26.3.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 112/12
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Törvényszék (l-Ungerija) fit-8 ta’ Diċembru 2017 – Bayer Pharma AG vs Richter Gedeon Vegyészeti Gyár Nyrt., Exeltis Magyarország Gyógyszerkereskedelmi Kft.
(Kawża C-688/17)
(2018/C 112/16)
Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż
Qorti tar-rinviju
Fővárosi Törvényszék
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Bayer Pharma AG
Konvenuti: Richter Gedeon Vegyészeti Gyár Nyrt. u Exeltis Magyarország Gyógyszerkereskedelmi Kft.
Domandi preliminari
1)
L-espressjoni “kumpens xieraq” li tinsab fl-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (1), għandha tiġi interpretata fis-sens li huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu r-regoli ta’ dritt sostantiv dwar ir-responsabbiltà tal-partijiet kif ukoll dwar il-portata u l-modalitajiet tal-kumpens li abbażi tagħhom il-qrati tal-Istati Membri jistgħu jordnaw lill-applikant jikkumpensa lill-konvenut għad-dannu kkawżat minn miżuri li ġew sussegwentement annullati mill-qorti jew li sussegwentement waqfu milli jiġu applikati wara azzjoni jew ommissjoni tal-applikant, jew fil-każijiet meta il-qorti sussegwentement ikkonstatat li ma kienx hemm ksur jew theddida ta’ ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali?
2)
Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda preliminari, l-Artikolu 9(7) tal-imsemmija direttiva jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li għandhom jiġu applikati, fir-rigward tal-kumpens imsemmi f’din id-dispożizzjoni tad-direttiva, ir-regoli ġenerali tal-Istat Membru dwar ir-responsabbiltà ċivili u l-kumpens li jipprovdu li l-qorti ma tistax tikkundanna lill-applikant jikkumpensa d-dannu kkawżat minn miżuri provviżorji li sussegwentement irriżulta li huma infondati minħabba l-annullament tal-privattiva, liema dannu jirriżulta mill-fatt li l-konvenut ma aġixxiex konformement ma’ dak li huwa ġeneralment mistenni fis-sitwazzjoni partikolari jew meta, għall-istess raġuni, il-konvenut huwa responsabbli għall-okkorrenza tad-dannu, sa fejn l-applikant, meta talab il-miżuri provviżorji, ikun aġixxa konformement ma’ dak li huwa ġeneralment mistenni fis-sitwazzjoni partikolari?
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32.