8.1.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 5/17
Appell ippreżentat fl-24 ta’ Awwissu 2017 minn Uniwersytet Wrocławski mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fit-13 ta’ Ġunju 2017 fil-Kawża T-137/16, Uniwersytet Wrocławski vs L-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA)
(Kawża C-515/17 P)
(2018/C 005/24)
Lingwa tal-kawża: il-Pollakk
Partijiet
Appellanti: Uniwersytet Wrocławski (rappreżentanti: A. Krawczyk-Giehsmann u K. Szarek, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: L-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA)
Talbiet
—
tannulla d-digriet appellat;
—
tiddikjara li r-rikors ġie ppreżentat korrettament;
—
tikkundanna lill-parti l-oħra fil-proċedura għall-ispejjeż kollha.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-ewwel aggravju jallega l-ksur tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Dan l-aggravju huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u li tmur kontra l-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ sussidjarjetà, sa fejn din ma tiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li r-relazzjoni ġuridika indikata bejn il-konsulent ġuridiku (radca prawny) u l-Università hija bbażata fuq l-indipendenza u l-ugwaljanza tal-partijiet, u li, min-natura tagħha stess, il-professjoni ta’ konsulent ġuridiku fl-ordinament ġuridiku Pollakk hija kkaratterizzata bl-indipendenza kif ukoll bl-assenza ta’ subordinazzjoni tagħha fil-konfront ta’ partijiet terzi u hija wkoll professjoni ta’ fiduċja pubblika.
It-tieni aggravju jallega l-ksur mill-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 119 tar-Regoli tal-Proċedura tat-23 ta’ April 2015. Dan l-aggravju huwa bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tad-deċiżjoni tagħha inkwantu, fil-motivi tad-digriet appellat, hija pprovdiet dikjarazzjoni astratta u naqset milli tagħmel rabta bejn l-opinjoni espressa u l-fatti inkwistjoni f’din il-kawża, u għalhekk illimitat b’mod sinjifikattiv il-possibbiltà għall-appellanti li tesponi difiża xierqa.
Full & Egal Universal Law Academy