16.4.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 134/12
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Okręgowy w Gorzowie Wielkopolskim (il-Polonja) fl-24 ta’ Novembru 2017 – WB
(Kawża C-658/17)
(2018/C 134/16)
Lingwa tal-kawża: il-Pollakk
Qorti tar-rinviju
Sąd Okręgowy w Gorzowie Wielkopolskim (il-Qorti Distrettwali ta’ Gorzów Wielkopolski, il-Polonja)
Partijiet fil-kawża prinċipali
WB
Domandi preliminari
1)
L-Artikolu 46(3)(b) moqri flimkien mal-Artikolu 39(2) tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (1), għandu jinftiehem fis-sens li l-ħruġ ta’ ċertifikazzjoni marbuta ma’ deċiżjoni fil-qasam tas-suċċessjoni, li l-mudell għaliha tinsab fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1329/2014 tad-9 ta’ Diċembru 2014 li jistabbilixxi l-Formoli msemmija fir-Regolament (UE) Nru 650/2012 (2), huwa permess ukoll fir-rigward tad-deċiżjonijiet li jikkonfermaw l-attribut bħala eredi, iżda li ma humiex (anki parzjalment) eżekuttivi?
2)
L-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament (UE) tal-Parlament Ewopew u tal-Kunsill Nru 650/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċertifikat ta’ suċċessjoni redatt minn nutar fuq talba bil-qbil tal-partijiet kollha fil-proċeduri ta’ ċertifikazzjoni, li jipproduċi l-effetti legali ta’ digriet definittiv tal-qorti li jiddikjara l-kisba ta’ suċċessjoni, bħalma huwa ċertifikat ta’ suċċessjoni redatt minn nutar Pollakk, jikkostitwixxi deċiżjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni?
u, konsegwentement,
l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 650/2012 għandha tinftiehem fis-sens li n-nutar li jirrediġi dan it-tip ta’ ċertifikat ta’ suċċessjoni għandu jitqies bħala qorti fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni?
3)
It-tieni sentenza tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 650/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li n-notifika minn Stat Membru konformement mal-Artikolu 79 tar-Regolament għandha valur ta’ informazzjoni u ma hijiex kundizzjoni għar-rikonoxximent ta’ rappreżentant tal-professjoni legali kompetenti f’materji ta’ suċċessjoni li jeżerċita funzjonijiet ġudizzjarji bħala qorti fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament meta dan ikun jissodisfa l-kundizzjonijiet li jirriżultaw minn din l-aħħar dispożizzjoni?
4)
Fil-każ li r-risposta għad-domandi 1, 2 jew 3 tkun fin-negattiv:
L-Artikolu 3(1)(i) tar-Regolament (UE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 650/2012 għandu jinftiehem fis-sens li r-rikonixximent ta’ strument proċedurali nazzjonali li jiċċertifika l-attribut bħala eredi, bħal ma huwa ċ-ċertifikat ta’ suċċessjoni Pollakk, bħala deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament (UE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 650/2012, jipprekludi li dan jiġi kkunsidrat bħala dokument awtentiku?
5)
Fil-każ li r-risposta għad-domanda 4 tkun fl-affermattiv:
L-Artikolu 3(1)(i) tar-Regolament (UE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 650/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċertifikat ta’ suċċessjoni redatt minn nutar fuq talba bil-qbil tal-partijiet kollha fil-proċeduri ta’ ċertifikazzjoni, bħalma huwa ċertifikat ta’ suċċessjoni redatt minn nutar Pollakk, jikkostitwixxi dokument awtentiku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni?
(1) ĠU 2012, L 201, p. 107
(2) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1329/2014 tad-9 ta’ Diċembru 2014 li jistabbilixxi l-Formoli msemmija fir-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (ĠU 2014, L 359, p. 30).