29.5.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 168/24
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (Franza) fil-15 ta’ Marzu 2017 – G. C., A. F., B. H., E. D. vs Commission nationale de l’informatique et des libertés (CNIL)
(Kawża C-136/17)
(2017/C 168/33)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Qorti tar-rinviju
Conseil d’État
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: G. C., A. F., B. H., E. D.
Konvenut: Commission nationale de l’informatique et des libertés (CNIL)
Domandi preliminari
1)
Fid-dawl tar-responsabbiltajiet, tal-kompetenzi u tal-possibiltajiet speċifiċi tal-operatur ta’ mutur tat-tfittxija, il-projbizzjoni stabbilita fil-konfront ta’ persuni oħra responsabbli għall-ipproċessar ta’ data koperta mill-paragrafi 1 u 5 tal-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-24 ta’ Ottubru 1995 (1), bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti minn dan it-test, hija applikabbli wkoll għal dan l-operatur sa fejn huwa responsabbli għall-ipproċessar li jwettaq dan il-mutur?
2)
F’każ li tingħata risposta pożittiva għad-domanda 1):
—
id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(1) u (5) tad-Direttiva tal-24 ta’ Ottubru 1995 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-projbizzjoni kif stabbilita, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti minn din id-direttiva, fil-konfront tal-operatur ta’ mutur tat-tfittxija milli jipproċessa data koperta minn dawn id-dispożizzjonijiet tobbligah li jilqa’ b’mod sistematiku it-talbiet għal kanċellazzjoni tal-links li jwasslu għal paġni tal-internet li jipproċessaw tali data?
—
f’tali perspettiva, kif għandhom jiġu interpretati l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2)(a) u (e) tad-Direttiva tal-24 ta’ Ottubru 1995, meta dawn japplikaw għal operatur ta’ mutur tat-tfittxija, fid-dawl tar-responsabbiltajiet, tal-kompetenzi u tal-possibiltajiet speċifiċi tiegħu? B’mod speċifiku, tali operatur jista’ jirrifjuta li jilqa’ talba għal kanċellazzjoni meta huwa jikkonstata li l-links inkwistjoni jwasslu għal kontenuti li, għalkemm jinkludu data li taqa’ taħt il-kategoriji enumerati fl-Artikolu 8(1), huma koperti wkoll mill-kamp tal-eċċezzjonijiet previsti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-istess artikolu, b’mod partikolari (a) u (e)?
—
bl-istess mod, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-24 ta’ Ottubru 1995 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta l-links li tintalab il-kanċellazzjoni tagħhom ikunu jwasslu għal ipproċessar tad-data ta’ natura personali mwettaq sempliċiment għal finijiet ġurnalistiċi jew ta’ espressjoni artistika jew litterarja li, fuq din il-bażi, skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-24 ta’ Ottubru 1995, jistgħu jiġbru u jipproċessaw data koperta mill-kategoriji msemmija fl-Artikolu 8(1) u (5) ta’ din id-direttiva, l-operatur ta’ mutur tat-tfittxija jista’, għal din ir-raġuni, jirrifjuta li jilqa’ talba għal kanċellazzjoni?
3)
F’każ li tingħata risposta negattiva għad-domanda 1):
—
fid-dawl tar-responsabbiltajiet, tal-kompetenzi u tal-possibiltajiet tiegħu, liema rekwiżiti speċifiċi tad-Direttiva tal-24 ta’ Ottubru 1995 għandu jissodisfa l-operatur ta’ mutur tat-tfittxija?
—
meta jiġi kkonstatat li l-paġni tal-internet, li jwasslu għalihom il-links li fir-rigward tagħhom tintalab il-kanċellazzjoni, jinkludu data li l-pubblikazzjoni tagħha, fuq l-imsemmija paġni, hija illegali, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-24 ta’ Ottubru 1995 għandhom jiġu interpretati fis-sens:
—
li huma jobbligaw lill-operatur ta’ mutur tat-tfittxija li jħassar dawn il-links mil-lista tar-riżultati li jintwerew wara tfittxija mwettqa abbażi tal-isem tal-persuna li tressaq it-talba?
—
jew li dawn jimplikaw sempliċiment li huwa għandu jieħu din iċ-ċirkustanza inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-fondatezza tat-talba għal kanċellazzjoni?
—
jew li din iċ-ċirkustanza ma tinċidix fuq l-evalwazzjoni li għandu jwettaq?
Barra minn hekk, jekk din iċ-ċirkustanza ma hijiex ineffettiva, kif għandha tiġi evalwata l-legalità tal-pubblikazzjoni tad-data kontenzjuża fuq il-paġni tal-internet li jirriżultaw minn ipproċessar li ma huwiex kopert mill-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tad-Direttiva tal-24 ta’ Ottubru 1995 u, sussegwentement, tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jimplimentawha?
4)
Tkun xi tkun ir-risposta għad-domanda 1):
—
indipendentement mil-legalità tal-pubblikazzjoni tad-data ta’ natura personali fuq il-paġna tal-internet li twassal għaliha l-link kontenzjuża, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-24 ta’ Ottubru 1995 għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
—
meta l-persuna li tressaq it-talba tistabbilixxi li din id-data tkun saret inkompleta jew ineżatta, jew li ma għandhiex aġġornata, l-operatur ta’ mutur tat-tfittxija huwa obbligat li jilqa’ t-talba korrispondenti għal kanċellazzjoni?
—
b’mod iktar speċifiku, meta l-persuna li tressaq it-talba turi li, fid-dawl tal-iżvolġiment tal-proċedura ġudizzjarja, l-informazzjoni marbuta ma’ stadju preċedenti tal-proċedura ma għadhiex tikkorrispondi għar-realtà attwali tas-sitwazzjoni, l-operatur ta’ mutur tat-tfittxija huwa obbligat li jikkanċella l-links li jwasslu għal paġni tal-internet li jinkludu tali informazzjoni?
—
id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(5) tad-Direttiva tal-24 ta’ Ottubru 1995 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-informazzjoni marbuta mal-investigazzjoni ta’ individwu jew li huma marbuta ma’ proċess, jew mal-kundanna li tirriżulta minnu, tikkostitwixxi data marbuta ma’ ksur jew ma’ kundanni kriminali? B’mod ġenerali, meta paġna tal-internet tkun tinkludi data li tagħmel riferiment għal kundanni jew għal proċeduri ġudizzjarji li jkollhom persuna fiżika bħala s-suġġett tagħhom, din tkun tidħol fil-kamp ta’ dawn id-dispożizzjonijiet?
(1) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).
Full & Egal Universal Law Academy