7.8.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 256/14
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varhoven kasatsionen sad (il-Bulgarija) fit-22 ta’ Mejju 2017 – Wiemer & Trachte GmbH (taħt proċedura ta’ insolvenza) vs Zhan Oved Tadzher
(Kawża C-296/17)
(2017/C 256/11)
Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru
Qorti tar-rinviju
Varhoven kasatsionen sad
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Wiemer & Trachte GmbH (taħt proċedura ta’ insolvenza)
Konvenut: Zhan Oved Tadzher
Domandi preliminari
1)
L-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza] (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun infetħet il-proċedura ta’ insolvenza sabiex jiddeċiedu dwar azzjoni revokatorja bbażata fuq l-insolvenza u mressqa kontra konvenut li jkollu l-uffiċċju rreġistrat jew id-domiċilju tiegħu fi Stat Membru ieħor, hija ġurisdizzjoni esklużiva jew likwidatur jista’ jressaq azzjoni revokatorja quddiem qorti fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsabu l-uffiċċju rreġistrat jew id-domiċilju tal-konvenut fis-sitwazzjoni prevista fl-Artikolu 18(2) tar-Regolament, meta l-azzjoni revokatorja tal-likwidatur tkun ibbażata fuq it-trasferiment ta’ proprjetà mobbli mwettaq fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor?
2)
L-Artikolu 24(2), moqri flimkien mal-Artikolu 24(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza], japplika fir-rigward ta’ rilaxx mir-responsabbiltà fil-każ ta’ eżekuzzjoni favur id-debitur fi Stat Membru permezz ta’ direttur ta’ fergħa tal-kumpannija debitriċi rreġistrata f’dan l-Istat meta, fil-mument tal-eżekuzzjoni, kienet tressqet talba fi Stat Membru ieħor fir-rigward tad-debitur għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza u kien inħatar likwidatur temporanju, iżda ma kinitx ittieħdet deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ insolvenza?
3)
L-Artikolu 24(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza], japplika fir-rigward tal-eżekuzzjoni tal-obbligu li titħallas somma fi flus kontanti favur id-debitur meta t-trasferiment inizjali ta’ din is-somma mid-debitur lill-persuna li tonera l-obbligu jitqies li huwa null skont id-dritt nazzjonali tal-qorti li quddiemha tressqet il-proċedura ta’ insolvenza u meta din in-nullità tkun ibbażata fuq il-fatt li tkun infetħet proċedura ta’ insolvenza?
4)
Il-preżunzjoni ta’ nuqqas ta’ għarfien fis-sens tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza], tapplika f’sitwazzjoni fejn il-persuni msemmija fit-tieni sentenza tal-Artikolu 21(2) tar-Regolament ma jkunux ħadu l-miżuri neċessarji sabiex tiġi żgurata l-pubblikazzjoni, fir-reġistru tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab l-istabbiliment tad-debitur, tal-atti tal-qorti li quddiemha tressqet il-proċedura ta’ insolvenza li permezz tagħhom ikun inħatar likwidatur temporanju u li permezz tagħhom ikun stabbilit li l-istruzzjonijiet tal-kumpannija huma validi biss bl-approvazzjoni tal-likwidatur temporanju, meta l-Istat Membru fejn ikun jinsab l-istabbiliment jipprevedi l-pubblikazzjoni obbligatorja ta’ tali atti, minkejja li jirrikonoxxihom bis-saħħa tal-Artikolu 25 ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 16 tar-Regolament?
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191.
Full & Egal Universal Law Academy