28.8.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 283/25
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court (l-Irlanda) fit-22 ta’ Ġunju 2017 – The Minister for Justice and Equality Ireland and the Attorney General vs Arkadiusz Piotr Lipinski
(Kawża C-376/17)
(2017/C 283/35)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Qorti tar-rinviju
Supreme Court
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: The Minister for Justice and Equality, Ireland and the Attorney General
Konvenuti: Arkadiusz Piotr Lipinski
Domandi preliminari
1.
Meta persuna tkun ġiet iddikjarata ħatja u kkundannata minn qorti kompetenti ta’ Stat Membru u l-kundanna mogħtija fl-ewwel istanza tkun inbidlet fl-appell u l-eżekuzzjoni ta’ din il-kundanna (kif mibdula fl-appell) tkun sussegwentement sospiża mbagħad reża eżegwibbli mill-ġdid permezz tar-revoka tas-sospensjoni, il-kelma “proċess” li tinsab fl-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas (1) għandha tiġi interpretata li tfisser:
a)
sempliċement il-proċedura li wasslet għad-dikjarazzjoni ta’ ħtija u għall-għoti tal-kundanna fl-ewwel istanza (iktar ’il quddiem il-“kundanna fl-ewwel istanza”); jew
b)
il-proċedura kif deskritta fil-punt (a) jew waħda jew iktar mill-proċeduri li ġejjin:
i)
il-proċedura ta’ appell li ssegwi lil dik tal-punt (a) u li twassal għall-bidla tal-kundanna fl-ewwel istanza (iktar ’il quddiem il-“kundanna kif mibdula”);
ii)
il-proċedura li twassal għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-kundanna kif mibdula (jew parti minnha);
iii)
il-proċedura li twassal għar-revoka tas-sospensjoni tal-kundanna kif mibdula (jew parti minnha);
2.
Fil-każ li l-kelma “proċess” għandha tinftiehem bħala li tirreferi jew tinkludi kull proċedura ta’ appell li twassal għall-kundanna kif mibdula, l-assenza ta’ riferiment għall-fatt li l-persuna li l-konsenja tagħha hija mitluba kienet ġiet innotifikata bl-appell inkwistjoni u kienet irrappreżentata, twassal għall-invalidità tal-mandat ta’ arrest Ewropew, minkejja l-fatt li huwa stabbilit, fid-dawl ta’ informazzjoni addizzjonali pprovduta matul il-proċedua fl-Istat rikjest, li l-persuna kkonċernata kienet effettivament ġiet innotifikata bil-proċedura tal-appell u kienet ġiet irrappreżentata?
(1) Deċiżjoni kwadru [Qafas] tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ġunju 2002, fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34).