16.10.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 347/15
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Giudice di pace di L’Aquila (l-Italja) fis-7 ta’ Awwissu 2017 – Gabriele Di Girolamo vs Ministero della Giustizia
(Kawża C-472/17)
(2017/C 347/19)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Qorti tar-rinviju
Giudice di pace di L’Aquila
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Gabriele Di Girolamo
Konvenut: Ministero della Giustizia
Domandi preliminari
1)
L-attività fis-servizz tal-Giudice di Pace rikorrent taqa’ taħt il-kunċett ta’ “ħaddiem għal terminu fiss [żmien determinat]” previst fid-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikoli 1(3) u 7 tad-Direttiva 2003/88 (1), fil-Klawżola 2 tal- Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], approvat bid-Direttiva 1999/70 (2) u fl-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea?
2)
Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, il-Maġistrat [Ordinarju] jew “togato” jista’ jitqies bħala ħaddiem għal żmien indeterminat paragunabbli għall-ħaddiem għal żmien determinat “Giudice di Pace” għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], approvat bid-Direttiva 1999/70?
3)
Fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tieni domanda, id-differenza fil-proċedura ta’ reklutaġġ għal żmien indeterminat tal-maġistrati ordinarji, meta mqabbla mal-proċeduri ta’ għażla ex lege adottati għar-reklutaġġ għal żmien determinat tal-Giudice di Pace, tikkostitwixxi bażi oġġettiva fis-sens tal-Klawżola 4(1) u/jew (4) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], approvat bid-Direttiva 1999/70, sabiex jiġi ġġustifikat in-nuqqas ta’ applikazzjoni – fil-ġurisprudenza tal-Corte di Cassazione (qorti tal-kassazzjoni) sedenti f’Awli magħquda fis-Sentenza Nru 13721/2017 u tal-Consiglio di Stato (kunsill tal-Istat) fl-opinjoni tat-8 ta’ April 2017 Nru 464/2017 – fir-rigward tal-Giudici di Pace, bħal fil-każ tar-rikorrent, ħaddiem għal żmien determinat, tal-istess kundizzjonijiet ta’ xogħol applikabbli għall-maġistrati ordinarji impjegati għal żmien indeterminat paragunabbli; u sabiex jiġi ġġustifikat in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-miżuri preventivi u ta’ sanzjoni kontra l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat, previsti fil-Klawżola 5 tal-imsemmi ftehim qafas approvat bid-Direttiva 1999/70 u tal-leġiżlazzjoni interna li titrasponiha, jiġifieri l-Artikolu 5(4bis) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 368/2001. Dan fid-dawl tal-fatt li ma jeżistu la prinċipju fundamentali tad-dritt intern u lanqas regola kostituzzjonali li jistgħu jiġġustifikaw kemm id-diskriminazzjoni fuq il-kundizzjonijiet ta’ xogħol, kif ukoll il-projbizzjoni assoluta li l-kuntratt tal-Giudice di Paċe jiġi kkonvertit f’wieħed għal żmien indeterminat, kif ukoll fid-dawl ta’ regola preċedenti tad-dritt intern (Artikolu 1 tal-Liġi Nru 217/1974) li kienet diġà pprevediet l-ekwiparabbiltà tal-kundizzjonijiet ta’ xogħol u l-istabbilizzazjoni tar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi tal-imħallfin onorarji?
4)
F’kull każ, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, l-Artikolu 47(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-kunċett, previst fid-dritt tal-Unjoni, ta’ imħallef indipendenti u imparzjali, jipprekludu li Giudice di Pace, li huwa interessat f’soluzzjoni determinata tal-kawża favur ir-rikorrent li bħala l-unika attività ta’ xogħol jaqdi l-istess funzjoni ġudizzjarja, ikun jista’ jissostitwixxi ruħu għall-imħallef stabbilit bil-liġi minħabba li l-għola qorti fid-dritt intern – il-Corte di Cassazione (qorti tal-kassazzjoni) sedenti f’Awli magħquda – tirrifjuta li tiżgura l-ħarsien effettiv tad-drittijiet invokati, u b’dan il-mod iġġiegħel lill-imħallef stabbilit bil-liġi jiddikjara, fejn meħtieġ, li huwa ma għandux kompetenza fir-rigward tal-għarfien tad-dritt invokat, minkejja li d-dritt inkwistjoni – bħall-vaganzi mħallsa fil-kawża prinċipali – huwa msejjes fuq id-dritt primarju u sekondarju tal-Unjoni Ewropea f’sitwazzjoni ta’ applikazzjoni diretta vertikali tal-leġiżlazzjoni “Komunitarja” fil-konfront tal-Istat? Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li hemm ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta, qed jintalab, barra minn hekk, li jiġu indikati r-rimedji interni sabiex jiġi evitat li l-ksur tal-leġiżlazzjoni primarja tad-dritt tal-Unjoni jkun jinvolvi wkoll iċ-ċaħda assoluta fid-dritt intern tal-ħarsien tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni fil-kawża inkwistjoni.
(1) Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381).
(2) Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU, Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).