16.10.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 347/2
Appell ippreżentat fil-31 ta’ Mejju 2017 minn Windrush Aka LLP mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fit-22 ta’ Marzu 2017 fil-Kawża T-336/15, Windrush Aka LLP vs EUIPO
(Kawża C-325/17 P)
(2017/C 347/02)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Windrush Aka LLP (rappreżentanti: S. Britton, Solicitor, S. Malynicz QC, S. Tregear, Solicitor)
Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), Jerry Dammers
Talbiet
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-366/15, tat-22 ta’ Marzu 2017;
—
tikkundanna lill-EUIPO u lil Jerry Dammers (il-proprjetarju tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea) għall-ispejjeż rispettivi tagħhom u għal dawk tal-appellanti.
Aggravji u argumenti prinċipali
1)
L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi u wettqet evalwazzjoni inkorretta tal-fatti, u d-deċiżjoni tagħha fiha ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet li tirriżulta mid-dokumenti sottomessi quddiemha.
2)
It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Marzu 2015 (ĠU 2015, L 105, p. 1), billi rrifjutat li żżomm seduta fid-dawl tal-abbandun, mill-proprjetarju tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea, ta’ partijiet materjali tal-allegata evidenza ta’ użu tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea kkontestata wara s-seduta.
3)
It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat qieset li l-appellanti qajmet motiv ġdid għall-ewwel darba waqt is-seduta.
4)
Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali naqset milli tevalwa l-effett ġuridiku tat-trasferiment ta’ dritt għal isem, jiġifieri, it-trasferiment ma jagħti ebda dritt ulterjuri lil min jittrasferixxi (jiġifieri lill-proprjetarju tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea) sabiex jagħti jew jirrifjuta l-kunsens għall-użu tal-isem (jiġifieri t-trade mark tal-Unjoni Ewropea kkontestata), bir-riżultat li ma hemmx kunsens ulterjuri, taħt id-dritt tal-Unjoni, wara d-data tat-trasferiment.