18.4.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 121/15
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (Franza) fit-30 ta’ Jannar 2017 – Frédéric Jahin vs Ministre de l'économie et des finances, Ministre des affaires sociales et de la santé
(Kawża C-45/17)
(2017/C 121/21)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Qorti tar-rinviju
Conseil d’État
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Frédéric Jahin
Konvenuti: Ministre de l’économie et des finances, Ministre des affaires sociales et de la santé
Domandi preliminari
L-Artikoli 63, 64 u 65 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
1)
il-fatt li persuna affiljata ma’ skema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Terz għall-Unjoni Ewropea, li ma huwiex wieħed mill-Istati Membri taż-Żona Ekonomika Ewropea jew l-Isvizzera, tkun suġġetta, bħall-persuni affiljati mas-sigurtà soċjali fi Franza, għall-ġbir mid-dħul tal-kapital previst mil-leġiżlazzjoni Franċiża li tidħol fil-kamp tar-Regolament [(KE) Nru 883/2004] (1) tad-29 ta’ April 2004, filwaqt li persuna li taqa’ taħt skema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru, li ma huwiex Franza, ma tistax, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, tkun hekk suġġetta, jikkostitwixxi restrizzjoni għall-movimenti tal-kapital li jiġi jew li jkun iddestinat lejn pajjiżi terzi, bħala prinċipju pprojbit mill-Artikolu 63 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
2)
fil-każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda, restrizzjoni għall-movimenti tal-kapital bħal din, li tirriżulta mill-kombinazzjoni ta’ leġiżlazzjoni Franċiża, li tissuġġetta għall-ġbir fit-tilwima l-proprjetarji kollha ta’ ċertu dħul tal-kapital mingħajr ma twettaq hija stess ebda distinzjoni skont il-post fejn ikunu affiljati ma’ skema ta’ sigurtà soċjali, u ta’ att tad-dritt idderivat tal-Unjoni Ewropea, tista’ titqies li hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi artikolu tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari:
—
fir-rigward tal-Artikolu 64(1) tat-Trattat, għall-movimenti tal-kapital li jidħlu fil-kamp tiegħu, minħabba li r-restrizzjoni tirriżulta mill-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni previst fl-Artikolu 11 tar-Regolament tad-29 ta’ April 2004, introdott fid-dritt tal-Unjoni mill-Artikolu 13 tar-Regolament tal-14 ta’ Ġunju 1971, jiġifieri f’data li taqa’ qabel il-31 ta’ Diċembru 1993, minkejja li l-ġbir fuq id-dħul tal-kapital inkwistjoni kien ġie stabbilit jew kien sar applikabbli wara l-31 ta’ Diċembru 1993;
—
fir-rigward tal-Artikolu 65(1) tat-Trattat, minħabba li l-leġiżlazzjoni fiskali Franċiża, applikata b’mod konformi mar-Regolament tad-29 ta’ April 2004, tistabbilixxi distinzjoni bejn kontribwenti li ma jinsabux fl-istess sitwazzjoni fid-dawl tal-kriterju li jirriżulta mill-affiljazzjoni ma’ skema ta’ sigurtà soċjali;
—
fir-rigward tal-eżistenza ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet li jitqiesu li jikkostitwixxu restrizzjoni għall-movimenti tal-kapital li jiġi jew li jkun idddestinat għal pajjiżi terzi li jissodisfaw l-għan, segwit mir-Regolament tad-29 ta’ April 2004, ta’ moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni Ewropea?
(1) Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5 Vol. 5, p. 72).
Full & Egal Universal Law Academy