15.5.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 151/19
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo (Spanja) fit-23 ta’ Frar 2017 – Rafael Ramón Escobedo Cortés vs Banco de Sabadell S.A.
(Kawża C-94/17)
(2017/C 151/25)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Qorti tar-rinviju
Tribunal Supremo
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Rafael Ramón Escobedo Cortés
Konvenuti: Banco de Sabadell S.A.
Domandi preliminari
1)
L-Artikolu 3, moqri flimkien mal-punt 1(e) tal-Anness u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE (1), jipprekludu interpretazzjoni ġurisprudenzjali li tiddikjara li l-klawżola ta’ kuntratt ta’ self li tistabbilixxi rata ta’ interessi moratorji li tirrappreżenta żieda ta’ iktar minn żewġ punti perċentwali fuq ir-rata ta’ interessi remuneratorji annwali stabbilita fil-kuntratt tikkostitwixxi kumpens sproporzjonalment għoli impost fuq il-konsumatur li jkun baqa’ inadempjenti fil-ħlas u hija, konsegwentement, inġusta?
2)
L-Artikolu 3, moqri flimkien mal-punt 1(e) tal-Anness, l-Artikoli 4(1), 6(1) u 7(1) tad-Direttiva 93/13/KEE, jipprekludu interpretazzjoni ġurisprudenzjali li, sabiex tiġi deċiża n-natura inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt ta’ self li jistabbilixxi r-rata ta’ interessi moratorji, tidentifika bħala suġġett tal-istħarriġ tan-natura inġusta l-ispiża addizzjonali li din ir-rata tirrappreżenta meta mqabbla mar-rata ta’ interessi remuneratorji, sa fejn din tikkostitwixxi “kumpens sproporzjonalment għoli impost fuq il-konsumatur li ma jwettaqx l-obbligi tiegħu” u li tistabbilixxi li l-konsegwenza tal-konstatazzjoni ta’ din in-natura inġusta għandha tkun it-tħassir totali ta’ din l-ispiża addizzjonali, b’tali mod li huma biss l-interessi remuneratorji li għandhom jibqgħu jiddekorru sar-rimbors tas-self?
3)
F’każ ta’ risposta pożittiva għat-tieni domanda, l-annullament ta’ klawżola li tistabbilixxi r-rata ta’ interessi moratorji minħabba n-nautra inġusta tagħha għandu jkollha effetti oħra sabiex tkun kompatibbli mad-Direttiva 93/13/KEE, bħal pereżempju t-tħassir tal-maturazzjoni tal-interessi kollha, kemm remuneratorji kif ukoll moratorji, meta l-persuna li tissellef tibqa’ inadempjenti fl-obbligu tagħha li tirrimborsa s-self fl-iskadenzi previsti fil-kuntratt jew inkella il-maturazzjoni tal-interessi legali?
(1) Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288)