6.6.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 178/5
Appell ippreżentat fil-15 ta’ Frar 2017 minn Mondelez UK Holdings & Services Ltd, li kienet Cadbury Holdings Ltd mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali ((Il-Ħames Awla) fil-15 ta’ Diċembru 2016 fil-Kawża T-112/13 – Mondelez UK Holdings & Services Ltd vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea
(Kawża C-85/17 P)
(2017/C 178/05)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Mondelez UK Holdings & Services Ltd, li kienet Cadbury Holdings Ltd (rappreżentanti: T. Mitcheson QC, Barrister, P. Walsh, J. Blum u S. Dunstan, Solicitors)
Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea, Société des produits Nestlé SA
Talbiet
—
tannulla l-partijiet segwenti mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali mogħtija fil-Kawża T-112/13:
1)
ir-raġunament dwar it-tieni parti tal-ewwel motiv espost fil-punti 37 sa 44;
2)
ir-raġunament dwar l-ewwel parti tal-ewwel motiv espost fil-punti 58 sa 63;
3)
ir-raġunament dwar it-tielet parti tal-ewwel motiv espost fil-punti 78 sa 111; u
4)
ir-raġunament dwar ir-raba’ parti tal-ewwel motiv, kif espost fil-punti 144 sa 169 kif ukoll il-parti tal-punt 177 li tindika “[m]inkejja li ġie stabbilit li t-trade mark ikkontestata kienet kisbet karattru distintiv bl-użu fid-Danimarka, fil-Ġermanja, fi Franza, fl-Italja, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fl-Awstrija, fil-Finlandja, fl-Isvezja u fir-Renju Unit”.
Aggravji u argumenti prinċipali
1)
Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali espost fil-punti 37 sa 44 tas-sentenza huwa ġuridikament żbaljat sa fejn jikkonċerna t-tieni parti tal-ewwel motiv espost fil-punti 37 sa 44. It-tieni parti tikkonċerna l-użu tat-trade mark għall-prodotti kollha li għalihom ġiet irreġistrata. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ddeċidiet li l-użu fil-kummerċ ta’ biċċa ċikkulata magħmula minn erba’ strixxi forma ta’ trapezju kellu jiġi kklassifikat fil-kategorija ta’ ħelu jew gallettini.
2)
Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali espost fil-punti 58 sa 64 tas-sentenza dwar l-ewwel parti tal-ewwel motiv huwa ġuridikament żbaljat. L-ewwel parti tikkonċerna l-użu tat-trade mark fil-forma li fiha hija ġiet irreġistrata. Mondelez issostni li t-trade mark bl-ebda mod ma ġiet użata taħt din il-forma. Il-Qorti Ġenerali applikat kriterji ġuridiċi żbaljati (i) billi ma tatx biżżejjed importanza lill-konklużjoni tagħha li l-biċċa ċikkulata kienet f’forma li kienet tiġi f’moħħ dak li jkun b’mod naturali għall-prodotti inkwistjoni; u (ii) billi bbażat ruħha fuq “assoċjazzjoni spontanja u immedjata” stabbilita bejn il-forma u l-kelma KITKAT kontra l-preskrizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza C-215/14.
3)
Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali espost fil-punti 78 sa 111 tas-sentenza dwar it-tielet part tal-ewwel motiv huwa ġuridikament żbaljat. Din il-parti tikkonċerna n-nuqqas ta’ użu tat-trade mark bħala indikatur tal-oriġni u l-provi prodotti f’dan ir-rigward. Il-Qorti Ġenerali applikat kriterju ġuridiku żbaljat meta bbażat ruħha fuq il-konklużjonijiet ta’ rikonoxximent jew ta’ assoċjazzjoni. L-approċċ it-tajjeb jikkonsisti f’li ssir id-domanda dwar jekk fl-ambjent ikkonċernat dan il-prodott jew servizz kopert minn din it-trade mark biss, u mhux bi kwalunkwe trade mark oħra li tista’ wkoll tkun preżenti, huwiex ipperċepit bħala li joriġina minn impriża partikolari, skont ir-raġunament espost mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza C-215/14.
4)
Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali espost fil-punti 144 sa 169 tas-sentenza u fil-passaġġ fil-punt 177 li jindika “minkejja li ġie stabbilit li t-trade mark ikkontestata kienet kisbet karattru distintiv bl-użu fid-Danimarka, fil-Ġermanja, fi Franza, fl-Italja, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fl-Awstrija, fil-Finlandja, fl-Isvezja u fir-Renju Unit” huwa ġuridikament żbaljat għal dak li jikkonċerna r-raba’ parti tal-ewwel motiv. Ir-raba’ parti tikkonċerna n-nuqqas ta’ prova ta’ karattru distintiv miksub bl-użu tat-trade mark fl-Unjoni Ewropea kollha. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet ġustament li Nestlé ma kinitx ipprovat li t-trade mark kienet kisbet karattru distintiv fl-Unjoni Ewropea kollha u Mondelez ma tixtieqx tikkontesta din id-deċiżjoni. Madankollu, Mondelez ma tammettix li Nestlé stabbiliet f’xi mument partikolari, il-karattru distintiv miksub mit-trade mark f’10 Stati Membri tal-Unjoni għall-prodotti li għalihom it-trade mark ġiet irreġistrata jew sempliċement karattru distintiv. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta applikat kriterju ġuridiku żbaljat għal kull wieħed mill-Istati Membri inkwistjoni peress li la r-rikonoxximent u lanqas l-attribuzzjoni jew l-assoċjazzjoni ma huma ekwivalenti għall-perċezzjoni mill-konsumaturi relevanti tat-trade mark bħala li tindika oriġini, kif meħtieġ mir-rekwiżit stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza C-215/14.
Full & Egal Universal Law Academy