SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
14 ta’ Frar 2019 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ipproċessar ta’ data personali – Direttiva 95/46/KE – Artikolu 3 – Kamp ta’ applikazzjoni – Reġistrazzjoni video ta’ membri tal-pulizija f’għassa tal-pulizija matul l-eżekuzzjoni ta’ atti ta’ natura proċedurali – Pubblikazzjoni fuq sit Internet ta’ videos – Artikolu 9 – Ipproċessar ta’ data personali għall-finijiet biss ta’ ġurnaliżmu – Kunċett – Libertà tal-espressjoni – Protezzjoni tal-ħajja privata”
Fil-Kawża C‑345/17,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Augstākā tiesa (il-Qorti Suprema, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Ġunju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Ġunju 2017, fil-proċedura mibdija minn
Sergejs Buivids
fil-preżenza ta’:
Datu valsts inspekcija,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, A. Prechal, C. Toader, A. Rosas (Relatur) u M. Ilešič, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: M. Aleksejev, Kap ta’ Unità,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Ġunju 2018,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
–
għal S. Buivids, minnu stess,
–
għall-Gvern Latvjan, minn I. Kucina, G. Bambāne, E. Petrocka-Petrovska u E. Plaksins, bħala aġenti,
–
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u O. Serdula, bħala aġenti,
–
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Russo, avvocato dello Stato,
–
għall-Gvern Awstrijak, minn G. Eberhard, bħala aġent,
–
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,
–
għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u M. Figueiredo kif ukoll minn C. Vieira Guerra, bħala aġenti,
–
għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, C. Meyer-Seitz, P. Smith, H. Shev, L. Zettergren u A. Alriksson, bħala aġenti,
–
għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Nardi u I. Rubene, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tas-27 ta’ Settembru 2018,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355), u b’mod partikolari tal-Artikolu 9 tagħha.
2
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Sergejs Buivids, minn naħa, u d-Datu valsts inspekcija (l-Awtorità Nazzjonali għall-Protezzjoni tad-Data, il-Latvja), min-naħa l-oħra, dwar azzjoni intiża sabiex tiġi ddikjarata illegali deċiżjoni ta’ din l-awtorità, fejn ġie deċiż li S. Buivids kiser il-leġiżlazzjoni nazzjonali bil-pubblikazzjoni fuq is-sit Internet ta’ video, iffilmjat minnu stess, tal-għoti tax-xhieda tiegħu fil-bini tal-għassa tal-pulizija nazzjonali fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ksur amministrattiv.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3
Qabel it-tħassir tagħha permezz tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 (ĠU 2016, L 119, p. 1), id-Direttiva 95/46 li, skont l-Artikolu 1 tagħha, kellha bħala għan il-protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari tad-dritt għall-ħajja privata, fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali, kif ukoll it-tneħħija tal-ostakoli għall-moviment libertu ta’ din id-data, kienet tipprovdi, fil-premessi 2, 14, 15, 27 u 37 tagħha:
“(2)
Billi s-sistemi ta’ l-ipproċessar ta’ data huma maħsuba biex jaqdu lill-bniedem; billi, indipendentement miċ-ċittadinanza jew residenza ta’ persuna naturali, huma għandhom jirrispettaw id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, l-aktar id-dritt għall-ħajja privata, u jaghtu sehemhom għall-progress ekonomiku u soċjali, għat-tkattir tal-kummerċ u l-ġid tal-persuna;
[…]
(14)
Billi, meħud kont ta’ l-importanza ta’ l-iżviluppi li qed ikun hemm fil-qafas tas-soċjetà ta’ l-informatika, tat-teknika użata biex taqbad, tibgħat, timmanipula, tirreġistra, taħżen jew tikkomunika data audio-viżwali dwar persuna naturali, din id-Direttiva għandha tapplika għal ipproċessar li jkollu x’jaqsam ma’ din id-data;
(15)
Billi l-ipproċessar ta’ din id-data huwa milqut minn din id-Direttiva biss jekk ikun awtomatizzat jew jekk id-data pproċessata titqiegħed jew tkun maħsuba biex titqiegħed f’sistema ta’ skedar skond kriterji speċifiċi li jkollhom x’jaqsmu ma’ individwi, biex l-aċċess għad-data in kwistjoni jkun ħafif;
[…]
(17)
Billi, sa fejn għandu x’jaqsam l-ipproċessar ta’ data audio-viżwali li jsir għal għanijiet ta’ ġurnaliżmu jew għal għanijiet ta’ espressjoni letterarja jew artistika, partikolarment fil-qasam audio-viżiv, il-prinċipji tad-Direttiva għandhom japplikaw b’mod ristrett skond id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 9;
[…]
(27)
Billi l-protezzjoni ta’ individwi għandha tkun applikata kemm għal ipproċessar awtomatiku ta’ data u kemm għal ipproċessar manwali; billi l-iskop ta’ din il-protezzjoni m’għandux fil-fatt jiddependi mill-mezzi tekniċi użati, peress li dan jista’ joħloq riskju serju li dawn jistgħu jiġu skartati; billi, madankollu, dwar ipproċessar manwali, din id-Direttiva għandha x’taqsam biss ma’ sistemi ta’ skedar, mhux files mingħajr struttura; […]
[…]
(37)
Billi l-ipproċessar ta’ data personali għal għanijiet ta’ ġurnaliżmu jew għal għanijiet ta’ espressjoni letterarja jew artistika, partikolarment fil-qasam audio-viżwali, għandu jikkwalifika għal eżenzjoni minn ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva meta dan ikun meħtieġ biex issir rikonċiljazzjoni bejn id-drittijiet fundamentali ta’ individwi u l-libertà ta’ l-informazzjoni, u l-iktar mad-dritt li tingħata u tintbagħat informazzjoni, kif garantita partikolarment bl-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali [, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950]; billi Stati Membri għandhom għalhekk jistabbilixxu eżenzjonijiet u derogi meħtieġa għall-fini ta’ bilanċ bejn id-drittijiet fundamentali dwar miżuri ġenerali ta’ leġitimità ta’ l-ipproċessar tad-data, […]”
4
L-Artikolu 2 tad-Direttiva 95/46 kien jipprovdi:
“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:
(a)
“data personali” tfisser kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’); persuna identifikabbli huwa min jista’ jkun identifikat, direttament jew indirettament, partikolarment b’referenza għal numru ta’ identità jew għal fattur wieħed speċifiku jew aktar dwar l-identità fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali tiegħu;
(b)
“ipproċessar ta’ data personali” (‘ipproċessar’) tfisser kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jsiru fuq data personali, b’mezzi awtomatiċi jew mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, reġistrazzjoni, organizzazzjoni, ħażna, adattament jew bdil, rkupru, konsultazzjoni, użu, żvelar bi trasmissjoni, tixrid jew li xort’oħra jagħmlu l-ipproċessar disponibbli jew li jġibu allineament, taħlita, imblokk, tħassir jew distruzzjoni;
[…]
(d)
“kontrollur” tfisser persuna naturali jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor li waħdu jew flimkien ma’ oħrajn jiddetermina l-finijiet u l-mezzi ta’ l-ipproċessar ta’ data personali; meta l-finijiet u l-mezzi ta’ l-ipproċessar ikunu determinati minn liġijiet jew regolamenti nazzjonali jew tal-Komunità, il-kontrollur jew il-kriterji speċifiċi għan-nomina tiegħu jistgħu jkunu stabbiliti b’liġijiet nazzjonali jew tal-[Unjoni];
[…]”
5
L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Skop”, kien jipprevedi:
“1. Din id-Direttiva għandha tkun applikabbli għall-ipproċessar ta’ data personali fl-intier tiegħu jew parti minnu b’mezzi awtomatiċi, u għall-ipproċessar b’mezzi oħra mhux awtomatiċi ta’ data personali li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar jew li tkun maħsuba li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar.
2. Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali:
–
fil-kors ta’ attività li ma tkunx skond il-finijiet ta’ liġi tal-Komunità, bħalma huma dawk provduti fit-Titoli V u VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u fi kwalunkwe każ għal operazzjonijiet ta’ ipproċessar dwar sigurtà pubblika, difiża, sigurtà ta’ l-Istat (magħdud il-ġid ekonomiku ta’ l-Istat meta l-operazzjoni ta’ l-ipproċessar tkun dwar materji ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-attivitajiet ta’ l-Istat fl-oqsma tal-liġi kriminali,
–
minn persuna naturali meta fil-kors ta’ attività purament personali jew domestika.”
6
L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva kien ifformulat kif ġej:
“Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali jista’ jkun ipproċessat biss jekk:
[…]
(f)
l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet ta’ l-interessi leġittimi li jkollu l-kontrollur jew il-parti terza jew il-partijiet li lilhom ikun żvelat id-data, ħlief meta dawk l-interessi jiġu wara l-interessi ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jkun jeħtiġilhom protezzjoni skond l-Artikolu 1(1).”
7
L-Artikolu 9 tal-istess direttiva kien jipprovdi:
“Stati Membri għandhom jipprovdu għal eżenzjonijiet jew derogi mid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, il-Kapitolu IV u l-Kapitolu V dwar l-ipproċessar ta’ data personali magħmul biss għal għanijiet ġurnalistiċi jew għall-iskop ta’ espressjoni artistika jew letterarja jekk dawn ikunu meħtieġa biss biex jirrikonċiljaw id-dritt tal-ħajja parivata mar-regoli li jirregolaw il-libertà ta’ l-espressjoni.”
Id-dritt Latvjan
8
Skont l-Artikolu 1 tal-Fizisko personu datu aizsardzības likums (il-Liġi dwar il-Protezzjoni ta’ Data Personali) tat-23 ta’ Marzu 2000 (Latvijas Vēstnesis, 2000, Nru 123/124, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data”), l-għan tagħha huwa l-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali ta’ persuni fiżiċi u, b’mod partikolari, il-ħajja privata tagħhom, fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali tal-persuni fiżiċi.
9
Skont il-punt 3 tal-Artikolu 2 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data, “data personali” tfisser kull informazzjoni dwar persuna fiżika identifikata jew identifikabbli.
10
Skont il-punt 4 tal-Artikolu 2 ta’ din il-liġi, “ipproċessar ta’ data personali” ifisser kull operazzjoni applikata għal data personali, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, id-dħul, il-ħażna, l-adattament, it-tibdil, l-użu, it-trasferiment, it-trażmissjoni u t-tixrid, l-imblukkar jew t-tħassir tad-data.
11
L-Artikolu 3(1) tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data jipprovdi li din il-liġi, fid-dawl tal-eċċezzjonijiet previsti mill-imsemmija dispożizzjoni, tapplika għall-ipproċessar ta’ kull tip ta’ data personali u għal kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika jekk:
–
‑ il-kontrollur tad-data jkun irreġistrat fil-Latvja;
–
‑ l-ipproċessar tad-data jsir barra mill-fruntieri Latvjani, f’territorji li jappartjenu għar-Repubblika tal-Latvja skont ftehimiet internazzjonali;
–
‑ il-materjal użat għall-ipproċessar tad-data personali jinsab fit-territorju tar-Repubblika tal-Latvja, ħlief għall-każijiet fejn il-materjal jintuża biss għat-trasferiment ta’ data personali mit-territorju tar-Repubblika tal-Latvja.
12
L-Artikolu 3(3) tal-istess liġi jipprevedi li din ma tapplikax għall-ipproċessar ta’ data personali magħmul minn persuni fiżiċi għal finijiet personali jew domestiċi u familjali.
13
Skont l-Artikolu 5 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni ta’ Data Personali, l-Artikoli 7 sa 9, 11 u 21 tagħha japplikaw biss jekk id-data personali tiġi pproċessata għal finijiet ġurnalistiċi skont il-Par presi un citiem masu informācijas līdzekļiem likums (il-Liġi dwar l-Istampa u Midja Oħra), jew għal finijiet artistiċi jew letterarji, ħlief fil-każ ta’ dispożizzjoni legali kuntrarja.
14
L-Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar il-Protezzjoni ta’ Data Personali jipprevedi li meta tinġabar data personali mill-persuna kkonċernata, il-kontrollur għandu jipprovdi l-informazzjoni li ġejja, sakemm il-persuna kkonċernata ma tkunx diġà fil-pussess ta’ din l-informazzjoni:
–
‑ il-kunjom u l-isem, kif ukoll l-indirizz tal-kontrollur tad-data;
–
‑ l-iskop previst tal-ipproċessar tad-data personali.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
15
Meta kien jinsab fil-bini tal-għassa tal-pulizija nazzjonali, S. Buivids iffilmja l-għoti tax-xhieda tiegħu fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ksur amministrattiv.
16
S. Buivids ippubblika l-video li ġie ffilmjat b’dan il-mod (iktar ’il quddiem il-“video inkwistjoni”), li kien juri membri tal-pulizija u l-attività tagħhom fl-għassa, fuq is-sit Internet . Dan tal-aħħar huwa sit li jippermetti lill-utenti jippubblikaw, jaraw u jaqsmu videos.
17
Wara din il-pubblikazzjoni, l-Awtorità Nazzjonali għall-Protezzjoni tad-Data kkunsidra, f’deċiżjoni tat-30 ta’ Awwissu 2013, li S. Buivids kien kiser l-Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data, minħabba li ma kienx għarraf lill-membri tal-pulizija, fil-kwalità tagħhom bħala persuni kkonċernati, l-informazzjoni indikata f’din id-dispożizzjoni dwar l-iskop tal-ipproċessar tad-data personali li tikkonċernahom. S. Buivids lanqas ma kkomunika lill-Awtorità Nazzjonali dwar il-Protezzjoni tad-Data l-informazzjoni dwar l-iskop tar-reġistrazzjoni tal-video inkwistjoni u tal-pubblikazzjoni tiegħu fuq sit Internet, li turi li l-għan imfittex kien konformi mal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data. L-Awtorità Nazzjonali għall-Protezzjoni tad-Data għalhekk talbet lil S. Buivids jagħmel b’tali mod li dan il-video jitħassar mis-sit Internet u minn siti oħra fuq l-Internet.
18
S. Buivids ressaq azzjoni quddiem l-administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, il-Latvja) intiża sabiex din id-deċiżjoni tal-Awtorità Nazzjonali għall-Protezzjoni tad-Data tiġi ddikjarata illegali u sabiex jikseb kumpens għad-dannu li huwa jallega li ġarrab. S. Buivids indika fit-talba tiegħu li, permezz tal-pubblikazzjoni tal-video inkwistjoni, huwa pprova jiġbed l-attenzjoni tas-soċjetà dwar azzjoni tal-pulizija li huwa kkunsidra bħala illegali. L-imsemmija qorti ċaħdet din it-talba.
19
Permezz tas-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2015, l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, il-Latvja) ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn S. Buivids kontra d-deċiżjoni tal-administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali).
20
L-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali) ibbażat id-deċiżjoni tagħha fuq il-fatt li, fil-video inkwistjoni, kien possibbli li wieħed jara l-kummissarju tal-pulizija, diversi membri tal-pulizija fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom, li tinstema’ l-konverżazzjoni rreġistrata ma’ membri tal-pulizija matul l-eżekuzzjoni ta’ atti ta’ natura proċedurali, kif ukoll li jinstemgħu l-vuċijiet ta’ membri tal-pulizija, ta’ S. Buivids u ta’ sieħbu.
21
Barra minn hekk, ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat jekk għandux jipprevali d-dritt ta’ S. Buivids għal-libertà tal-espressjoni jew id-dritt ta’ persuni oħra għar-rispett tal-ħajja privata, peress li S. Buivids ma indikax l-iskop tal-pubblikazzjoni tal-video inkwistjoni. Bl-istess mod, dan il-video la ma juri avvenimenti attwali ta’ interess għas-soċjetà u lanqas aġir diżonest min-naħa tal-membri tal-pulizija. Peress li S. Buivids ma rreġistrax il-video inkwistjoni għal skopijiet ġurnalistiċi fis-sens tal-Liġi dwar l-Istampa u Midja Oħra, jew għal skopijiet letterarji jew artistiċi, l-Artikolu 5 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data ma japplikax.
22
L-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali) ikkonkludiet minn dan li, billi ffilmja membri tal-pulizija fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom mingħajr ma għarrafhom dwar l-iskop tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom, S. Buivids kien kiser l-Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data.
23
S. Buivids ippreżenta quddiem il-qorti tar-rinviju, l-Augstākā tiesa (il-Qorti Suprema, il-Latvja), appell ta’ kassazzjoni kontra s-sentenza tal-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali), filwaqt li invoka d-dritt tiegħu għal-libertà tal-espressjoni.
24
S. Buivids sostna b’mod partikolari li l-video inkwistjoni kien juri uffiċjali tal-pulizija nazzjonali, jiġifieri persuni pubbliċi f’post aċċessibbli għall-pubbliku, li ma jaqgħux, bħala tali, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi dwar il-protezzjoni tad-data.
25
Il-qorti tar-rinviju għandha dubji, minn naħa, fuq il-kwistjoni dwar jekk l-iffilmjar, f’għassa tal-pulizija, tal-membri tal-pulizija fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom u l-pubblikazzjoni tal-video rreġistrat b’dan il-mod fuq l-Internet jaqawx fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46. F’dan ir-rigward, għalkemm hija tal-opinjoni li l-aġir ta’ S. Buivids ma jaqax fl-eċċezzjonijiet tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, kif indikati fl-Artikolu 3(2) tagħha, hija tenfasizza madankollu li f’dan il-każ din hija kwistjoni ta’ reġistrazzjoni li seħħet darba waħda biss u li S. Buivids iffilmja membri tal-pulizija fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet pubbliċi tagħhom, jiġifieri meta huma kienu jirrappreżentaw l-awtorità pubblika. Issa, filwaqt li tirreferi għall-punt 95 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Rīgas satiksme (C‑13/16, EU:C:2017:43), il-qorti tar-rinviju tirrileva li t-tħassib prinċipali li jiġġustifika l-fatt li d-data personali tkun protetta huwa r-riskju marbut mal-ipproċessar tagħha fuq skala kbira.
26
Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “għall-finijiet biss ta’ ġurnaliżmu”, li jinsab fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 95/46, kif ukoll dwar jekk dan il-kunċett jistax ikopri fatti bħal dawk li huwa kkritikat bihom S. Buivids.
27
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Augstākā tiesa (il-Qorti Suprema, il-Latvja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“(1)
L-azzjonijiet bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża (li jinġibdu filmati ta’ membri tal-pulizija f’għassa tal-pulizija matul l-eżekuzzjoni ta’ atti ta’ natura proċedurali u l-pubblikazzjoni tal-video hekk irreġistrat fis-sit internet ) jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46?
(2)
Id-Direttiva 95/46 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-azzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jistgħu jitqiesu bħala trattament ta’ data ta’ natura personali għall-finijiet tal-ġurnaliżmu fis-sens tal-Artikolu 9 tad-Direttiva [95/46]?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
28
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3 tad-Direttiva 95/46 għandux jiġi interpretat fis-sens li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva r-reġistrazzjoni video ta’ membri tal-pulizija fi ħdan għassa ta’ pulizija, waqt għoti ta’ xhieda, u l-pubblikazzjoni tal-video rreġistrat b’dan il-mod fuq sit Internet ta’ videos fejn l-utenti jistgħu jibagħtu, jaraw u jaqsmu dawn tal-aħħar.
29
Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva, din tapplika “għall-ipproċessar ta’ data personali fl-intier tiegħu jew parti minnu b’mezzi awtomatiċi, u għall-ipproċessar b’mezzi oħra mhux awtomatiċi ta’ data personali li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar jew li tkun maħsuba li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar”.
30
Il-kunċett ta’ “data personali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jinkludi, skont id-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(a) ta’ din id-direttiva “kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli”. Titqies bħala identifikabbli “[…] min jista’ jkun identifikat, direttament jew indirettament, partikolarment b’referenza […] għal fattur wieħed speċifiku jew aktar dwar l-identità fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali tiegħu”.
31
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-immaġni ta’ persuna rreġistrata permezz ta’ kamera tikkostitwixxi “data personali” fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46, sa fejn hija tippermetti li tiġi identifikata l-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Ryneš, C‑212/13, EU:C:2014:2428, punt 22).
32
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li huwa possibbli li wieħed jara u jisma’ l-membri tal-pulizija fil-video inkwistjoni, b’tali mod li l-immaġni tal-persuni rreġistrati b’dan il-mod għandhom jiġu kkunsidrati li huma wkoll jikkostitwixxu data personali, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46.
33
Fir-rigward tal-kunċett ta’ “ipproċessar ta’ data personali”, dan huwa ddefinit fl-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 95/46 bħala “kull operazzjoni jew [kull] sett ta’ operazzjonijiet […] fuq data personali, b’mezzi awtomatiċi jew mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, reġistrazzjoni, organizzazzjoni, ħażna, adattament jew bdil, rkupru, konsultazzjoni, użu, żvelar bi trasmissjoni, tixrid jew li xort’oħra jagħmlu l-ipproċessar disponibbli jew li jġibu allineament, taħlita, imblokk, tħassir jew distruzzjoni”.
34
Fil-kuntest ta’ sistema ta’ sorveljanza bil-video, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li reġistrazzjoni video tal-persuni miżmuma f’apparat ta’ reġistrazzjoni kontinwa, jiġifieri l-hard disk ta’ din is-sistema, tikkostitwixxi, skont l-Artikolu 2(b) u l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 95/46, ipproċessar ta’ data personali b’mezzi awtomatiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Ryneš, C‑212/13, EU:C:2014:2428, punti 23 u 25).
35
Waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, S. Buivids iddikjara li huwa uża kamera tar-ritratti diġitali sabiex jirreġistra l-video inkwistjoni. Din hija reġistrazzjoni video tal-persuni miżmuma f’apparat ta’ reġistrazzjoni kontinwa, jiġifieri l-memorja tal-imsemmija kamera. Għalhekk, tali reġistrazzjoni tikkostitwixxi pproċessar ta’ data personali awtomatizzat, fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva.
36
F’dan ir-rigward, il-fatt li tali reġistrazzjoni seħħet darba waħda biss ma jaffettwax il-kwistjoni dwar jekk din l-operazzjoni taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) tagħha, l-imsemmija direttiva tapplika għal “kull operazzjoni” li tikkostitwixxi pproċessar ta’ data personali, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.
37
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-operazzjoni li tikkonsisti fit-tqegħid ta’ data personali fuq paġna tal-Internet għandha wkoll tiġi kkunsidrata bħala tali pproċessar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist, C‑101/01, EU:C:2003:596, punt 25, kif ukoll tat-13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google, C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 26).
38
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja, barra minn hekk, speċifikat li tqegħid ta’ informazzjoni fuq paġna tal-Internet jimplika t-twettiq ta’ operazzjoni ta’ tqegħid ta’ din il-paġna fuq server kif ukoll tal-operazzjonijiet meħtieġa sabiex din il-paġna tkun aċċessibbli għall-persuni b’konnessjoni mal-Internet. Dawn l-operazzjonijiet jitwettqu, tal-inqas parzjalment, b’mod awtomatizzat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist, C‑101/01, EU:C:2003:596, punt 26).
39
Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-pubblikazzjoni fuq sit Internet ta’ videos fejn l-utenti jistgħu jibagħtu, jaraw u jaqsmu dawn tal-aħħar, bħall-video inkwistjoni, li fuqu hemm data personali, tikkostitwixxi pproċessar awtomatizzat b’mod sħiħ jew parzjali, fis-sens tal-Artikolu 2(b) u tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 95/46.
40
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46, din tal-aħħar ma tapplikax għal żewġ tipi ta’ operazzjonijiet ta’ pproċessar ta’ data personali. Dawn huma, minn naħa, dawk imwettqa għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, bħalma huma dawk previsti fit-Titoli V u VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea fil-verżjoni tiegħu qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, u, fi kwalunkwe każ, l-ipproċessar li għandu bħala għan is-sigurtà pubblika, id-difiża, is-sigurtà tal-Istat u l-attivitajiet tal-Istat relatati mal-oqsma tal-liġi kriminali. L-imsemmija dispożizzjoni teskludi, minn naħa, l-ipproċessar ta’ data personali mwettaq minn persuna fiżika għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet li huma esklużivament personali jew domestiċi.
41
Sa fejn huma jirrendu inapplikabbli s-sistema ta’ protezzjoni tad-data personali prevista mid-Direttiva 95/46 u jiddevjaw għalhekk mill-għan sottostanti tagħha, li tikkonsisti li tiżgura l-protezzjoni tal-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali, bħalma huma d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja kif ukoll id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, żgurati mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“Karta”), l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva għandhom jiġu interpretati b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 2017, Puškár, C‑73/16, EU:C:2017:725, punt 38, u tal-10 ta’ Lulju 2018, Jehovan todistajat, C‑25/17, EU:C:2018:551, punt 37).
42
F’dak li jirrigwarda l-każ fil-kawża prinċipali, mill-elementi ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, minn naħa, ir-reġistrazzjoni u l-pubblikazzjoni tal-video inkwistjoni ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala pproċessar ta’ data personali mwettaq fl-eżerċizzju ta’ attivitajiet li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, jew bħala pproċessar li għandu bħala għan is-sigurtà pubblika, id-difiża, is-sigurtà tal-Istat u l-attivitajiet tal-Istat fil-qasam tal-liġi kriminali, fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-attivitajiet imsemmija bħala eżempji mill-imsemmija dispożizzjoni, fi kwalunkwe każ, huma attivitajiet li huma speċifiċi għall-Istati jew għall-awtoritajiet Statali, li ma humiex marbuta mal-oqsma ta’ attività tal-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2017, Puškár, C‑73/16, EU:C:2017:725, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).
43
Min-naħa l-oħra, sa fejn S. Buivids ippubblika, mingħajr restrizzjoni ta’ aċċess, il-video inkwistjoni fuq sit Internet ta’ videos fejn l-utenti jistgħu jibagħtu, jaraw u jaqsmu dawn tal-aħħar, b’tali mod li jirrendi aċċessibbli data personali għal numru indefinit ta’ persuni, l-ipproċessar ta’ data personali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqax fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ attivitajiet esklużivament personali jew domestiċi (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist, C‑101/01, EU:C:2003:596, punt 47; tas-16 ta’ Diċembru 2008, Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia, C‑73/07, EU:C:2008:727, punt 44; tal-11 ta’ Diċembru 2014, Ryneš, C‑212/13, EU:C:2014:2428, punti 31 u 33, kif ukoll tal-10 ta’ Lulju 2018, Jehovan todistajat, C‑25/17, EU:C:2018:551, punt 42).
44
Barra minn hekk, it-twettiq ta’ reġistrazzjoni video ta’ membri tal-pulizija fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom ma huwiex ta’ natura li jeskludi tali tip ta’ pproċessar tad-data personali mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46.
45
Fil-fatt, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 29 tal-konklużjonijiet tagħha, din id-direttiva ma tipprevedi l-ebda eċċezzjoni li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva l-ipproċessar ta’ data personali li jikkonċerna uffiċjali.
46
Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-fatt li informazzjoni taqa’ fil-kuntest ta’ attività professjonali ma hijiex ta’ natura li tostakola l-kwalifika tagħha ta’ “data personali” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth u PAN Europe vs EFSA, C‑615/13 P, EU:C:2015:489, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).
47
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 95/46 għandu jiġi interpretat fis-sens li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva r-reġistrazzjoni video ta’ membri tal-pulizija f’għassa, waqt l-għoti ta’ xhieda, u l-pubblikazzjoni tal-video rreġistrat b’dan il-mod fuq sit Internet ta’ videos fejn l-utenti jistgħu jibagħtu, jaraw u jaqsmu dawn tal-aħħar.
Fuq it-tieni domanda
48
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9 tad-Direttiva 95/46 għandux jiġi interpretat fis-sens li ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri r-reġistrazzjoni video ta’ membri tal-pulizija f’għassa, waqt għoti ta’ xhieda, u l-pubblikazzjoni tal-video rreġistrat b’dan il-mod fuq sit Internet ta’ videos fejn l-utenti jistgħu jibagħtu, jaraw u jaqsmu dawn dawn tal-aħħar, jikkostitwixxu pproċessar ta’ data personali għall-finijiet ta’ ġurnaliżmu, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.
49
Għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-għan tagħha u tas-sistema li hija tistabbilixxi (sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia, C‑73/07, EU:C:2008:727, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).
50
F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 95/46 jirriżulta li l-għan tagħha huwa li l-Istati Membri, filwaqt li jippermettu ċ-ċirkulazzjoni libera ta’ data personali, jiżguraw il-protezzjoni tal-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari tal-ħajja privata tagħhom, fir-rigward tal-ipproċessar tal-imsemmija data. Dan l-għan, madankollu, ma jistax jintlaħaq jekk ma jittiħidx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-imsemmija drittijiet fundamentali għandhom ikunu rrikonċiljati, sa ċertu punt, mad-dritt fundamentali tal-libertà tal-spressjoni. Il-premessa 37 ta’ din id-direttiva tispeċifika li l-Artikolu 9 tagħha għandu l-għan li jirrikonċilja żewġ drittijiet fundamentali, jiġifieri, minn naħa, il-protezzjoni tal-ħajja privata, u min-naħa l-oħra, il-libertà tal-espressjoni. Dan il-kompitu huwa tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia, C‑73/07, EU:C:2008:727, punti 52 sa 54).
51
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-importanza tal-libertà tal-espressjoni f’kull soċjetà demokratika, għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’ l-kunċetti marbuta magħha, fosthom dak tal-ġurnaliżmu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia, C‑73/07, EU:C:2008:727, punt 56).
52
Għalhekk, mix-xogħlijiet preparatorji tad-Direttiva 95/46 jirriżulta li l-eżenzjonijiet u d-derogi previsti fl-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva ma japplikawx biss għall-impriżi tal-midja, iżda wkoll għall-persuni kollha li jiżvolġu attività ġurnalistika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia, C‑73/07, EU:C:2008:727, punt 58).
53
Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-“attivitajiet ġurnalistiċi” huma dawk li għandhom bħala għan it-tixrid ta’ informazzjoni, ta’ opinjonijiet jew ta’ ideat lill-pubbliku, bi kwalunkwe mezz użat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia, C‑73/07, EU:C:2008:727, punt 61).
54
Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, f’dan il-każ, l-ipproċessar tad-data personali mwettaq minn S. Buivids jissodisfax dan l-għan, xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi lil din il-qorti l-elementi ta’ interpretazzjoni neċessarji għall-evalwazzjoni li għandha tagħmel.
55
Għalhekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punti 52 u 53 ta’ din is-sentenza, il-fatt li S. Buivids ma jeżerċitax il-ġurnaliżmu bħala professjoni ma jidhirx li huwa ta’ natura li jeskludi li r-reġistrazzjoni tal-video inkwistjoni kif ukoll il-pubblikazzjoni tiegħu fuq is-sit Internet ta’ videos fejn l-utenti jistgħu jibagħtu, jaraw u jaqsmu dawn tal-aħħar jistgħu jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni.
56
B’mod partikolari, il-fatt, li S. Buivids, qiegħed din ir-reġistrazzjoni onlajn fuq tali sit Internet, f’dan il-każ , ma jistax, fih innifsu, ineħħi minn dan l-ipproċessar ta’ data personali l-kwalità li twettaq “għall-finijiet biss ta’ ġurnaliżmu”, fis-sens tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 95/46.
57
Fil-fatt, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni u l-multiplikazzjoni tal-mezzi ta’ komunikazzjoni u ta’ tixrid tal-informazzjoni. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġa ddeċidiet li l-mezz li jintuża għat-trażmissjoni ta’ data pproċessata, klassiku bħall-karta jew l-frekwenzi tar-radju, jew elettroniku bħall-Internet, ma huwiex determinanti għall-evalwazzjoni dwar jekk hijiex attività “għall-finijiet biss ta’ ġurnaliżmu” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia, C‑73/07, EU:C:2008:727, punt 60).
58
Madankollu, kif irrilevat essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tagħha, ma jistax jiġi kkunsidrat li kull informazzjoni ppubblikata fuq l-Internet, li tirrigwarda data personali, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “attivitajiet ġurnalistiċi” u tibbenefika għal dan il-għan mill-eżenzjonijiet u mid-derogi previsti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 95/46.
59
F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk jirriżultax mill-video inkwistjoni li r-reġistrazzjoni u l-pubblikazzjoni tal-imsemmi video kellhomx bħala uniku skop it-tixrid lill-pubbliku ta’ informazzjoni, ta’ opinjonijiet jew ta’ ideat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia, C‑73/07, EU:C:2008:727, punt 62).
60
Għal dan il-għan, il-qorti tar-rinviju tista’ b’mod partikolari tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, skont S. Buivids, il-video inkwistjoni ġie ppubblikat fuq sit Internet sabiex tinġibed l-attenzjoni tas-soċjetà dwar il-prattiki allegatament irregolari tal-pulizija li ġew żvolti waqt l-għoti ta’ xhieda tiegħu.
61
Madankollu, għandu jiġi speċifikat li l-konstatazzjoni ta’ tali prattiki irregolari ma tikkostitwixxix kundizzjoni għall-applikabbiltà tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 95/46.
62
Għall-kuntrarju, jekk jirriżulta li r-reġistrazzjoni u l-pubblikazzjoni ta’ dan il-video ma kellhomx bħala l-uniku skop tagħhom it-tixrid lill-pubbliku ta’ informazzjoni, ta’ opinjonijiet jew ta’ ideat, ma jkunx jista’ jiġi kkunsidrat li l-ipproċessar tad-data personali inkwistjoni fil-kawża prinċipali twettaq “għall-finijiet biss ta’ ġurnaliżmu”.
63
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-eżenzjonijiet u d-derogi previsti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 95/46 għandhom jiġu applikati biss esklużivament fil-każ fejn ikunu neċessarji sabiex jiġu rrikonċiljati żewġ drittijiet fundamentali, jiġifieri d-dritt għall-protezzjoni tal-ħajja privata u dak tal-libertà tal-espressjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia, C‑73/07, EU:C:2008:727, punt 55).
64
Għalhekk, sabiex jintlaħaq bilanċ korrett bejn dawn iż-żewġ drittijiet fundamentali, il-protezzjoni tad-dritt fundamentali għall-ħajja privata teżiġi li d-derogi u l-limitazzjonijiet għall-protezzjoni tad-data previsti fil-Kapitoli II, IV u VI tad-Direttiva 95/46, għandhom jiġu applikati fil-limiti ta’ dak li jkun strettament neċessarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia, C‑73/07, EU:C:2008:727, punt 56).
65
Għandu jitfakkar li l-Artikolu 7 tal-Karta, dwar id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, jinkludi drittijiet li jikkorrispondu għal dawk żgurati mill-Artikolu 8(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), u li għalhekk, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, l-Artikolu 7 għandu jingħata l-istess sens u l-istess portata bħall-Artikolu 8(1) tal-KEDB, kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses, C‑419/14, EU:C:2015:832, punt 70). L-istess japplika fir-rigward tal-Artikolu 11 tal-Karta u tal-Artikolu 10 tal-KEDB (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et, C‑547/14, EU:C:2016:325, punt 147).
66
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex jitwettaq bilanċ bejn id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u d-dritt tal-libertà tal-espressjoni, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem żviluppat sensiela ta’ kriterji rilevanti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-kontribut għal dibattitu ta’ interess pubbliku, in-notorjetà tal-persuna kkonċernata, is-suġġett tar-rapport, l-aġir preċedenti tal-persuna kkonċernata, il-kontenut, il-forma u l-konsegwenzi tal-pubblikazzjoni, il-mod u ċ-ċirkustanzi li fihom tkun inkisbet l-informazzjoni kif ukoll il-veraċità tagħhom (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 27 ta’ Ġunju 2017, Satakunnan Markkinapörssi Oy u Satamedia Oy vs il-Finlandja, CE:ECHR:2017:0627JUD000093113, § 165). Bl-istess mod, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-possibbiltà li l-kontrollur jadotta miżuri li jnaqqsu l-livell ta’ ndħil fid-dritt għall-ħajja privata.
67
F’dan il-każ, mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ma jistax jiġi eskluż li r-reġistrazzjoni u l-pubblikazzjoni tal-video inkwistjoni, li seħħew mingħajr ma l-persuni kkonċernati ġew informati dwar din ir-reġistrazzjoni u l-iskopijiet tagħha, jikkostitwixxu ndħil fid-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata ta’ dawn il-persuni, jiġifieri l-membri tal-pulizija li jidhru f’dan il-video.
68
Jekk jirriżulta li r-reġistrazzjoni u l-pubblikazzjoni tal-video inkwistjoni kellhom biss bħala skop it-tixrid lill-pubbliku ta’ informazzjoni, ta’ opinjonijiet jew ta’ ideat, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk l-eżenzjonijiet u d-derogi previsti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 95/46 huma neċessarji sabiex jiġu rrikonċiljati d-dritt għall-ħajja privata mar-regoli li jistabbilixxu l-libertà tal-espressjoni, u jekk dawn l-eżenzjonijiet u d-derogi għandhomx japplikaw fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju.
69
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 9 tad-Direttiva 95/46 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri r-reġistrazzjoni video ta’ membri tal-pulizija f’għassa, waqt għoti ta’ xhieda, u l-pubblikazzjoni tal-video rreġistrat b’dan il-mod fuq sit Internet ta’ videos fejn l-utenti jistgħu jibagħtu, jaraw u jaqsmu dawn dawn tal-aħħar, jistgħu jikkostitwixxu pproċessar ta’ data personali għall-finijiet biss ta’ ġurnaliżmu, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sa fejn jirriżulta mill-imsemmi video li l-imsemmija reġistrazzjoni u l-imsemmija pubblikazzjoni għandhom bħala uniku skop it-tixrid lill-pubbliku ta’ informazzjoni, ta’ opinjonijiet jew ta’ ideat, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.
Fuq l-ispejjeż
70
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1)
L-Artikolu 3 tad-Direttiva 95/46 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, għandu jiġi interpretat fis-sens li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva r-reġistrazzjoni video ta’ membri tal-pulizija f’għassa, waqt għoti ta’ xhieda, u l-pubblikazzjoni tal-video rreġistrat b’dan il-mod fuq sit Internet ta’ videos fejn l-utenti jistgħu jibagħtu, jaraw u jaqsmu dawn tal-aħħar.
2)
L-Artikolu 9 tad-Direttiva 95/46 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri r-reġistrazzjoni video ta’ membri tal-pulizija f’għassa, waqt għoti ta’ xhieda, u l-pubblikazzjoni tal-video rreġistrat b’dan il-mod fuq sit Internet ta’ videos fejn l-utenti jistgħu jibagħtu, jaraw u jaqsmu dawn dawn tal-aħħar, jistgħu jikkostitwixxu pproċessar ta’ data personali għall-finijiet biss ta’ ġurnaliżmu, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sa fejn jirriżulta mill-imsemmi video li l-imsemmija reġistrazzjoni u l-imsemmija pubblikazzjoni għandhom bħala uniku skop it-tixrid lill-pubbliku ta’ informazzjoni, ta’ opinjonijiet jew ta’ ideat, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.
Firem
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.
Full & Egal Universal Law Academy