskuraġni jew xjentement. It-tnaqqis u l-esklużjonijiet għandhom jiġi gradati skond il-gravità u l-irregolarità kommessa u jistgħu jwasslu sal-esklużjoni totali minn skema waħda jew diversi ta’ għajnuna għal perjodu speċifiku. Dawn għandhom, fir-rigward tal-kriterji ta’ eliġibilità, jagħtu kont tal-karatteristiċi tal-iskemi varji ta’ għajnuna.”
7
It-Titolu IV tal-Parti II tar-Regolament Nru 796/2004, intitolata “Il-bażi għall-kalkolazzjoni ta’ l-għajnuna, riduzzjonijiet u esklużjonijiet”, jinkludi Kapitolu I, intitolat “Sejbiet dwar il-kriterja ta’ l-eliġibbiltà”, u Kapitolu II, intitolat “Sejbiet li għandhom x’jaqsmu ma’ konformità reċiproka”, li b’mod partikolari kien jinkludi l-Artikoli 65 u 66.
8
L-Artikolu 65(4) tal-imsemmi regolament kien redatt kif ġej:
“In-nuqqasijiet ta’ konformità għandhom jitqiesu li jkunu ‘stabbiliti’ jekk ikunu stabbiliti bħala konsegwenza ta’ xi tip ta’ verifiki mwettqa skond dan ir-Regolament jew wara li jkunu nġiebu għall-attenzjoni tal-awtorità kompetenti ta’ kontroll b’xi mezz ieħor.”
9
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 66(1) tar-Regolament Nru 796/2004 kien jipprovdi:
“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 71, fejn nuqqas stabbilit ta’ konformità jirriżulta minn negliġenza tal-bidwi, għandu jiġi applikat tnaqqis fuq l-ammont kollu ta’ ħlasijiet diretti, kif imfissra fl-Artikolu 2(d) tar-Regolament [Nru 1782/2003], li jkun, jew għandu, jingħata lill-bidwi konċernat wara li jkun bagħat jew ikun ser jibgħat applikazzjonijiet għall-għajnuna fil-kors tas-sena kalendarja tas-sejba. Dak it-tnaqqis għandu, bħala regola ġenerali, jkun ta’ 3 % ta’ dak l-ammont sħiħ.”
10
L-Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 146/2008 tal-14 ta’ Frar 2008 li jemenda r-Regolament Nru 1782/2003 u r-Regolament (KE) Nru 1698/2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2008, L 46, p. 1), emenda l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1782/2003 kif ġej:
“Meta l-kondizzjonijiet amministrattivi statutarji jew il-kondizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajbin ma jiġux osservati fi kwalunkwe ħin matul sena kalendarja partikolari, (minn issa ‘l quddiem imsejħa ‘is-sena kalendarja kkonċernata’), u n-nuqqas ta’ konformità in kwistjoni ikun ir-riżultat ta’ att jew ommissjoni attribwita direttament lill-bidwi li jkun li jkun ippreżenta applikazzjoni għall-għajnuna tul is-sena kalendarja kkonċernata, l-ammont totali tal-pagamenti diretti li għandu jingħata lil dak il-bidwi, wara l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 10 u 11, għandu jitnaqqas jew ikun ikkanċellat skond ir-regoli dettaljati stabbiliti fl-Artikolu 7.
L-ewwel subparagrafu għandu japplika wkoll meta, in-nuqqas ta’ konformità in kwistjoni ikun ir-riżultat ta’ att jew ommissjoni attribwita direttament lill-persuna li lilha jew mingħandha tkun ġiet trasferita l-art agrikola.
Għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-ewwel u t-tieni subparagrafi għas-sena 2008, is-sena kalendarja għandha tikkorrispondi għall-perijodu ta’ l-1 ta’ April sal-31 ta’ Diċembru 2008.
[...]”
11
Il-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 146/2008 kien jipprovdi:
“[L]-Artikolu 1(1)(a) għandu japplika mill-1 ta’ April 2008”.
12
Ir-Regolament Nru 1782/2003 tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament Nru 73/2009, li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23(1) tiegħu jipprovdi:
“Fejn fi kwalunkwe żmien f’sena kalendarja partikolari (minn hawn ‘il quddiem imsejħa ‘is-sena kalendarja konċernata’) ma ssirx konformità mal-kundizzjonjiet amministrattivi statutorji u l-kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba, u n-nuqqas ta’ konformità msemmi jkun ir-riżultat ta’ att jew ta’ nuqqas direttament marbut mal-bidwi li kien ippreżenta l-applikazzjoni għall-għajnuna fis-sena kalendarja konċernata, l-ammont totali ta’ pagamenti diretti li ngħata jew għandu jingħata lil dak il-bidwi, wara l-applikazzjoni tal-Artikoli 7, 10 u 11 għandhu jitnaqqas jew jiġi eskluż f’konformità mar-regoli dettaljati stipulati fl-Artikolu 24.”
13
L-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 73/2009, intitolat “Regoli dettaljati dwar tnaqqis u esklużjonijiet fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli ta’ kundizzjonalità”, kien jistabbilixxi fil-paragrafu 1 tiegħu li:
“Regoli dettaljati għat-tnaqqis u l-esklużjonijiet imsemmija fl-Artikolu 23 għadhom jiġu stabbiliti skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 141(2). […]”
14
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 146(1) tar-Regolament Nru 73/2009 kien jipprovdi li:
“Ir-Regolament [Nru 1782/2003] b’dan huwa revokat.”
15
L-Artikolu 149 tar-Regolament Nru 73/2009 kien jipprovdi:
“Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2009
[…]”
16
Ir-Regolament Nru 796/2004 tħassar u ġie ssotitwit bir-Regolament Nru 1122/2009.
17
It-Titolu IV tal-Parti II tar-Regolament Nru 1122/2009, intitolat “Bażi għall-kalkolu tal-għajnuna, it-tnaqqisiet l-esklużjonijiet”, kien jinkludi Kapitolu II, intitolat “Sejbiet b’relazzjoni ma’ kriterji tal-eliġibbiltà”, u Kapitolu III, intitolat “Sejbiet relatati mal-kundizzjonalità”, li kien jifforma parti minnu l-Artikolu 70(4) u (8) li kien jipprovdi:
“4. In-nuqqasijiet ta’ konformità għandhom jitqiesu li jkunu “ddeterminati” jekk ikunu stabbiliti bħala konsegwenza ta’ xi tip ta’ kontrolli mwettqa skont dan ir-Regolament jew wara li l-awtorità kompetenti ta’ kontroll jew, fejn applikabbli, l-aġenzija tal-ħlas, tkun ġiet mgħarrfa, bi kwalunkwe mezz ieħor.
[…]
8. Għall-applikazzjoni tat-tnaqqisiet, il-perċentwal tat-tnaqqis għandu jiġi applikat mal-ammont totali ta’:
a)
l-ammont kumplessiv tal-pagamenti diretti li ngħata, jew li għandu jingħata, lill-bidwi konċernat b’segwitu tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna li hu ppreżenta jew li se jippreżenta matul is-sena kalendarja tas-sejba […]
[…]”
Id-dritt Daniż
18
L-Artikolu 3 tal-bekendtgørelse nr. 1697 om krydsoverensstemmelse (id-Deċiżjoni Nru 1697 dwar il-Kundizzjonalità), tal-15 ta’ Diċembru 2010 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 1697”) kien jipprovdi:
“1. Il-bdiewa li jirċievu għajnuna għandhom josservaw ir-rekwiżiti elenkati fl-Anness 1 ta’ din id-deċiżjoni fl-attività tagħhom matul is-sena kalendarja kollha.
[…]”
19
Skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 1697:
“1. L-awtoritajiet ta’ kontroll previsti fl-Artikolu 3(2) għandhom jirrappurtaw kull każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti enumerati fl-Anness 1 ta’ din id-deċiżjoni lil FødevareErhverv [Aġenzjia għas-Settur tal-Ikel] […]
2. In-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti enumerati fl-Anness 1 ta’ din id-deċiżjoni tista’ tagħti lok għal perċentewal ta’ tnaqqis tal-għajnuna inkonnessjoni mas-sena kalendarja li matulha tkun ġiet riċevuta l-applikazzjoni għall-għajnuna jew l-applikazzjoni għall-ħlas u li matulha jkun ġie kkonstatat il-ksur. L-Aġenzija għas-settur tal-ikel għandha tiddeċiedi dwar l-ammont li għandu jitnaqqas konformement mad-dispożizzjonijiet Komunitarji applikabbli.”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
20
Minn investigazzjoni tal-pulizija rriżulta li numru kbir ta’ bdiewa Daniżi kienu xtraw, matul is-snin 2006-2009, fertilizzanti kimiċi mingħand importatur li ma kienx iddikjara dan il-bejgħ fir-reġistru tal-fornituri u mingħajr ma ġie rreġistrat fir-reġistru tal-fertilizzant tal-bdiewa, in-nitroġenu inkluż f’dawn il-fertilizzanti.
21
Filwaqt li bbażat ruħha fuq id-dokumenti elevati mingħand dan l-importatur, il-Plantedirektoratet (Aġenzija tal-Kontroll Veġetali, id-Danimarka) wettqet kontroll amministrattiv tar-reġistri tal-fertilizzant tal-bdiewa u, fl-4 ta’ Jannar 2011, bagħtet talbiet għal informazzjoni lil 125 minnhom, peress li dawn kienu eċċedew il-kwoti tan-nitroġenu awtorizzati mir-regoli nazzjonali fil-qasam tal-fertilizzazzjoni u li b’hekk ma osservawx ir-regoli tal-kundizzjonalità applikabbli għall-pagamenti diretti.
22
Ir-riżultati tal-kontrolli ġew trażmessi lil NaturErhvervstyrelsen (l-Aġenzija għall-Agrikultura u s-Sajd, Id-Danimarka, iktar ’il-quddiem l-“aġenzija tal-ħlas”), li bdiet proċeduri kontra dawk il-bdiewa għan-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-kundizzjonalità.
23
Wara li adottat deċiżjonijiet ta’ tnaqqis tal-għajnuna mħallsa lill-bdiewa kkonċernati inkonnessjoni mas-sena jew mas-snin li matulhom ma kinux ġew osservati ir-regoli tal-kundizzjonalità, fis-26 ta’ Novembru 2012, l-aġenzija tal-ħlas irrikorriet għand il-Kummissjoni Ewropea sabiex tikseb informazzjoni dwar jekk it-tnaqqis tal-għajnuna kellux jiġi kkalkulat abbażi tas-sena kalendarja li matulha kien seħħ in-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-kundizzjonalità jew inkella abbażi tas-sena kalendarja li matulha dan kien ġie skopert.
24
Fil-fatt, skont l-aġenzija tal-ħlas, il-Kummissjoni kienet tidher li tqis fir-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2011, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet (ĠU 2012, C 344, p. 1), li t-tnaqqis tal-pagamenti mwettaq fil-konfront tal-bdiewa minħabba nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-kundizzjonalità kellu jiġi applikat għall-pagamenti mħallsa fis-sena kalendarja li fiha jkun ġie kkonstatat dan in-nuqqas ta’ osservanza.
25
Fit-tweġiba tagħha tas-7 ta’ Frar 2013, il-Kummissjoni essenzjalment ikkonfermat li s-sena li matulha l-awtorità kompetenti ta’ kontroll tkun kisbet konjizzjoni ta’ każ ta’ nuqqas ta’ konformità għandha titqies bħala s-sena li fiha jkun ġie kkonstatat in-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-kundizzjonalità li fir-rigward tagħha għandha tiġi applikata s-sanzjoni naxxenti minn tali nuqqas.
26
Għaldaqstant, filwaqt li tibbaża ruħha fuq id-Deċiżjoni Nru 1697, l-aġenzija tal-ħlas naqset il-pagamenti diretti tar-rikorrenti prinċipali riċevuti inkonnessjoni mas-sena li fiha kien ġie kkonstatat in-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-kundizzjonalità mill-Aġenzija għall-Kontrolli Veġetali, jiġifieri s-sena 2011.
27
L-ilmenti mressqa minn dawn ir-rikorrenti quddiem iċ-Ċentru tal-Ilmenti tal-Ministeru tal-Ikel ġew miċħuda.
28
Sussegwentement, dawn l-istess rikorrenti ppreżentaw rikorsi quddiem il-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka) billi invokaw l-invalidità ta’ dawn id-deċiżjonijiet ta’ ċaħda.
29
G. Teglgaard jibbaża ruħu fuq il-kliem tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1782/2003 sabiex isostni li s-sena tat-tnaqqis f’pagamenti diretti hija dik tan-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-kundizzjonalità. Ir-Regolament Nru 796/2004 sempliċiment jispeċifika li nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-kundizzjonalità ma jistax jiġi ssanzjonat qabel ma dan jiġi kkonstatat u ma jistax ibiddel ir-Regolament Nru 1782/2003. Dan jindika li, konformement mal-prinċipji ġenerali tad-dritt, is-sanzjoni ta’ dan in-nuqqas ta’ osservanza għandha tingħata fid-dawl taċ-ċirkustanzi eżistenti fil-mument tal-fatti. Fl-opinjoni tiegħu, ir-Regolament Nru 73/2009 ma jistax iservi bħala bażi għal talba għal tnaqqis tal-għajnuna li jirriżulta minn fatt li jkunu seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu. Barra minn hekk, huwa jirrileva li l-allegat nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-kundizzjonalità jaf ikollu, sa fejn jikkonċerna lilu, konsegwenzi imprevedibbli, peress li s-sanzjoni tista’ tiġi miżjuda b’ammont ta’ 1908483,08 Krona Daniża (DKK) (madwar EUR 256157) minħabba ż-żieda tas-superfiċji ammissibbli għall-pagamenti diretti bejn is-sena ta’ dan in-nuqqas ta’ osservanza u s-sena tal-konstatazzjoni ta’ dan tal-aħħar.
30
Fløjstrupgård issostni li l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 73/2009 ma jindikax b’mod ċar jekk it-tnaqqis f’pagamenti diretti għandux jirrigwarda lil dawk riċevuti inkonnessjoni mas-sena li matulha jkun seħħ in-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-kundizzjonalità jew lil dawk riċevuti inkonnessjoni mas-sena li fiha jkun ġie kkonstatat. Hija tirrileva li, fil-każ tagħha, it-tnaqqis f’pagamenti diretti jkun ikbar jekk isir inkonnessjoni mas-sena tal-konstatazzjoni tal-imsemmi nuqqas ta’ osservanza, minħabba ż-żieda tas-superfiċji ammissibbli għalk dawn il-pagamenti bejn is-sena li fiha seħħ dan in-nuqqas u dik li fiha dan ġie kkonstatat. Tali stat ta’ fatt imur kontra l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, u mill-perspettiva tad-dritt tal-kuntratti, jikkostitwixxi konsegwenza mhux prevedibbli.
31
Skont iċ-Ċentru tal-Ilmenti tal-Ministeru tal-Ikel, ir-regolamenti tal-Unjoni marbuta mal-iskema ta’ pagament uniku jsegwu l-għan speċifiku li jinċentivaw lil bdiewa josservaw il-leġiżlazzjoni eżistenti fl-oqsma differenti tal-kundizzjonalità, b’tali mod li d-dispożizzjonijiet marbuta ma’ din l-iskema għandhom jiġu interpretati fid-dawl ta’ dan l-għan. Konsegwentement, huwa jsostni li kien b’mod ġust li l-aġenzija tal-ħlas qieset li kellha tapplika tnaqqis f’pagamenti diretti riċevuti mir-rikorrenti prinċipali inkonnessjoni mas-sena li matulha kien ġie kkonstatat in-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-kundizzjonalità.
32
Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma tatx deċiżjoni fuq il-punt dwar fir-rigward ta’ liema sena jeħtieġ li jiġi applikat tnaqqis f’pagamenti diretti dovut għan-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-kundizzjonalità, fil-każ li fih is-sena kalendarja li matulha jkun seħħ dan in-nuqqas ta’ osservanza ma tkunx tikkoinċidi mas-sena kalendarja li matulha jkun ġie kkonstatat dan in-nuqqas. Hija rrilevat ukoll li l-formulazzjoni tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1782/2003 tvarja minn verżjoni lingwistika għal oħra.
33
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tressaq is-segwenti domandi preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja:
“1.
F’sitwazzjoni fejn bidwi ma josservax ir-rekwiżiti statutorji ta’ ġestjoni u l-kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajbin f’sena kalendarja, u għalhekk hemm lok li jiġi applikat tnaqqis għall-pagamenti diretti tal-bidwi: ara l-Artikolu 6(1) tal-Regolament tal-Kunsill Nru 1782/2003 [u tal-] Artikolu 66(1) tar-Regolament […] Nru 796/2004, it-tnaqqis tal-għajnuna għandu jiġi kkalkolat abbażi tal-ħlasijiet diretti tal-bidwi:
(a)
fis-sena kalendarja li fiha [jseħħ] in-nuqqas ta’ osservanza, jew
(b)
fis-sena kalendarja (sussegwenti) tad-determinazzjoni/konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ osservanza?
2.
Ir-riżultat huwa l-istess taħt ir-regoli sussegwenti stabbiliti fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament […] Nru 73/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 70(4) u 8(a) tar-Regolament […] Nru 1122/2009?
3.
F’sitwazzjoni fejn bidwi ma josservax ir-rekwiżiti statutorji ta’ ġestjoni u l-kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajbin fl-2007 u l-2008, iżda n-nuqqas ta’ osservanza huwa ddeterminat/kkonstatat l-ewwel darba fl-2011, huwa [r-Regolament Nru 1782/2003], moqri flimkien mar-Regolament […] Nru 796/2004, li japplika fil-kalkolu tat-tnaqqis tal-għajnuna, jew huwa [r-Regolament Nru 73/2009], moqri flimkien mar-Regolament […] Nru 1122/2009, li japplika?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel u t-tieni domandi
34
Permezz tal-ewwel u t-tieni domandi tagħha, li jeħtieġ li tingħata risposta għalihom b’mod konġunt, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk, minn naħa, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1782/2003, l-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, kif emendat bir-Regolament Nru 146/2008, u l-Artikolu 66(1) tar-Regolament Nru 796/2004, kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 73/2009 u l-Artikolu 70(4) u (8)(a) tar-Regolament Nru 1122/2009 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li t-tnaqqis mill-pagamenti diretti minħabba nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-kundizzjonalità għandu jiġi kkalkulat abbażi tal-pagamenti mogħtija jew li għandhom jingħataw inkonnessjoni mas-sena kalendarja li matulha seħħ dan in-nuqqas ta’ osservanza jew abbażi ta’ dawk inkonnessjoni mas-sena li matulha ġie ikkonstatat l-imsemmi nuqqas ta’ osservanza.
35
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha (sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2014, Feakins, C-335/13, EU:C:2014:2343, punt 35, kif ukoll tat-12 ta’ Novembru 2015, Jakutis u Kretingalės kooperatinė ŽŪB, C-103/14, EU:C:2015:752, punt 93).
36
Għalkemm, fil-verżjoni Franċiża tiegħu, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1782/2003 jindika li “l-ammont totali tal-pagamenti diretti li għandhom jingħataw inkonnessjoni mas-sena kalendarja li matulha ġie kkonstatat in-nuqqas ta’ osservanza għandu jitnaqqas jew jitħassar”, kważi fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha l-oħra disponibbli fid-data tal-adozzjoni ta’ dan ir-regolament, l-istess artikolu jipprovdi essenzjalment li l-ammont totali tal-pagamenti diretti li għandhom jingħataw inkonnessjoni mas-sena kalendarja li matulha seħħ in-nuqqas ta’ osservanza għandu jitnaqqas jew jitħassar.
37
F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jistax iservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas ma jista’ jingħata prijorità fil-konfront tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra (sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Kødbranchens Fællesråd, C-112/15, EU:C:2016:185, punt 36).
38
Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet redatti fil-lingwi kollha tal-Unjoni u f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn dawn il-verżjonijiet, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-iskop tal-leġiżlazzjoni li tagħha tikkostitwixxi element (sentenzi tal-5 ta’ Mejju 2011, Kurt und Thomas Etling et, C-230/09 u C-231/09, EU:C:2011:271, punt 60, kif ukoll tas-17 ta’ Marzu 2016, Kødbranchens Fællesråd, C-112/15, EU:C:2016:185, punt 36).
39
Minn dak li ntqal jirriżulta li, fid-dawl tad-diverġenzi kkonstatati fil-punt 36 ta’ din is-sentenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1782/2003, jeħtieġ li dik id-dispożizzjoni tiġi interpretata b’mod partikolari skont l-istruttura ġenerali u l-iskop tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha.
40
L-istruttura ġenerali u l-iskop tar-Regolament Nru 1782/2003 fil-qasam tal-osservanza tar-regoli tal-kundizzjonalità jirriżultaw mill-premessa 2 ta’ dan ir-regolament, li torbot il-pagament sħiħ tal-għajnuna diretta mal-osservanza tar-regoli fil-qasam tal-art agrikola, tal-produzzjoni u tal-biedja, li huma intiżi li jintegraw regoli bażiċi fil-qasam tal-ambjent, tas-sikurezza tal-ikel, tas-saħħa u tal-benessri tal-annimali u ta’ kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba fl-organizzazzjonijiet komuni tas-swieq. F’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn ir-regoli, l-Istati Membri għandhom jissospendu din l-għajnuna b’mod sħiħ jew parzjali skont kriterji proporzjonati, oġġettivi u progressivi.
41
Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament jispeċifika li t-tnaqqis jew it-tħassir ta’ tali għajnuna għandu jitwettaq meta n-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-kundizzjonalità tkun dovuta għal att jew omissjoni li tkun imputabbli direttament lill-bidwi kkonċernat.
42
B’hekk, ir-Regolament Nru 1782/2003 jobbliga lill-bdiewa li josservaw, matul kull sena ta’ attività, ir-rekwiżiti regolatorji fil-qasam tal-ġestjoni u l-kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba, li jifformaw ir-regoli tal-kundizzjonalità.
43
Issa, l-osservanza ta’ dawn ir-regoli tikseb is-sens kollu tagħha biss jekk is-sanzjoni għall-ksur tagħhom, sew jekk dan jirriżulta minn negliġenza kif ukoll minn att intenzjonat, twassal għal tnaqqis jew tħassir tal-pagamenti diretti mogħtija jew li għandhom jingħataw fis-sena kalendarja li fiha seħħ dan il-ksur. Fil-fatt, hija biss tali korrispondenza li tista’ tiżgura ż-żamma ta’ rabta bejn l-aġir tal-bidwi li jagħti lok għas-sanzjoni u s-sanzjoni nnifisha.
44
Ċertament, l-Artikolu 66 tar-Regolament Nru 796/2004 jipprovdi, fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha disponibbli fid-data tal-adozzjoni tar-regolament, li t-tnaqqis għandu jiġi applikat fir-rigward tal-ammont tal-pagamenti diretti riċevuti jew li għandhom jiġu riċevuti mill-bidwi abbażi ta’ applikazzjonijiet li jkun ressaq jew li jkun ser iressaq matul is-sena kalendarja tal-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-kundizzjonalità.
45
Madankollu, ma jistax jiġi dedott mill-kliem ta’ dan l-Artikolu 66, kif issostni l-Kummissjoni, li t-tnaqqis għandu jiġi kkalkulat fuq l-ammont tal-pagamenti diretti riċevuti jew li għandhom jiġu riċevuti inkonnessjoni mas-sena kalendarja tal-imsemmija konstatazzjoni. F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li regolament ta’ implimentazzjoni, adottat bis-saħħa ta’ awtorizzazzjoni inkluża fir-regolament bażiku, ma jistax jidderoga mid-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar li minnu huwa dderivat (sentenza tat-2 ta’ Marzu 1999, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-179/97, EU:C:1999:109, punt 20). B’hekk, il-kliem tal-imsemmi Artikolu 66(1) ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jpoġġu f’dubju r-rabta bejn l-aġir tal-bidwi li ta lok għas-sanzjoni u din tal-aħħar, b’deroga mir-regola bażika prevista fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru°1782/2003 li skontu n-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-kundizzjonalità jwassal għal tnaqqis jew tħassir tal-pagamenti diretti mogħtija jew li għandhom jingħataw fis-sena kalendarja li matulha jkun seħħ dan in-nuqqas ta’ osservanza.
46
Fil-fatt, interpretat fid-dawl tar-Regolament Nru 1782/2003, ir-Regolament Nru 796/2004 jistabbilixxi, fl-Artikolu 66 tiegħu, ir-regoli ddettaljati marbuta mat-tnaqqis f’pagamenti diretti minħabba nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-kundizzjonalità, kif inhu previst fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1782/2003. Fil-verità, l-imsemmi Artikolu 66 jipprevedi l-modalitajiet ta’ imputazzjoni ta’ tnaqqis f’pagamenti diretti minħabba nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-kundizzjonalità u mhux ir-regoli għall-kalkolu ta’ tali tnaqqis. Billi jipprovdi għal tnaqqis fl-ammonti ta’ pagamenti diretti riċevuti jew li għandhom jiġu riċevuti mill-bidwi inkonnessjoni mas-sena kalendarja tal-konstatazzjoni ta’ dan in-nuqqas ta’ osservanza, l-Artikolu 66 tar-Regolament Nru 796/2004 jiggarantixxi li l-irkupru tas-somma korrispondenti għal dan it-tnaqqis effettivament isir, permezz ta’ tnaqqis fil-pagamenti dovuti lill-bidwi. B’hekk, dan l-artikolu huwa ta’ natura li jiżgura kemm l-effettività tat-tnaqqis imwettaq minħabba nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-kundizzjonalità kif ukoll l-użu korrett mill-pagamenti mwettqa abbażi tal-fondi agrikoli tal-Unjoni.
47
Barra minn hekk, tali interpretazzjoni hija kkorroborata mill-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali.
48
Qabel xejn, kemm meta n-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-kundizzjonalità jiġi kkonstatat fl-istess sena li fiha dan ikun twettaq kif ukoll meta dan in-nuqqas ta’ osservanza jiġi kkonstatat fis-sena sussegwenti għal dik li fiha jitwettaq, il-bażi tal-kalkolu tat-tnaqqis jibqa’ l-istess wieħed. Fil-fatt, f’dawn iż-żewġ każijiet, il-bażi tal-kalkolu tiġi kkostitwita mill-pagamenti diretti inkonnessjoni mas-sena li fiha jseħħ in-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-kundizzjonalità. B’hekk, din is-soluzzjoni tippermetti l-eliminazzjoni tar-riskju li l-ammont tal-pagamenti li għalih japplika t-tnaqqis ikun nettament għola minn dak tas-sena li fih seħħ in-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-kundizzjonalità jew, għall-kuntrarju, li t-tnaqqis applikat ikun nettament inqas għoli f’każ ta’ tnaqqis fl-ammont tal-pagamenti diretti bejn is-sena li fih seħħ in-nuqqas ta’ osservanza u s-sena tal-konstatazzjoni tiegħu. Għaldaqstant hija ta’ natura li tiggarantixxi l-ugwaljanza fit-trattament bejn il-bdiewa.
49
Sussegwentement, jeħtieġ li jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu adatti sabiex jilħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, filwaqt li, meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet previsti (sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2017, TofuT, C-422/16, EU:C:2017:458, punt 45).
50
Issa, jeħtieġ li jiġi nnotat li l-Kummissjoni stess irrikonoxxiet fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha li, fiċ-ċirkustanzi deskritti mill-Avukat Ġenerali fil-punt 96 tal-konklużjonijiet tiegħu, it-teħid inkunsiderazzjoni tas-sena tal-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-kundizzjonalità għall-kalkolu tat-tnaqqis jew tat-tħassir tal-pagamenti diretti ma jistax jiżgura rabta bejn dan tal-aħħar u l-aġir tal-bidwi li ta lok għat-tnaqqis jew tħassir.
51
Għall-kuntrarju, l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità tibqa’ hekk żgurata meta t-tnaqqis jew it-tħassir tal-pagamenti diretti jiġi kkalkulat fuq l-ammont tal-pagamenti diretti mogħtija jew li għandhom jingħataw abbażi tas-sena kalendarja li fiha seħħ in-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-kundizzjonalità, peress li tali rabta hija ppreservata. Fil-fatt, it-tnaqqis jew it-tħassir hekk ikkalkulat huwa adatt sabiex jintlaħaq l-għan tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1782/2003, li huwa li jiġu ssanzjonati l-każijiet ta’ nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-kundizzjonalità, u ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.
52
Fl-aħħar, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi li leġiżlazzjoni tal-Unjoni għandha tkun tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu b’eżattezza l-portata tal-obbligi li din timponi fuqhom u li dawn tal-aħħar għandhom ikunu jistgħu jsiru jafu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità, u li jieħdu passi konsegwentement (sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2017, Doux, C-141/15, EU:C:2017:188, punt 22, u tal-20 ta’ Diċembru 2017, Erzeugerorganisation Tiefkühlgemüse, C-516/16, EU:C:2017:1011, punt 98).
53
Kif jenfasizzaw ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, it-teħid inkunsiderazzjoni tas-sena tal-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-kundizzjonalità għall-kalkolu tat-tnaqqis f’pagamenti diretti huwa ta’ natura li jirrendi diffiċilment prevedibbli għall-bidwi kkonċernat il-konsegwenzi finanzjarji li huwa jkollu jiffaċċja, peress li ċ-ċirkustanzi materjali, bħan-numru ta’ ettari maħduma, li fid-dawl tagħhom jingħataw dawn il-pagamenti, jistgħu jvarjaw bil-kbir minn sena għall-oħra u li l-mument li fih jitwettaq il-kontroll tar-regoli tal-kundizzjonalità huwa wieħed aleatorju. Issa, tali riskju huwa assenti meta t-tnaqqis jew it-tħassir tal-pagamenti diretti jiġi kkalkulat abbażi tal-ammont tal-pagamenti diretti mogħtija jew li għandhom jingħataw abbażi tas-sena kalendarja li fiha jseħħ in-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-kundizzjonalità, peress li l-varjazzjoni possibbli ta’ tali ċirkustanzi materjali wara li jseħħ dan in-nuqqas ta’ osservanza ma jkollux effett fuq il-konsegwenzi finanzjarji li l-bidwi jkollu jbati.
54
Konsegwentement, skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1782/2003, it-tnaqqis fil-pagamenti diretti minħabba nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-kundizzjonalità għandu jiġi kkalkulat abbażi tal-pagamenti mogħtija jew li għandhom jingħataw abbażi tas-sena kalendarja li matulha jkun seħħ dan in-nuqqas ta’ osservanza. Skont l-Artikolu 66(1) tar-Regolament Nru 796/2004, it-tnaqqis hekk ikkalkulat għandu jiġi applikat għall-pagamenti riċevuti jew li għandhom jiġu riċevuti inkonnessjoni mas-sena li matulha jkun ġie kkonstatat l-imsemmi nuqqas ta’ osservanza.
55
L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1782/2003, kif emendat bir-Regolament Nru 146/2008, għandu jiġi interpretat bl-istess mod. B’mod identiku fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha, dan l-Artikolu 6(1), kif emendat, ma għadux jagħmel riferiment għas-sena tal-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-kundizzjonalità. Għall-kuntrarju, billi jagħmel riferiment għas-“sena kalendarja partikolari” jew għas-“sena kalendarja kkonċernata” kemm għall-okkorrenza tan-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-kundizzjonalità kif ukoll għall-applikazzjoni għal għajnuna ppreżentata mill-bidwi li jkun ġie attribwit ir-responsabbiltà diretta għal att jew omissjoni, l-imsemmi Artikolu 6(1), kif emendat, jinsisti b’mod partikolari fuq is-sena tal-okkorrenza ta’ dan in-nuqqas ta’ osservanza għad-determinazzjoni tat-tnaqqis jew tat-tħassir tal-pagamenti diretti. Ir-riferiment indirett fir-Regolament Nru 796/2004, permezz tas-sentenza “l-ammont totali tal-pagamenti diretti li għandu jingħata lil dak il-bidwi […], għandu jitnaqqas jew ikun ikkanċellat skond ir-regoli dettaljati stabbiliti fl-Artikolu 7”, sempliċiment, kif ġie kkonstatat fil-punt 46 tas-sentenza odjerna, jirreferi għall-modalitajiet ta’ imputazzjoni tat-tnaqqis jew tal-kanċellament fuq l-ammonti tal-pagament dirett riċevut jew li għandu jiġi riċevut inkonnessjoni mas-sena tal-konstatazzjoni tal-imsemmi nuqqas ta’ osservanza.
56
Dawn il-konstatazzjonijiet jgħoddu wkoll għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 73/2009, li essenzjalment jirriproduċu l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1782/2003, kif emendat bir-Regolament Nru 146/2008.
57
Fir-rigward tal-Artikolu 70(4) u (8)(a) tar-Regolament Nru 1122/2009, minn naħa, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li huwa biss il-paragrafu 8(a) ta’ dan l-Artikolu li huwa direttament rilevanti, peress li dan jipprovdi li “[g]ħall-applikazzjoni tat-tnaqqisiet, il-perċentwal tat-tnaqqis għandu jiġi applikat [għal]l-ammont kumplessiv tal-pagamenti diretti li ngħata, jew li għandu jingħata, lill-bidwi konċernat b’segwitu tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna li hu ppreżenta jew li se jippreżenta matul is-sena kalendarja tas-sejba”.
58
Min-naħa l-oħra, il-konstatazzjonijiet imwettqa fil-punt 46 ta’ din is-sentenza għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 66(1) tar-Regolament Nru 796/2004 japplikaw ukoll għall-Artikolu 70(8)(a) tar-Regolament Nru 1122/2009, li jipprovdi għall-modalitajiet ta’ imputazzjoni ta’ tnaqqis f’pagamenti diretti għan-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-kundizzjonalità u mhux għar-regoli tal-kalkolu ta’ tali tnaqqis.
59
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li tingħata risposta għall-ewwel u t-tieni domanda:
–
L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1782/2003, l-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament, kif emendat bir-Regolament Nru 146/2008, u l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 73/2009 għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-tnaqqis fil-pagamenti diretti minħabba nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-kundizzjonalità għandu jiġi kkalkulat abbażi tal-pagamenti mogħtija jew li għandhom jingħataw inkonnessjoni mas-sena li matulha jkun seħħ dan in-nuqqas ta’ osservanza.
–
L-Artikolu 66(1) tar-Regolament Nru 796/2004 u l-Artikolu 70(8)(a) tar-Regolament Nru 1122/2009 għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-tnaqqis fil-pagamenti diretti hekk ikkalkulat għandu jiġi applikat għall-pagamenti riċevuti jew li għandhom jiġu riċevuti inkonnessjoni mas-sena kalendarja li matulha jkun ġie kkonstatat in-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-kundizzjonalità.
Fuq it-tielet domanda
60
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi liema hija l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli għall-finijiet tal-kalkolu tat-tnaqqis f’pagamenti diretti meta bidwi ma jkunx osserva r-regoli tal-kundizzjonalità matul is-snin 2007-2008, iżda meta dan in-nuqqas ta’ osservanza jkun ġie kkonstatat biss matul is-sena 2011.
61
Minn naħa, jeħtieġ li jitfakkar li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi li kull sitwazzjoni ta’ fatt, bla ħsara għal dispożizzjoni espressa kuntrarja, tkun normalment evalwata fid-dawl tar-regoli ta’ dritt fis-seħħ dak iż-żmien (sentenza tal-14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et, C-17/10, EU:C:2012:72, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, la kliem, la l-għan u lanqas l-istruttura tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 73/2009 ma jipprovdu indikazzjonijiet ċari li jimmilitaw favur applikazzjoni retroattiva ta’ din id-dispożizzjoni.
62
B’hekk, fir-rigward tat-tnaqqis fil-pagamenti diretti minħabba nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-kundizzjonalità, hija l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li kienet applikabbli fid-data tal-okkorrenza tal-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza inkwistjoni li għandha tintuża sabiex jiġi ddeterminat it-tnaqqis li għandu jiġi applikat.
63
Min-naħa l-oħra, minn qari flimkien tal-Artikoli 146 u 149 tar-Regolament Nru 73/2009 jirriżulta li r-Regolament Nru 1782/2003 tħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2009. Barra minn hekk, mill-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 146/2008 jirriżulta li l-emenda tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1782/2003 prevista fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 146/2008 kellha tapplika mill-1 ta’ April 2008. Għaldaqstant, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1782/2003 kien applikabbli fl-2007 u sal-31 ta’ Marzu 2008, u l-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, kif emendat bir-Regolament Nru 146/2008 kien applikabbli mill-1 ta’ April sal-31 ta’ Diċembru 2008.
64
F’dan ir-rigward, l-Artikolu 2(e) tar-Regolament Nru 1782/2003 jiddefinixxi l-pagamenti għal sena kalendarja partikolari jew il-pagamenti matul il-perijodu ta’ riferiment bħala l-pagamenti mogħtija jew li għandhom jingħataw inkonnessjoni mas-sena jew mas-snin ikkonċernati, inklużi dawk li għandhom jingħataw għal perijodi oħra li jibdew matul dik is-sena kalendarja jew minn dawk is-snin kalendarji.
65
Sussegwentment, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1782/2003 kien applikabbli għall-pagamenti diretti mogħtija inkonnessjoni mas-sena 2007 u mal-ewwel tliet xhur tas-sena 2008 kif ukoll għall-pagamenti li għandhom jingħataw inkonnessjoni mal-perijodi li kienu jibdew matul is-sena 2007 jew matul dawk l-ewwel tliet xhur, u l-Artikolu 6(1) ta’ ta’ dan ir-regolament, kif emendat bir-Regolament Nru 146/2008 kien applikabbli għall-pagamenti diretti mogħtija inkonnessjoni mal-perijodu ta’ bejn ix-xahar ta’ April u x-xahar ta’ Diċembru 2008 kif ukoll għall-pagamenti li għandhom jingħataw inkonnessjoni mal-perijodi li kienu jibdew matul dawk id-disa’ xhur.
66
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li tingħata risposta għat-tielet domanda li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli għall-finijiet tal-kalkolu tat-tnaqqis f’pagamenti diretti meta bidwi ma jkunx osserva r-regoli tal-kundizzjonalità matul is-snin 2007-2008, iżda meta dan in-nuqqas ta’ osservanza jkun ġie kkonstatat biss matul is-sena 2011, hija dik tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1782/2003 għas-sena 2007 u l-ewwel tliet xhur tas-sena 2008, u tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, kif emendat bir-Regolament Nru 146/2008, għall-perijodu ta’ bejn ix-xahar ta’ April u x-xahar ta’ Diċembru 2008.
Fuq l-ispejjeż
67
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1)
L-Artikolu 6(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1782/2003, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill Nru 146/2008 tal-14 ta’ Frar 2008 u l-Artikolu 23(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament Nru 1782/2003, għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-tnaqqis fil-pagamenti diretti minħabba nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-kundizzjonalità għandu jiġi kkalkulat abbażi tal-pagamenti mogħtija jew li għandhom jingħataw inkonnessjoni mas-sena li matulha jkun seħħ dan in-nuqqas ta’ osservanza.
L-Artikolu 66(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ konformità, modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003, u l-Artikolu 70(8)(a) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 73/2009 fir-rigward tal-kundizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, skont l-iskemi ta’ appoġġ għall-bdiewa previsti għal dak ir-regolament, kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-kundizzjonalità skont l-iskema ta’ appoġġ prevista għas-settur tal-inbid, għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-tnaqqis fil-pagamenti diretti hekk ikkalkulat għandu jiġi applikat għall-pagamenti riċevuti jew li għandhom jiġu riċevuti inkonnessjoni mas-sena kalendarja li matulha jkun ġie kkonstatat in-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-kundizzjonalità.
2)
Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli għall-finijiet tal-kalkolu tat-tnaqqis f’pagamenti diretti meta bidwi ma jkunx osserva r-regoli tal-kundizzjonalità matul is-snin 2007-2008, iżda meta dan in-nuqqas ta’ osservanza jkun ġie kkonstatat biss matul is-sena 2011, hija dik tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1782/2003 għas-sena 2007 u l-ewwel tliet xhur tas-sena 2008, u tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, kif emendat bir-Regolament Nru 146/2008, għall-perijodu ta’ bejn ix-xahar ta’ April u x-xahar ta’ Diċembru 2008.
Firem
( *1 ) Lingwa tal-kawża: id-Daniż.