5.2.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 42/3
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo (Spanja) fl-24 ta’ Ottubru 2017 – Fundación Consejo Regulador de la Denominación de Origen Protegida Queso Manchego vs Industrial Quesera Cuquerella S.L. u Juan Ramón Cuquerella Montagud
(Kawża C-614/17)
(2018/C 042/05)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Qorti tar-rinviju
Tribunal Supremo
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Fundación Consejo Regulador de la Denominación de Origen Protegida Queso Manchego
Konvenuti: Industrial Quesera Cuquerella S.L. u Juan Ramón Cuquerella Montagud
Domandi preliminari
1)
L-evokazzjoni tad-denominjazzjoni tal-oriġini protetta, ipprojbita mill-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 510/2006 (1), għandha neċessarjament timmaterjalizza bl-użu ta’ denominazzjonijiet li jkun jixxiebħu viżwalment, fonetikament jew kunċettwalment mad-denominazzjoni tal-oriġini protetta jew tista’ din timmaterjalizza bl-użu ta’ sinjali figurattivi li jevokaw id-denominazzjoni tal-oriġini?
2)
F’każ ta’ denominazzjoni tal-oriġini protetta ta’ natura ġeografika (Artikolu 2(1)(a)), tar-Regolament Nru 510/2006) u fir-rigward tal-istess prodotti jew prodotti paragunabbli, l-użu ta’ sinjali li jevokaw ir-reġjun li miegħu hija marbuta d-denominazzjoni tal-orġini protetta jista’, għall-finijiet tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 510/2006, jitqies bħala evokazzjoni stess tad-denominazzjoni tal-oriġini protetta, li ma hijiex aċċettabbli, anki fil-każ meta l-utent ta’ dawn is-sinjali huwa produttur stabbilit fir-reġjun li miegħu tkun marbuta d-denominazzjoni tal-orġini protetta iżda li l-prodotti tiegħu ma humiex koperti minn din id-denominazzjoni tal-orġini peress li dawn ma josservawx il-kundizzjonijiet, differenti mill-oriġini ġeografika, inklużi fl-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott,?
3)
Il-kunċett ta’ konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent, li l-qorti nazzjonali għandha tagħmel riferiment għall-perċezzjoni tiegħu sabiex tiddetermina l-eżistenza ta’ “evokazzjoni” għall-finijiet tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 510/2006, għandu jinftiehem bħala li jagħmel riferiment għall-konsomaturi Ewropej jew jista’ dan jagħmel riferiment unikament għall-konsumaturi tal-Istat Membru li fih huwa mmanufatturat il-prodott li jagħti lok għall-evokazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika protetta jew li miegħu hija ġeografikament marbuta d-DOP, u li fih dan huwa prinċiparjament ikkonsumat?
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ta’ l-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti ta’ l-ikel (ĠU L 335M, 13.12.2008, p. 213).