14.8.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 269/6
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (l-Ungerija) fl-24 ta’ Mejju 2017 – Headlog Limited vs Nemzeti Adó- és Vámhivatal Központi Irányítása
(Kawża C-303/17)
(2017/C 269/08)
Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż
Qorti tar-rinviju
Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Headlog Limited
Konvenuta: Nemzeti Adó- és Vámhivatal Központi Irányítása
Domandi preliminari
1)
Huwa rilevanti, fir-rigward tar-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula fit-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa fil-kawża [C-3/17] mill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság, li s-sanzjoni amministrattiva ma tkunx tikkonsisti f’multa, iżda fin-nuqqas ta’ aċċessibbiltà temporanja għad-data elettronika għal perijodu ta’ 90 ġurnata, liema sanzjoni għandha karatteristiċi fundamentalment differenti (pereżempju, tiġi sospiża b’mod temporanju l-provvista tas-servizz, id-deċiżjoni dwar is-sanzjoni ma tiġix innotifikata u ma jkunx possibbli li jiġi ppreżentat appell kontra din l-istess deċiżjoni) u li l-awtorità nazzjonali tista’ timponi wkoll għall-istess att, b’mod kumulattiv, minbarra s-sanzjoni ta’ multa?
2)
Fid-dawl tan-natura, il-gravità u l-metodu ta’ impożizzjoni tas-sanzjoni amministrattiva ta’ inaċċessibbiltà temporanja għad-dati elettroniċi għal perijodu ta’ 90 ġurnata, kif ukoll, fuq kollox, tal-impossibbiltà li jiġi ppreżentat appell effettiv kontra l-istess sanzjoni, il-fatt li l-imsemmija sanzjoni tikkostitwixxi fiha nnifisha restrizzjoni sproporzjonatament gravi tal-Artikolu 56 TFUE u tal-Artikoli 17(1) u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, liema restrizzjoni, fil-forma attwali tagħha, ma tistax tiġi ġġustifikata permezz tal-għanijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur iffissati mill-Istat Membru fl-ambitu tal-logħob tal-azzard, tista’ titqies li hija konformi mal-Artikolu 56 TFUE?
3)
Fir-rigward tar-risposta li għandha tingħata għas-sitt domanda preliminari magħmula fil-kawża [C-3/17] mill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság, huwa rilevanti li l-Istat Membru ma jiżgurax li jiġu adottati r-regoli neċessarji sabiex tinkiseb – sew permezz ta’ sejħa għal offerti għall-għoti ta’ konċessjonijiet, sew permezz tat-tressiq ta’ offerta [ta’ ftehim] – liċenzja għall-organizzazzjoni ta’ logħob ta’ casino online, u għal din ir-raġuni l-persuni li jipprovdu servizzi ma jkunux jistgħu jiksbu l-liċenzji amministrattivi neċessarji sabiex joffru s-servizz?
Full & Egal Universal Law Academy