17.7.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 231/15
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Galicia (Spanja) fl-24 ta’ April 2017 – Simón Rodríguez Otero vs Televisión de Galicia S.A.
(Kawża C-212/17)
(2017/C 231/19)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Qorti tar-rinviju
Tribunal Superior de Justicia de Galicia
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Simón Rodríguez Otero
Konvenuta: Televisión de Galicia S.A.
Il-parti l-oħra: Ministerio Fiscal
Domandi preliminari
1)
Għall-finijiet tal-prinċipju ta’ ekwivalenza bejn ħaddiema temporanji u ħaddiema permanenti, għandu jitqies li x-xoljiment tal-kuntratt tax-xogħol minħabba “ċirkostanzi oġġettivi” skont l-Artikolu 49(1)(c) tar-Regolamenti tal-Ħaddiema [Estatuto de los Trabajadores] u x-xoljiment tal-kuntratt tax-xogħol minħabba “raġunijiet oġġettivi” previsti fl-Artikolu 52 tal-imsemmija regolamenti jikkostitwixxu “sitwazzjonijiet paragunabbli” u li, għaldaqstant, il-kumpensi differenti mħallsa f’każ jew f’ieħor jikkostitwixxu differenza fit-trattament bejn ħaddiema temporanji u ħaddiema permanenti li hija pprojbita mid-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE (1), tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP?
2)
Fil-każ ta’ risposta affermattiva, hemm lok li jitqies li l-għanijiet ta’ politika soċjali li ġġustifikaw il-ħolqien tal-“contrato de relevo” jiġġustifikaw ukoll, skont il-Klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas iċċitat iktar ’il fuq, id-differenza fit-trattament li tikkonsisti fil-ħlas ta’ kumpens għax-xoljiment tal-kuntratt tax-xogħol li jkun inqas favorevoli fil-każ li l-impriża tiddeċiedi liberament li l-imsemmi “contrato de relevo” jkun għal żmien determinat?
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368
Full & Egal Universal Law Academy