24.7.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 239/31
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias (il-Greċja) fis-16 ta’ Mejju 2017 – Αnodiki Ypiresies Diacheirisis Perivallontos, Oikonomias, Dioikisis EPE (Αnodiki Services EPE) vs GNA “Ο Εvaggelismos – Ofthalmiatreio Αthinon – Polykliniki” Geniko Nosokomeio Athinon “Georgios Gennimatas”, Geniko Ogkologiko Nosokomeio Kifisias – (GONK), “Oi Agioi Anargyroi”
(Kawża C-260/17)
(2017/C 239/39)
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Qorti tar-rinviju
Symvoulio tis Epikrateias
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Αnodiki Ypiresies Diacheirisis Perivallontos, Oikonomias, Dioikisis EPE (Αnodiki Services EPE)
Konvenuti: GNA “Ο Εvaggelismos – Ofthalmiatreio Αthinon – Polykliniki” Geniko Nosokomeio Athinon “Georgios Gennimatas”, Geniko Ogkologiko Nosokomeio Kifisias – (GONK), “Oi Agioi Anargyroi”
Domandi preliminari
1)
Għall-finijiet tal-Artikolu 10(g) tad-Direttiva 2014/24, (1) hija raġuni suffiċjenti, għall-klassifikazzjoni ta’ kuntratt bħala “kuntratt ta’ impjieg” kopert b’din id-dispożizzjoni, li jikkostitwixxi kuntratt ta’ xogħol b’impjieg, jew huwa neċessarju li dan il-kuntratt ikollu ċerti karatteristiċi partikolari (pereżempju, fir-rigward għan-natura tax-xogħol, it-termini tal-kuntratt, il-kwalifiki tal-kandidati, ir-regoli proċedurali għall-għażla tagħhom), sabiex l-għażla ta’ kull ħaddiem għandha tkun ir-riżultat ta’ ġudizzju individwalizzat u ta’ evalwazzjoni suġġettiva tal-kwalitajiet personali tiegħu jew tagħha mill-persuna li timpjega? Kuntratti ta’ xogħol b’terminu fiss li jngħataw abbażi ta’ kriterji oġġettivi, bħal ma huwa t-tul ta’ żmien li l-kandidat dam qiegħed, l-esperjenza preċedenti tal-kandidat jew in-numru ta’ ulied minuri tiegħu, bħala r-riżultat ta’ eżami formali tad-dokumenti ta’ sostenn u skont proċedura stabbilita minn qabel ta’ għoti ta’ punti skont il-kriterji msemmija iktar 'il fuq, bħalma huma l-kuntratti taħt koperti bl-Artikolu 63 tal-Liġi 4430/2016, jistgħu jitqiesu bħala “kuntratti ta’ impjieg” fis-sens tal-Artikolu 10(g) tad-Direttiva 2014/24?
2)
Għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/24 (Artikoli 1(4), 18(1) u (2), 19(1), 32 u 57, moqrija flimkien mal-premessa 5 tagħha), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (Artikoli 49 u 56) u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (Artikoli 16 u 52), kif ukoll tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ trasparenza u ta’ proporzjonalità, huwa permezz għall-awtoritajiet pubbliċi li jirrikorru għal mezzi oħra, inklużi kuntratti ta’ impjieg, b’esklużjoni ta’ kuntratti pubbliċi, sabiex jiġu ssodisfatti l-istess rekwiżiti ta’ interess pubbliku, u jekk ikun il-każ, f'liema kundizzjonijiet, meta dan ir-rimedju ma għandux l-għan ta’ organizzazzjoni permanenti tas-servizz pubbliku, iżda — bħal fil-każ tal-Artikolu 63 tal-Liġi 4430/2016 — iseħħ għal perijodu definit ta’ żmien u sabiex jittratta ċirkustanzi eċċezzjonali, kif ukoll għal raġunijiet li jirrigwardaw għall-effettività tal-kompetizzjoni jew tal-leġittimità tal-operazzjonijiet tal-azjendi li huma attivi fis-suq tal-kuntratti pubbliċi?
Raġunijiet ta’ dan it-tip, kif ukoll ċirkustanzi bħalma huma l-impossibbiltà ta’ eżekuzzjoni ta’ bla xkiel tal-kuntratti pubbliċi jew it-twettiq ta’ benefiċċju finanzjarju ikbar ipparagunat ma’ dak li jirriżulta minn kuntratt pubbliku, jistgħu jitqiesu bħala raġunijiet imperattivi fl-interess pubbliku li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ miżura li twassal għal restrizzjoni serja, fil-portata u ż-żmien tagħha, fuq l-attività kummerċjali fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi?
3)
Għall-finijiet tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665, (2) bħalma hija bħalissa fis-seħħ, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni teskludi l-protezzjoni ġudizzjarja kontra d-deċiżjoni tal-awtorità pubblika, bħalma huma d-deċiżjonijiet fit-tilwima fil-kawża prinċipali, fir-rigward tal-għoti tal-kuntratti li jitqiesu bħala li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ttad-Direttiva 2014/24 (pereżempju, bħala “kuntratt ta’ impjieg”), meta titressaq kawża minn operatur ekonomiku li jkollu interess ġuridiku sabiex jingħata kuntratt pubbliku li għandu l-istess oġġett u li jkun qed jallega li d-Direttiva 2014/24 ma ġietx implementata, b’mod illegali, abbażi tal-fatt li n-nuqqas ta’ implementazzjoni tagħha kien meqjus bħala permess?
(1) Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta’ Frar 2014, dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014 L 94, p. 65).
(2) Direttiva Tal-Kunsill tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta' reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246).
Full & Egal Universal Law Academy