9.10.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 338/3
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte suprema di cassazione (l-Italja) fit-28 ta’ Ġunju 2017 – Presidenza del Consiglio dei Ministri vs Fallimento Traghetti del Mediterraneo SpA
(Kawża C-387/17)
(2017/C 338/04)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Qorti tar-rinviju
Corte suprema di cassazione
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Presidenza del Consiglio dei Ministri
Konvenuta: Fallimento Traghetti del Mediterraneo SpA
Domandi preliminari
Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea qiegħda tiġi mistoqsija d-domandi li ġejjin (fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, li tinvolvi azzjoni għall-kumpens tad-danni kontra l-Istat bħala leġiżlatur, għall-fatt li, matul il-perijodu 1976-1980, u skont il-liġi ta’ dak l-Istat Membru (Liġi Nru 684 tal-1974), huwa ta sussidji lil kumpannija marittima li jammontaw għal għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE (li kien l-Artikolu 92(1) u li sar l-Artikolu 107 TFUE) li ma kinux innotifikati u lanqas awtorizzati skont l-Artikolu 88 tat-Trattat KE (li kien l-Artikolu 93 u li sar l-Artikolu 108 TFUE), fil-kuntest ta’ suq li ma kienx liberalizzat dak iż-żmien (kabotaġġ marittimu):
1)
għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-għajnuna inkwistjoni (bħala għajnuna “eżistenti” u għaldaqstant mhux “ġdida”), għandu jiġi applikat, u sa liema punt, l-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999 (1), li jipprovdi li “għajnuna li tinftiehem li hi għajnuna eżisteni minħabba li jista’ jitwaqqaf li meta daħlet fis-seħħ ma kkostitwietx għajnuna, u sussegwentement saret għajnuna minħabba l-evoluzzjoni tas-suq komuni u mingħajr ma nbidlet mill-Istat Memrbu. Billi ċerti miżuri jsiru għajnuna wara l-liberalizzazzjoni ta’ attività mill-liġi tal-Komunità, dawn il-miżuri m’għandhomx ikunu kkunsidrati li huma għajnuna eżistenti wara d-data ffissata għall-liberalizzazzjoni”, jew għandu jiġi applikat, u f’dan il-każ sa liema punt, il-prinċipju (li l-portata tiegħu hija formalment differenti minn dak tad-dispożizzjoni sostantiva ta’ dritt imsemmija iktar ’il fuq) – stabbilit mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha tal-15 ta’ Ġunju 2000, Alzetta et vs Il-Kummissjoni, (T-298/97, T-312/97, T-313/97, T-315/97, T-600/97 sa T-607/97, T-1/98, T-3/98 sa T-6/98 u T-23/98, EU:T:2000:151, punt 143, u kkonfermata, sa fejn hija ta’ rilevanza għal din il-kawża, mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, (C-298/00 P, EU:C:2004:240, punti 66 sa 69) – li tipprovdi li “[…] skema ta’ għajnuna introdotta f’suq li qabel kien magħluq għall-kompetizzjoni għandha titqies, wara l-liberalizzazzjoni ta’ dak is-suq, li hija skema ta’ għajnuna eżistenti, peress li mal-introduzzjoni tagħha ma kinitx taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 92(1) tat-Trattat [li sar l-Artikolu 87(1) KE] li, fid-dawl tar-rekwiżiti elenkati f’dik id-dispożizzjoni dwar l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u r-riperkussjonijiet fuq il-kompetizzjoni, tapplika biss għas-setturi miftuħa għall-kompetizzjoni”?
2)
Fi kwalunkwe każ, u dejjem għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-għajnuna msemmija iktar ’il fuq, għandu jiġi applikat, u jekk ikun il-każ sa liema punt, l-Artikolu 1(b)(iv) tal-istess Regolament Nru 659/1999, li jiddefinixxi l-għajnuna eżistenti bħala li hija “għajnuna li tinftiehem li hi għajnuna eżistenti skond l-Artikolu 15” – b’din id-dispożizzjoni tal-aħħar tistabbilixxi fir-rigward tagħha terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin għall-irkupru tal-għajnuna mogħtija illegalment –, jew għandhom jiġu applikati, u jekk ikun il-każ, sa liema punt (simili jew le għall-prinċipju elenkat fid-dispożizzjoni sostantiva ta’ dritt imsemmija iktar ’il fuq), il-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali?
(1) Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, Vol. 1, p 1).