6.6.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 178/12
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court (l-Irlanda) fit-3 ta’ April 2017 – VolkmarKlohn vs An Bord Pleanála
(Kawża C-167/17)
(2017/C 178/14)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Qorti tar-rinviju
Supreme Court
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Volkmar Klohn
Konvenut: An Bord Pleanála
Domandi preliminari
1)
Ir-rekwiżit ta’ “spiża mhux projbittiva” inkluż fl-Artikolu 10a tad-[Direttiva 85/337, kif emendata bid-]Direttiva 2003/35 jista’ jiġi applikat f’kawża bħal dik inkwistjoni, fejn l-awtorizzazzjoni kkontestata ngħatat qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din l-aħħar direttiva u fejn il-proċedura għall-kontestazzjoni ta’ din l-awtorizzazzjoni ġiet ukoll introdotta qabel din id-data? Jekk ir-risposta tkun fl-affermattiv, dan ir-rekwiżit ta’ “spiża mhux projbittiva” japplika għall-ispejjeż kollha sostnuti fil-kuntest ta’ din il-proċedura jew biss għal dawk li ġew sostnuti wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni?
2)
Il-qorti nazzjonali li għandha setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-kundanna tal-parti li titlef hija, fl-assenza ta’ kull miżura speċifika adottata mill-Istat Membru kkonċernat fid-dawl tat-traspożizzjoni tal-Artikolu 10a tad-[Direttiva 85/337, kif emendata bid-]Direttiva 2003/35, obbligata, meta tiddeċiedi dwar l-ispejjeż fi proċedura li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, tiżgura li d-deċiżjoni tagħha ma tirrendix l-ispiża tal-proċedura “projbittiva”, jew minħabba li d-dispożizzjoni inkwistjoni jkollha effett dirett, jew minħabba li l-qorti nazzjonali għandha tinterpreta r-regoli nazzjonali ta’ proċedura tagħha b’mod li, kemm jista’ jkun possibbli, jissodisfa l-għanijiet tal-imsemmi Artikolu 10a?
3)
Meta kundanna għall-ispejjeż ma tkunx ikkwalifikata u, minħabba l-assenza ta’ kwalunkwe appell, titqies bħala finali u definittiva taħt id-dritt nazzjonali, id-dritt tal-Unjoni jeżiġi li jew
a)
Taxing Master inkarigat taħt id-dritt nazzjonali bil-kompitu li jikkwantifika l-ammont tal-ispejjeż raġonevolment sostnuti mill-parti li tirbaħ; jew
b)
qorti mitluba li teżamina mill-ġdid deċiżjoni ta’ tali Taxing Master
ikollhom madankollu obbligu li jiddevjaw minn miżuri normalment applikabbli tad-dritt nazzjonali u jiddeterminaw l-ammont tal-kundanna għall-ispejjeż li għandhom jingħataw b’tali mod li jiġi żgurat li l-ispejjeż hekk ordnati ma jirrendux il-proċeduri għoljin b’mod projbittiv?
Full & Egal Universal Law Academy