Kawża C-390/17 P: Appell ippreżentat fit-28 ta’ Ġunju 2017 minn Irit Azoulay, Andrew Boreham, Mirja Bouchard u Darren Neville mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fit-28 ta’ April 2017 fil-Kawża T-580/16, Azoulay et vs Il-Parlament Ewropew
C4122017MT1210120170628MT0020121132
Appell ippreżentat fit-28 ta’ Ġunju 2017 minn Irit Azoulay, Andrew Boreham, Mirja Bouchard u Darren Neville mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fit-28 ta’ April 2017 fil-Kawża T-580/16, Azoulay et vs Il-Parlament Ewropew
(Kawża C-390/17 P)2017/C 412/20Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellanti: Irit Azoulay, Andrew Boreham, Mirja Bouchard, Darren Neville (rappreżentant: M. Casado García-Hirschfeld, avukat)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Parlament Ewropew
Talbiet
—
tannulla s-sentenza appellata;
—
tilqa’ t-talbiet magħmula fl-ewwel istanza mir-rikorrenti fil-kuntest tar-rikors fil-Kawża T-580/16;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż kollha.
Aggravji u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti tqis li s-sentenza appellata hija vvizzjata b’diversi żbalji ta’ liġi u bi żnaturament tal-fatti.
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ dritt u żnaturat il-fatti billi warrbet interpretazzjoni awtonoma u uniformi tal-kunċett ta’ spejjeż tal-iskola fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u billi għamlet dan il-kunċett dipendenti milli jiġi aċċettat mid-diversi sistemi ta’ tagħlim tal-pajjiżi ta’ residenza ta’ uffiċjal, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni n-natura tal-ispejjeż u tal-interessi tat-tfal.
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kemm mill-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mill-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma jinkludi ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha għandu normalment jingħata, fl-Unjoni Ewropea kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi mfittxija billi jitqies il-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015, Axa Belgium, C-494/14, EU:C:2015:692).
Barra minn hekk, il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punt 47 tas-sentenza appellata hija inkoerenti u tmur kontra l-ġurisprudenza fil-qasam tal-konkordanza bejn l-ilment amministrattiv preliminari u r-rikors.
Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Qorti Ġenerali naqset mill-obbligu ta’ motivazzjoni billi ma ddeċidietx dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, minkejja li ġew invokati quddiemha.
Konsegwentement, skont ir-rikorrenti, billi eżaminat b’mod wisq sommarju t-tliet ilmenti differenti tar-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali waslet għal konklużjonijiet li ma huma ġġustifikati la fil-fatt u lanqas fid-dritt.
Full & Egal Universal Law Academy