17.7.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 231/6
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de Primera Instancia de Barcelona (Spanja) fis-7 ta’ April 2017 – Bankia S.A. vs Alfonso Antonio Lau Mendoza u Verónica Yuliana Rodríguez Ramírez
(Kawża C-179/17)
(2017/C 231/08)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Qorti tar-rinviju
Juzgado de Primera Instancia de Barcelona
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Bankia S.A.
Konvenuti: Alfonso Antonio Lau Mendoza u Verónica Yuliana Rodríguez Ramírez
Domandi preliminari
1)
L-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 93/13/KEE (1), dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, jipprekludu ġurisprudenza [sentenza tat-Tribunal Supremo (Qorti Suprema) tat-18 ta’ Frar 2016] li tgħid li, minkejja li klawżola ta’ terminazzjoni bikrija hija inġusta u minkejja li din il-klawżola li fuqha t-talba għal eżekuzzjoni hija bbażata, ma għandhiex tiġi arkivjata l-eżekuzzjoni ipotekarja għar-raġuni li t-tkomplija tagħha hija iktar vantaġġuża għall-konsumatur, peress li, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni eventwali ta’ sentenza mogħtija fi proċeduri dikjaratorji bbażati fuq l-Artikolu 1124 tal-Kodiċi Ċivili, din ma tistax tibbenefika lill-konsumatur mill-privileġġi proċedurali speċifiċi għall-eżekuzzjoni ipotekarja, iżda mingħajr ma jittieħed kont ta’ din il-ġurisprudenza li, skont ġurisprudenza ripetuta u stabbilita tat-Tribunal Supremo, dan l-Artikolu 1124 tal-Kodiċi Ċivili (previst mill-kuntratti li joħolqu obbligi reċiproċi) ma japplikax għall-kuntratt ta’ self, peress li dan huwa kuntratt reali u unilaterali li jsir komplet biss mal-ħlas tal-flus u, għaldaqstant, joħloq biss obbligi għal min jissellef u mhux għal min jislef (kreditur), b’tali mod li, jekk din il-ġurisprudenza tal-istess Tribunal Supremo tiġi segwita fil-proċeduri dikjaratorji, il-konsumatur jista’ jikseb deċiżjoni li tiċħad it-talba għal ħall u għal kumpens u ma jistax ikun sostnut li l-kontinwazzjoni tal-eżekuzzjoni ipotekarja tkun iktar vantaġġuża għalih?
2)
F’każ li tiġi ammessa l-applikazzjoni tal-Artikolu 1124 tal-Kodiċi Ċivili għall-kuntratti ta’ self jew f’kull każ ta’ kuntratti ta’ kreditu, l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 93/13/KEE, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, jipprekludu ġurisprudenza bħal dik indikata li, sabiex jiġi evalwat jekk it-tkomplija tal-eżekuzzjoni ipotekarja hijiex iktar vantaġġuża għall-konsumatur jew iktar ta’ dannu milli t-trattament ta’ proċedura dikjaratorja abbażi tal-Artikolu 1124 tal-Kodiċi Ċivili, ma tieħux inkunsiderazzjoni l-fatt li, f’din il-proċedura jistgħu jiġi miċħuda t-talbiet għal ħall tal-kuntratt u għal kumpens jekk il-qorti tapplika d-dispożizzjoni tal-istess Artikolu 1124 tal-Kodiċi Ċivili li skontu “il-qorti għandha tordna l-ħall mitlub, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet li jiġġustifikaw li jingħata terminu għat-twettiq tal-obbligu”, meta jittieħed kont li, preċiżament fil-kuntest ta’ self u krediti ipotekarji għax-xiri ta’ djar għal perijodu twil (20 jew 30 sena), huwa pjuttost probabbli li l-qrati japplikaw din ir-raġuni ta’ rifjut, speċjalment meta l-ksur konkret tal-obbligu ta’ ħlas ma kienx gravi ħafna?
3)
Fil-każ li huwa paċifiku li l-kontinwazzjoni tal-eżekuzzjoni ipotekarja tkun iktar vantaġġuża għall-konsumatur minħabba t-terminazzjoni antiċipata, l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 93/13/KEE, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, jipprekludu ġurisprudenza bħal dik indikata li tapplika dispożizzjoni legali kumplimentari (Artikolu 693(2) tal-Ley de Enjuiciamiento Civil (Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili) minkejja li l-kuntratt jista’ jkompli jeżisti mingħajr il-klawżola ta’ terminazzjoni antiċipata, u tħalli effetti għall-imsemmi Artikolu 693.2 LEC minkejja n-nuqqas tal-preżunzjoni fundamentali tiegħu: l-eżistenza fil-kuntratt ta’ klawsola valida u effikaċi ta’ terminazzjoni antiċipata, li speċifikament ġiet iddikjarata inġusta, nulla u mingħajr effett?
(1) Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).
Full & Egal Universal Law Academy