7.8.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 256/7
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Rotterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi) fil-15 ta’ Mejju 2017 – Sandd B.V. vs Autoriteit Consument en Markt
(Kawża C-256/17)
(2017/C 256/06)
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Qorti tar-rinviju
Rechtbank Rotterdam
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Sandd B.V.
Konvenuta: Autoriteit Consument en Markt
Parti oħra: Koninklijke PostNL BV
Domandi preliminari
1.
L-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 97/67/KE (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Diċembru 1997, dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz, kif emendata bid-Direttiva 2008/6/KE (2) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Frar 2008, li temenda d-Direttiva 97/67/KE dwar it-tlestija kompleta tas-suq intern tas-servizzi postali Komunitarji (id-Direttiva dwar is-servizzi postali) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-liġi jew il-leġiżlazzjoni nazzjonali [ta’ implementazzjoni] għandha tipprevedi li, fil-kontabbiltà interna tagħhom, il-fornituri tas-servizz postali universali għandhom iżommu kontabbiltà separata għal kull wieħed mis-servizzi u mill-prodotti li jaqgħu taħt dan is-servizz sabiex l-awtorità regolatorja tkun tista’ tagħmel distinzjoni ċara bejn, minn naħa, kull wieħed minn dawn is-servizzi u prodotti u, min-naħa l-oħra, is-servizzi u l-prodotti li ma jaqgħux taħt dan is-servizz, jew inkella din id-dispożizzjoni tirrikjedi unikament li l-kontabbiltà tagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, is-servizzi u l-prodotti li jaqgħu taħt is-servizz postali universali u, min-naħa l-oħra, dawk li ma jaqgħux taħt dan is-servizz?
2.
L-Artikolu 12, fil-parti inizjali u fit-tieni inċiż, tad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Diċembru 1997, dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz, kif emendata bid-Direttiva 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Frar 2008, li temenda d-Direttiva 97/67/KE dwar it-tlestija kompleta tas-suq intern tas-servizzi postali Komunitarji għandu jiġu interpretat fis-sens li kull servizz distint li jagħmel parti mis-servizz postali universali għandu jkun orjentat lejn l-ispejjeż?
3.
L-Artikolu 12, fil-parti inizjali u fit-tieni inċiż, tad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Diċembru 1997, dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz, kif emendata bid-Direttiva 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Frar 2008, li temenda d-Direttiva 97/67/KE dwar it-tlestija kompleta tas-suq intern tas-servizzi postali Komunitarji, li jeżiġi li l-prezzijiet ikunu orjentati lejn l-ispejjeż u jagħtu inċentivi għal provvista effiċjenti tas-servizz postali universali, jipprekludi l-applikazzjoni, għal żmien indeterminat, ta’ perċentwali fiss ta’ qligħ li għandu l-effett li jżid l-ispejjeż tas-servizz postali universali għall-kalkolu tal-marġni tariffarju?
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 71.
(2) ĠU 2008, L 52, p. 3.
Full & Egal Universal Law Academy