31.7.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 249/20
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tartu Maakohus (l-Estonja) fid-19 ta’ Mejju 2017 – Collect Inkasso OÜ, ITM Inkasso OÜ, Bigbank AS vs Rain Aint, Lauri Palm, Raiko Oikimus, Egle Noor, Artjom Konjarov
(Kawża C-289/17)
(2017/C 249/31)
Lingwa tal-kawża: l-Estonjan
Qorti tar-rinviju
Tartu Maakohus
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Collect Inkasso OÜ, ITM Inkasso OÜ, Bigbank AS
Konvenuti: Rain Aint, Lauri Palm, Raiko Oikimus, Egle Noor, Artjom Konjarov
Domandi preliminari
1)
L-Artikolu 17(a) tar-Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar [Titolu Eżekuttiv Ewropew] għal talbiet mhux kontestati (1), għandu jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni kollha msemmija fl-Artikolu 17(a) tar-Regolament Nru 8705/2004 għandha tiġi indikata b’mod ċar fir-rikors promotorju, fl-att ekwivalenti jew fiċ-ċitazzjoni, jew f’dokument ieħor ippreżentat flimkien ma’ tali rikors, att jew ċitazzjoni? B’mod speċifiku, iċ-ċertifikazzjoni ta’ sentenza bħala titolu eżekuttiv Ewropew skont l-Artikoli 3(1)(b), 6(1)(ċ) u 17(a) tar-Regolament hija eskluża meta id-debitur ma jkunx ġie nnotifikat bl-indirizz tal-istituzzjoni li lilha għandha tintbagħat ir-risposta iżda jkun ġie nnotifikat bl-informazzjoni l-oħra kollha msemmija fl-Artikolu 17(a)?
2)
L-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar [Titolu Eżekuttiv Ewropew] għal talbiet mhux kontestati, għandu jiġi interpretat fis-sens li, jekk il-proċedura fl-Istat Membru tal-oriġini ma tkunx issodisfat ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 805/2004, huwa meħtieġ, sabiex isir tajjeb għal dan in-nuqqas, li d-debitur jiġi debitament informat, fid-deċiżjoni jew fid-dokument marbut magħha, bl-informazzjoni kollha msemmija fl-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament? B’mod speċifiku, iċ-ċertifikazzjoni ta’ sentenza bħala titolu eżekuttiv Ewropew hija eskluża meta d-debitur ma jkunx ġie nnotifikat bl-indirizz tal-istituzzjoni li lilha għandha tintbagħat ir-risposta iżda jkun ġie nnotifikat bl-elementi l-oħra kollha msemmija fl-Artikolu 18(1)(b)?
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 38.
Full & Egal Universal Law Academy