29.5.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 168/21
Appell ippreżentat fl-24 ta’ Frar 2017 minn Gul Ahmed Textile Mills Ltd mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fil-15 ta’ Diċembru 2016 fil-Kawża T-199/04 RENV: Gul Ahmed Textile Mills Ltd vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
(Kawża C-100/17 P)
(2017/C 168/28)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Gul Ahmed Textile Mills Ltd (rappreżentanti: L. Ruessmann, avukat, J. Beck, Solicitor)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tiddikjara l-appell ammissibbli u fondat;
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali;
—
tiddeċiedi dwar il-mertu u tannulla r-Regolament 397/2004 (1) jew tirrinvija l-kawża lill-Qorti Ġenerali sabiex din tal-aħħar tiddeċiedi fuq il-mertu tar-rikors għal annullament; u
—
tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti fil-kuntest tal-appell u tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti sostni l-argumenti li ġejjin:
—
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-appellanti ma kellha l-ebda interess ġuridiku dwar it-tieni u t-tielet motivi. Fid-deċiżjoni tagħha dwar jekk l-appellanti għandhiex interess ġuridiku, il-Qorti Ġenerali għandha tieħu inkunsiderazzjoni il-provi u l-informazzjoni kollha prodotti quddiemha u teżamina l-kuntest globali tal-kawża. L-iżbalji fil-kalkoli tal-marġni tad-dumping mill-Kunsilkl huma metodoloġiċi u jistgħu jerġgħu jsiru fil-futur.
—
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet, mingħajr eżami xieraq tal-argumenti tar-rikorrenti (f’ċerti każijiet mingħajr bl-ebda mod ma eżaminathom), li l-bidla fil-produzzjoni mill-industrija tal-Unjoni lejn segment ta’ valur għoli tas-suq tal-Unjoni tal-friex tas-sodda u ż-żieda fl-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ friex tas-sodda mill-produtturi Torok relatati mal-industrija tal-Unjoni ma kisrux ir-rabta kawżali bejn id-dumping allegat u d-dannu materjali allegatament subit mill-industrija tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali jirriżultaw minn żnaturament tal-fatti kif ippreżentati fir-Regolament 397/2004 u minn klassifikazzjonijiet ġuridiċi żbaljati tal-fatti.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 397/2004 tat-2 ta' Marzu 2004 li jimponi dazju kontra d-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' friex tas-sodda tal-qoton li joriġinaw mill-Pakistan (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 50, p. 26)
Full & Egal Universal Law Academy