16.10.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 347/10
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Hamburg (il-Ġermanja) fl-20 ta’ Lulju 2017 – British American Tobacco (Germany) GmbH vs Freie und Hansestadt Hamburg
(Kawża C-439/17)
(2017/C 347/11)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Verwaltungsgericht Hamburg
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: British American Tobacco (Germany) GmbH
Konvenuta: Freie und Hansestadt Hamburg
Domandi preliminari
1)
L-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(7) tad-Direttiva 2014/40/UE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva”) għandha tiġi interpretata fis-sens li l-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk li fihom aromi fi kwalunkwe wieħed mill-kompenenti tagħhom ma tkoprix il-prodotti tat-tabakk li, minħabba l-aromi inklużi fil-komponenti tagħhom, għandhom togħma karatterizzanti fis-sens tad-definizzjoni mogħtija fil-punt 25 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva?
2)
Fil-każ li tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda:
L-Artikolu 7(14) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dispożizzjoni tranżitorja tkopri biss il-projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2014/40/UE jew għandha tkopri (ukoll) il-projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk li fihom aromi fi kwalunkwe wieħed mill-komponenti tagħhom skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(7) tad-Direttiva?
3)
Fil-każ li tingħata risposta affermattiva għall-ewwel domanda jew fil-każ li, għat-tieni domanda, tingħata risposta fis-sens li l-Artikolu 7(14) tad-Direttiva jkopri wkoll il-projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk li fihom aromi fi kwalunkwe wieħed mill-komponenti tagħhom skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(7) tad-Direttiva:
Kif għandhom jinftiehmu l-formulazzjonijiet “prodotti tat-tabakk b’aroma karatterizzanti” u “kategorija partikolari ta’ prodott” li jinsabu fl-Artikolu 7(14) tad-Direttiva?
(1) ĠU L 127, p. 1.