8.5.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 144/21
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (l-Awstrija) fl-1 ta’ Frar 2017 – VTB Bank (Austria) AG
(Kawża C-52/17)
(2017/C 144/27)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Bundesverwaltungsgericht
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: VTB Bank (Austria) AG
Konvenuta: Österreichische Finanzmarktaufsicht
Domandi preliminari
1)
Dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju tal-Unjoni (b’mod partikolari, pereżempju, l-Artikoli 64 jew 65(1) tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (1)) huma applikabbli għad-deċiżjoni li permezz tagħha l-awtoritajiet imponew interessi skont dispożizzjoni legali ta’ Stat Membru li tipprovdi li, fil-każ ta’ eċċess tal-limitu applikabbli għar-riskji kbar previst fl-Artikolu 395(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (2), għandhom jiġu imposti, fuq l-istabbiliment ta’ kreditu, interessi ta’ 2 % tal-eċċess tal-limitu applikabbli għar-riskji kbar, ikkalkolati fuq bażi annwali, għal tletin jum?
2)
Id-dritt tal-Unjoni (b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) u (5) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012, fil-verżjoni kkoreġuta bir-rettifika, ĠU L 321 tat-30 ta’ Novembru 2013, p. 6) jipprekudi dispożizzjoni nazzjonali bħal dik li kienet stabbilita fil-punt 4 tal-Artikolu 97(1) tal-Bankwesengesetz (liġi dwar is-sistema bankarja) (fil-verżjoni tal-BGB1. I Nr. 532/2014) fejn, minkejja l-fatt li l-kundizzjonijiet għal deroga previsti fl-Artikolu 395(5) ikunu ssodisfatti, jiġu imposti interessi (ta’ rkupru) minħabba ksur tal-Artikolu 395(1)?
3)
L-Artikolu 48(3) tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/17) (3), tas-16 ta’ April 2014, li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati (Regolament Qafas tal-MSU), għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ jitqies li jkun hemm “proċedura superviżorja mibdija formalment” meta impriża tissottometti rapport lill-awtorità ta’ superviżjoni, jew jista’ jitqies li hemm “proċedura superviżorja mibdija formalment” meta l-awtorità ta’ superviżjoni tkun diġà tat deċiżjoni fi proċedura parallela mibdija kontra ksur simili mwettaq matul perijodi preċedenti?
(1) ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338
(2) ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1
(3) Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew, tas-16 ta’ April 2014, li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati (Regolament Qafas tal-MSU) (ĠU L 141, p. 1)
Full & Egal Universal Law Academy