9.4.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 123/7
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Wien (l-Awstrija) fil-15 ta’ Diċembru 2017 – Adelheid Krah vs Universität Wien
(Kawża C-703/17)
(2018/C 123/10)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Oberlandesgericht Wien
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Adelheid Krah
Konvenuta: Universität Wien
Domandi preliminari
Domanda 1:
Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 45 TFUE, l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (1) u l-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regola li tgħid li l-perijodi ta’ attività preċedenti rilevanti mwettqa minn membru tal-persunal tal-għalliema tal-Università ta’ Vjenna jittieħdu inkunsiderazzjoni biss sa tul totali ta’ tlieta jew erba’ snin, kemm jekk ikunu perijodi ta’ attività mwettqa mal-Università ta’ Vjenna jew ma’ universitajiet jew stabbilimenti oħra paragunabbli li jinsabu fl-Awstrija jew f’pajjiż barrani?
Domanda 2:
Sistema ta’ remunerazzjoni li ma tipprevedix it-teħid inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ tal-perijodi ta’ attività preċedenti rilevanti, filwaqt li torbot il-benefiċċju ta’ remunerazzjoni ogħla mal-anzjanità miksuba mal-istess persuna li timpjega, tikser il-moviment liberu tal-ħaddiema stabbilit mill-Artikolu 45(2) TFUE u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011?
(1) ĠU 2011, L 141, p. 1.