27.11.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 402/15
Appell ippreżentat fit-18 ta’ Settembru 2017 minn BPC Lux 2 Sàrl et mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fid-19 ta’ Lulju 2017 fil-Kawża T-812/17, BPC Lux 2 Sàrl et vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-544/17 P)
(2017/C 402/17)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: BPC Lux 2 Sàrl et (rappreżentanti: K. Bacon, QC, B. Woogar, barrister, J. Webber, M. Steenson, solicitors)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Repubblika Portugiża
Talbiet
L-appellanti jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali;
—
tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tkompli tinstema’ fuq il-mertu; u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-appellanti.
Aggravji u argumenti prinċipali
Dan huwa appell mid-digriet tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Lulju 2017 fil-Kawża T-812/14, BPC Lux 2 Sàrl et vs Il-Kummissjoni Ewropea (EU:T:2017:560) (iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”), li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors tal-appellanti għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 5682 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.39250, Xoljiment ta’ Banco Espírito Santo (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).
Fid-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali kkonstatat ex officio li l-appellanti ma għandhomx interess fl-annullament u li għalhekk ir-rikors huwa inammissibbli. L-appellanti issa qegħdin jippreżentaw dan l-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ibbażat fuq l-aggravju uniku li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u/jew żnaturat manifestament il-provi quddiemha.
B’mod iktar speċifiku, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonstatat li l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża ma seta’ jkollu l-ebda impatt fil-proċeduri nazzjonali għaliex kienu jikkonċernaw kwistjonijiet ta’ dritt nazzjonali filwaqt li l-proċeduri quddiemha kienu jikkonċernaw kwistjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, kif spjegat iktar ’il quddiem, l-appellanti kienu ppreżentaw provi mill-avukat Portugiż tagħhom, li la ġew kontradetti mill-Kummissjoni u lanqas mir-Repubblika Portugiża, li l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża kien ser iżid b’mod kunsiderevoli l-possibbiltà ta’ eżitu pożittiv fir-rikors nazzjonali tagħhom għal stħarriġ ġudizzjarju, li kien ser iwassal jew għall-annullament tax-xoljiment ta’ BES jew għal talba għad-danni. Meta waslet għal konklużjoni opposta, u b’hekk ċaħħdet lill-qrati Portugiżi mill-possibbiltà li jikkunsidraw din il-kwistjoni huma stess, il-Qorti Ġenerali aġixxiet b’mod li ma tistax tagħmel u ssostitwiet l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali mill-qrati Portugiża bl-evalwazzjoni tagħha stess, u/jew żnaturat manifestament il-provi quddiemha.
Full & Egal Universal Law Academy