16.10.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 347/5
Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Ġunju 2017 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi
(Kawża C-395/17)
(2017/C 347/05)
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J.-F. Brakeland u A. Caeiros, agenti)
Konvenut: Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi
Talbiet tar-Rikorrenti
—
tikkonstata li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi naqas mill-obbligi tiegħu bis-saħħa tal-Artikolu 5 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, Artikolu 10 KE, li sar huwa stess Artikolu 4(3) TUE) billi ma kkompensax it-telf tal-ammonti tar-riżorsi tiegħu stess li misshom ġew ikkonstatati bis-saħħa tal-Artikoli 2, 6, 10, 11 u 17 tar-Regolament Nru 1552/1989 (1) (li saru l-Artikoli 2, 6, 10, 11 u 17 tar-Regolament 1150/2000 (2)) u li missu qiegħed għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-Unjoni jekk iċ-ċertifikati ta’ moviment EUR.1 ma kinux ġew ikkunsinnati bi ksur, minn naħa, tal-Artikolu 101(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 91/482 (3) u tal-Artikolu 12(6) tal-Anness II ta’ din id-deċiżjoni fir-rigward tal-importazzjoni ta’ trab tal-ħalib u ross ta’ Curaçao fil-perijodu 1997-2000 u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 35(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822 (4) u tal-Artikolu 15(4) tal-Anness III ta’ din id-deċiżjoni fir-rigward tal-importazzjoni ta’ xgħir u barli mitħun oħxon ta’ Aruba fil-perijodu 2002-2003;
—
tikkundanna lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
L-awtoritajiet doganali ta’ Curaçao u ta’ Aruba, żewġ pajjiżi lil hinn mill-baħar tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, bi żball ħarġu ċertifikati tal-oriġini EUR.1 għat-trab tal-ħalib, ir-ross, ix-xgħir u l-barli mitħun oħxon. Fil-fatt huwa stabbilit li ma ġewx sodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ għoti ta’ oriġini preferenzjali bis-saħħa tad-deċiżjonijiet rilevanti dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u territorji lil hinn mill-baħar mal-Komunità Ekonomika Ewropea. L-irregolaritajiet li jivvizzjaw iċ-ċertifikati wasslu għal telf ta’ riżorsi proprji ta’ EUR 18 192 641,95 għall-Unjoni minħabba nuqqasijiet amministrattivi li twettqu fil-Curaçao u ta’ EUR 298 080 minħabba nuqqasijiet amministrattivi li twettqu f’Aruba.
Il-Kummissjoni tqis li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi hija responsabbli bħala Stat Membru, fid-dritt tal-Unjoni, ta’ dan it-telf ta’ riżorsi proprji kkawżati mit-territorji tagħhom u li għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-Unjoni, bis-saħħa tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali, l-ammont totali tad-dazji tad-dwana u tal-imposti (miżjuda bl-interessi) mhux rikonoxxuti u mhux miġbura.
(1) Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1552/89, tad-29 ta’ Mejju 1989, li japplika d-Deċiżjoni 88/376/KEE, Eurotom dwar is-sistema tar-riżorsi stess tal-Komunitajiet (ĠU 1989, L 155, p. 1).
(2) Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1150/2000, tat-22 ta’ Mejju 2000 li jimplimenta d-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p 169).
(3) Deċiżjoni tal-Kunsill 91/482/KEE, tal-25 ta’ Lulju 1991, dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u territorji lil hinn mill-baħar mal-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 1991, L 263, p. 1).
(4) Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE, tas-27 ta’ Novembru 2001, dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji lil hinn mill-baħar mal-Komunità Ewropea (“Deċiżjoni dwar Assoċjazzjoni lil hinn mill-baħar”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 38, p. 319).