19.6.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 195/12
Appell ippreżentat fil-21 ta’ Marzu 2017 minn Internacional de Productos Metálicos, S.A. mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fil-25 ta’ Jannar 2017 fil-Kawża T-217/16, Internacional de productos metálicos vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-145/17 P)
(2017/C 195/17)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Appellanti: Internacional de Productos Metálicos, S.A. (rappreżentanti: C. Cañizares Pacheco, E. Tejedor de la Fuente u A. Monreal Lasheras, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tal-25 ta’ Jannar 2017, fil-Kawża T-217/16.
—
tirrinvija l-kawża preżenti T-217/16 lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, sabiex tiddeċiedi dwar il-limitazzjoni ratione temporis stabbilita fl-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) tal-Kummissjoni Nru 2016/278, tas-26 ta’ Frar 2016.
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
1.
L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq l-eżistenza ta’ locus standi sabiex jiġi ppreżentat rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea kontra r-Regolament 2016/278 (1), sa fejn jiġi kkunsidrat li f’din is-sitwazzjoni huma ssodisfatti r-rekwiżiti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Kif inhu magħruf minn din il-Qorti, dawn ir-rekwiżiti huma: i) effett dirett u individwali tal-att ikkontestat jew ii) effett dirett ta’ atti leġiżlattivi li ma jinvolvux miżuri ta’ implementazzjoni.
Fir-rigward tal-effett dirett u individwali tal-att ikkontestat, ir-rikorrenti tqis li l-Qorti Ġenerali ma tikkontesta bl-ebda mod l-eżistenza ta’ effett dirett fil-konfront tagħha. Madankollu, dwar l-effett individwali, dan jeżisti fil-konfront ta’ IPM, peress li r-Regolament inkwistjoni jaffettwa lill-importaturi kollha li fid-DAU tagħhom jinkludu nomenklaturi jew kodiċi TARIC dwar il-prodotti li jagħtu lok għal dazji antidumping, bejn is-snin 2009 (dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 91/2009) u 2016 (dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 2016/278), inklużi. Għaldaqstant, dawn l-importaturi jiffurmaw “ċirku ristrett ta’ operaturi ekonomiċi”, peress li l-limitazzjoni tal-effetti tat-tneħħija ta’ tad-dazji anti-dumping taffettwahom b’mod konkret u speċifiku.
Min-naħa l-oħra, rigward tal-effett dirett ta’ atti leġiżlattivi li ma jinvolvux miżuri ta’ implementazzjoni, l-analiżi tiffoka fuq l-akkreditazzjoni tal-assenza ta’ atti ta’ implementazzjoni fir-Regolament 2016/278. Għaldaqstant, il-pagamenti magħmula li l-Qorti Ġenerali tirreferi għalihom bħala atti ta’ implementazzjoni tar-regolament ma jistgħu jitqiesu b’dan il-mod, peress li l-uniċi tranżazzjonijiet riċevuti mir-rikorrenti joriġinaw mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 91/2009 (2), peress li ma rċevew bl-ebda mod pagamenti li joriġinaw mid-dispożizzjonijiet tar-regolament ikkontestat (Regolament Nru 2016/278). Prova ta’ dan huwa l-istess pagamenti li dak iż-żmien saru lil IPM mill-awtoritajiet fiskali Spanjoli saru qabel id-dħul fis-seħħ tar-regolament ikkontestat.
B’hekk, l-Artikolu 2 ikkontestat huwa regola awtonoma li ma teħtieġ ebda att posterjuri sabiex tipproduċi effetti legali mill-jum tad-dħul fis-seħħ tagħha, ladarba sempliċement iħassar xi dazji antidumping minħabba l-inkompatibbiltà tiegħu mal-Ftehim Antidumping u t-Trattat GATT.
Barra minn hekk, ir-regolament jimponi obbligu li ma jsirx – jinkludi ordni li tipprojbixxi lill-Istat Spanjol milli jieħu mill-ġdid deċiżjonijiet sabiex jitħallsu dazji antidumping – b’hekk jistakola t-teħid ta’ kwalunkwe att ta’ natura fiskali li jista’ jiġi annullat fil-livell nazzjonali, peress li l-preżentata ta’ rikors għal annullament tkun l-uniku mod li kellha IPM sabiex tannulla l-Artikolu 2 tar-Regolament 2016/278.
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikorrenti ssostni li ma hemm l-ebda dubju li IPM għandha dritt, skont l-Artikolu 263 TFUE, li tippreżenta rikors għall-annullament tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2016/278, peress li l-imsemmi regolament, min-natura tiegħu stess u l-kontenut tiegħu, ma fih ebda miżura ta’ implementazzjoni.
2.
It-tieni aggravju, li huwa bbażat fuq it-talba magħmula lill-Qorti Ġenerali dwar ir-rikonoxximent tal-applikazzjoni retroattiva tal-effetti tal-Artikolu 1 tar-regolament ikkontestat. F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li tqis il-Qorti Ġenerali fid-digriet appellat, fejn tgħid li ma hijiex kompetenti sabiex tiddikjara r-retroattività tal-Artikolu 1 tar-Regolament ikkontestat, ir-rikorrenti tqis li din il-kompetenza hija konsegwenza neċessarja tal-annullament tal-Artikolu 2 tar-regolament, peress li dan l-artikolu jipprevedi l-limitazzjoni ratione temporis li fuq l-applikabbiltà tiegħu tirrattata r-rikors għal annullament ddikjarat inammissibbli. Għaldaqstant, it-talba għal dikjarazzjoni ta’ retroattività tal-Artikolu 1 tar-regolament magħmula mir-rikorrenti hija kompletament ammissibbli, sa fejn hija stess, ladarba tiġi ddikjarata n-nullità tal-Artikolu 2 tar-regolament, tintlaqa’ impliċitament.
(1) Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/278, tas-26 ta’ Frar 2016, li jħassar id-dazju anti-dumping definittiv impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, kif estiżi għall-importazzjonijiet ta' ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar ikkunsinjati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja kif ukoll jekk le (ĠU 2016, L 52, p. 24)
(2) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 91/2009, tas-26 ta’ Jannar 2009, li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2009, L 29, p. 1)
Full & Egal Universal Law Academy