SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)
12 ta’ Settembru 2018 ( *1 )
“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Reklutaġġ – Kompetizzjoni interna – Tfassil ta’ lista ta’ riżerva għar-reklutaġġ ta’ assistenti – Kundizzjoni għall-ammissjoni relatata mal-anzjanità tas-servizz fi ħdan il-Kummissjoni – Nuqqas ta’ ammissjoni għal parteċipazzjoni fl-eżamijiet ta’ kompetizzjoni”
Fil-Kawża T‑55/17,
John Morrison Healy, membru tal-persunal bil-kuntratt tal-Kummissjoni Ewropea, li jirrisjedi f’Celbridge (l-Irlanda), irrappreżentat minn S. Orlandi u T. Martin, avukati,
rikorrent
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Berscheid u L. Radu Bouyon, bħala aġenti,
konvenuta,
li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni interna COM/02/AST/16 (AST 2) dwar iċ-ċaħda tal-kandidatura tar-rikorrent,
IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),
komposta minn S. Gervasoni, President, K. Kowalik-Bańczyk u C. Mac Eochaidh (Relatur), Imħallfin,
Reġistratur: M. Marescaux, Amministratur,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-18 ta’ Jannar 2018,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1
Fis-16 ta’ Jannar 2013, ir-rikorrent, John Morrison Healy, daħal fis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea bħala membru tal-persunal bil-kuntratt tal-grupp ta’ funzjonijiet III (GF III), grad 11, skala 1.
2
Fid-9 ta’ Frar 2016, il-Kummissjoni ppubblikat avviż ta’ kompetizzjonijiet interni bbażati fuq eżamijiet, għat-tfassil ta’ lista ta’ riżerva għar-reklutaġġ ta’ segretarji/skrivani ta’ grad 2 (AST/SC 2), ta’ assistenti ta’ grad 2 (AST 2) u ta’ amministraturi ta’ grad 6 (AD 6) (iktar ’il quddiem l-“avviż ta’ kompetizzjoni”). Dawn it-tliet kompetizzjonijiet kellhom rispettivament ir-referenzi li ġejjin: COM/01/AST-SC/16 (AST/SC 2) – Segretarji/skrivani, COM/02/AST/16 (AST 2) – Assistenti, u COM/03/AD/16 (AD 6) – Amministraturi.
3
Taħt it-Titolu III, intitolat “Eliġibbiltà”, l-Artikolu 2.1(a) tal-avviż ta’ kompetizzjoni kien jipprevedi dan li ġej b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-istatus amministrattiv tal-kandidati:
“[Inti] tkun ksibt anzjanità tas-servizz ta’ tul mhux inqas minn 42 xahar, li ma jkunx neċessarjament konsekuttiv, bħala uffiċjal, membru tal-persunal temporanju jew membru tal-persunal bil-kuntratt mal-Kummissjoni; il-perijodi ta’ attività mwettqa fi ħdan aġenziji jew istituzzjonijiet oħra ma jittieħdux inkunsiderazzjoni; il-perijodi ta’ attività mwettqa fi ħdan il-Kummissjoni bħala membru tal-persunal interim, membru tal-persunal awżiljarju, membru tal-persunal lokali jew espert nazzjonali kkollokat (ENK) ma jittieħdux inkunsiderazzjoni.”
4
Taħt l-istess titolu, l-Artikolu 2.3 tal-avviż ta’ kompetizzjoni kien jipprovdi fir-rigward tad-diploma jew tal-esperjenza professjonali meħtieġa:
“[Inti] għandu jkollok livell ta’ edukazzjoni ogħla ċċertifikat minn diploma, jew minn livell ta’ edukazzjoni sekondarja ċċertifikat minn diploma li tagħti aċċess għall-edukazzjoni ogħla u esperjenza professjonali xierqa ta’ mhux inqas minn tliet snin, jew taħriġ professjonali jew esperjenza professjonali ta’ livell ekwivalenti.”
5
Skont l-Artikolu 2 tal-avviż ta’ kompetizzjoni, il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà kellhom kollha jiġu ssodisfatti.
6
F’data mhux stabbilita, ir-rikorrent ippreżenta l-kandidatura tiegħu għall-kompetizzjoni interna COM/02/AST/16 (AST 2).
7
Fid-9 ta’ Marzu 2016, jiġifieri fid-data limitu sabiex jirreġistra għall-kompetizzjoni, ir-rikorrent seta’ jipproduċi prova ta’ 38 xahar ta’ anzjanità tas-servizz fi ħdan il-Kummissjoni bħala membru tal-persunal bil-kuntratt tal-grupp ta’ funzjonijiet III.
8
Fil-11 ta’ April 2016, il-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni interna COM/02/AST/16 (AST 2) informa lir-rikorrent bid-deċiżjoni tiegħu li jiċħad il-kandidatura tiegħu (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), peress li ma ssodisfax il-kundizzjoni stabbilita mill-avviż ta’ kompetizzjoni li kienet teżiġi anzjanità tas-servizz fi ħdan il-Kummissjoni ta’ tul minimu ta’ 42 xahar (iktar ’il quddiem il-“kundizzjoni kontenzjuża”).
9
Fil-11 ta’ Lulju 2016, ir-rikorrent ressaq ilment kontra d-deċiżjoni kkontestata.
10
Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Ottubru 2016 innotifikata fl-istess jum lir-rikorrent, l-Awtorità tal-Ħatra ċaħdet l-ilment tiegħu.
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
11
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Jannar 2017, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.
12
Mistoqsi f’dan ir-rigward mir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrent, b’ittra tat-23 ta’ Frar 2017, iddikjara li kien favorevoli għat-tgħaqqid ta’ din il-kawża u tal-Kawżi T‑73/17, RS vs Il‑Kummissjoni, u T‑79/17, Schoonjans vs Il‑Kummissjoni, għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura.
13
Fit-3 ta’ April 2017, il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta.
14
B’ittra tat-18 ta’ Mejju 2017, ir-rikorrent indika li rrinunzja li jippreżenta replika.
15
B’ittra tat-30 ta’ Mejju 2017, ir-rikorrent talab li sseħħ seduta.
16
B’deċiżjoni tal-14 ta’ Novembru 2017, il-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li ma jgħaqqadx din il-kawża u l-Kawżi T‑73/17, RS vs Il‑Kummissjoni, u T‑79/17, Schoonjans vs Il‑Kummissjoni.
17
Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-18 ta’ Jannar 2018.
18
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
–
tannulla d-deċiżjoni kkontestata;
–
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
19
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
–
tiċħad ir-rikors;
–
tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.
Id-dritt
L-argumenti tal-partijiet
20
Insostenn tar-rikors, ir-rikorrent iqajjem motiv uniku, essenzjalment ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità bbażata fuq il-fatt li l-kundizzjoni kontenzjuża, li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata, tikser id-dispożizzjonijiet imperattivi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”). Billi rrikjediet li l-kandidati jkollhom anzjanità tas-servizz ta’ 42 xahar, l-Awtorità tal-Ħatra kienet limitat b’mod sproporzjonat l-aċċess għall-kompetizzjoni interna COM/02/AST/16 (AST 2).
21
Skont ir-rikorrent, l-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal jimponi, bil-kontra, lill-Awtorità tal-Ħatra li twettaq proċeduri ta’ reklutaġġ fuq bażi daqstant wiesgħa possibbli, fejn kwalunkwe limitazzjoni tan-numru ta’ persuni li jistgħu jipparteċipaw f’kompetizzjoni interna għandha tiġi ġġustifikata fir-rigward tar-rekwiżiti marbuta mal-impjiegi li għandhom jimtlew u, iktar ġeneralment, tal-interess tas-servizz.
22
Issa, ir-rekwiżit li persuna jkollha anzjanità ta’ 42 xahar fi ħdan il-Kummissjoni ma huwiex iġġustifikat mill-interess tas-servizz. Barra minn hekk, dan l-għan ma huwiex segwit b’mod sistematiku, peress li, taħt it-Titolu III intitolat “Eliġibbiltà”, l-Artikolu 2.3 tal-avviż ta’ kompetizzjoni jistabbilixxi li l-kandidati għandhom ikollhom esperjenza professjonali ta’ tul ta’ mhux inqas minn 36 xahar.
23
Barra minn hekk, anzjanità tas-servizz ta’ 42 xahar ma tistax, skont ir-rikorrent, titqies awtomatikament bħala iktar rilevanti minn anzjanità ta’ 36 xahar miksuba fi ħdan il-Kummissjoni. Din il-kundizzjoni, meħuda waħedha, ma hijiex suffiċjenti sabiex tippermetti lill-Awtorità tal-Ħatra tevalwa l-esperjenza professjonali ta’ membru tal-persunal jew il-kompetenza tiegħu biex jeżerċita l-funzjonijiet tal-impjieg li għandu jimtela, peress li hija ma tiħux inkunsiderazzjoni ċirkustanzi oħra – bħal tiġdid ta’ kuntratt preċedenti – li jiżvelaw din l-esperjenza u kompetenza.
24
Fi kwalunkwe każ, billi ppreveda li l-membri tal-persunal bil-kuntratt tal-gruppi ta’ funzjonijiet II sa IV ma jistgħux jiġu awtorizzati jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet interni ħlief jekk ikunu wettqu tliet snin ta’ servizz fi ħdan l-istituzzjoni, l-Artikolu 82(7) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”), li fuqu hija bbażata l-kundizzjoni kontenzjuża, huwa bbażat fuq il-preżunzjoni li l-membri tal-persunal bil-kuntratt li għandhom anzjanità tas-servizz inqas minn dan it-tul qatt ma jistgħu jiġu identifikati bħala l-kandidati potenzjali li jistgħu jippreżentaw l-ogħla kwalitajiet ta’ kompetenza għall-impjiegi li għandhom jimtlew permezz ta’ kompetizzjonijiet interni.
25
Billi rrikjeda li l-kandidati jipproduċu prova ta’ anzjanità tas-servizz ta’ 42 xahar, l-avviż ta’ kompetizzjoni kien għalhekk negattivament affettwa l-kapaċità tal-Awtorità tal-Ħatra biex tagħmel l-għażla l-iktar ġudizzjuża fost ċirku ta’ kandidati suffiċjentement estiż, u dan bi ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal. Billi bbaża b’mod partikolari fuq is-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1965, Rauch vs Il‑Kummissjoni (16/64, EU:C:1965:29), ir-rikorrent iqis fl-aħħar nett li dan ir-rekwiżit huwa għaldaqstant iktar illegali peress li, preċedentement, l-espressjoni “kompetizzjoni interna għall-istituzzjoni” bħala prinċipju kienet tikkonċerna l-persuni kollha li kienu jinsabu fis-servizz tal-istituzzjoni, indipendentement minn kwalunkwe titolu.
26
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
27
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal, “(i)r-reklutaġġ għandu jkollu l-mira li jiżgura li l-istituzzjoni jkollha s-servizzi ta’ uffiċjali tal-ogħla livell ta’ kapaċità, effiċjenza u integrità, magħżula milll-aktar bażi ġeografika wiesgħa possibbli minn fost iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni. L-ebda pożizzjoni ma tkun riservata għal ċittadini ta’ xi Stat Membru speċifiku”.
28
Fl-ewwel lok, għandhom jitfakkru l-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza dwar il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta’ organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni.
29
L-ewwel nett, ir-rwol essenzjali tal-avviż ta’ kompetizzjoni jikkonsisti li l-persuni kkonċernati jiġu informati b’mod daqstant eżatt daqs kemm huwa possibbli dwar in-natura tal-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jokkupaw il-pożizzjoni inkwistjoni, sabiex jitqiegħdu fil-pożizzjoni li jevalwaw jekk hemmx lok għalihom li jippreżentaw att ta’ kandidatura (ara s-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2006, Giulietti vs Il‑Kummissjoni, T‑293/03, EU:T:2006:37, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).
30
It-tieni nett, l-istituzzjoni tipprovdi, f’dan ir-rigward, setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiġu ddeterminati l-kriterji ta’ kapaċità meħtieġa mill-impjiegi li għandhom jimtlew u sabiex jiġi stabbilit, skont dawn il-kriterji u fl-interess tas-servizz, il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta’ organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Ottubru 2008, Chetcuti vs Il‑Kummissjoni, C‑16/07 P, EU:C:2008:549, punti 76 u 77 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal-31 ta’ Jannar 2006, Giulietti vs Il‑Kummissjoni, T‑293/03, EU:T:2006:37, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-13 ta’ Diċembru 2006, Heus vs Il‑Kummissjoni, T‑173/05, EU:T:2006:392, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).
31
Madankollu, l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li għandhom l-istituzzjonijiet fil-qasam ta’ organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-iffissar tal-kundizzjonijiet għall-ammissjoni, għandu jkun kompatibbli mad-dispożizzjonijiet imperattivi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 u tal-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. Huwa b’mod imperattiv li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal jiddefinixxi l-għan ta’ kull reklutaġġ u li l-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi l-kuntest tal-proċeduri li għandhom jiġu segwiti sabiex jimtlew pożizzjonijiet vakanti ta’ impjieg. Konsegwentement, din is-setgħa għandha dejjem tiġi eżerċitata skont rekwiżiti marbuta mal-impjiegi li għandhom jimtlew u, iktar ġeneralment, tal-interess tas-servizz (ara s-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2006, Heus vs Il‑Kummissjoni, T‑173/05, EU:T:2006:392, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2009, Di Prospero vs Il‑Kummissjoni, F‑99/08, EU:F:2009:153, punti 28 u 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).
32
Fir-rigward b’mod speċifiku tal-kundizzjonijiet li jillimitaw ir-reġistrazzjoni ta’ kandidati għal kompetizzjoni, għalkemm dawn ċertament jistgħu jirrestrinġu l-possibbiltajiet għall-istituzzjoni li tirrekluta l-aħjar kandidati fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal, għaldaqstant dan ma jfissirx li kull kundizzjoni li għandha tali limitazzjoni tmur kontra l-artikolu hawn fuq imsemmi. Fil-fatt, is-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni fl-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet, u b’mod iktar ġenerali, l-interess tas-servizz jippermettu lill-istituzzjoni li tagħmel il-kundizzjonijiet li hija tqis xierqa u li, filwaqt li jillimitaw l-aċċess tal-kandidati għal kompetizzjoni, u għalhekk neċessarjament in-numru ta’ kandidati rreġistrati, ma jinvolvux madankollu r-riskju li jiġi ppreġudikat l-għan li tiġi żgurata r-reġistrazzjoni ta’ kandidati li jippreżentaw l-ogħla livell ta’ kapaċità, ta’ effiċjenza u ta’ integrità fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2009, Di Prospero vs Il‑Kummissjoni, F‑99/08, EU:F:2009:153, punt 30).
33
Għalhekk huma biss meqjusa bħala li jiksru l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal il-kundizzjonijiet li jillimitaw l-aċċess ta’ kandidati għal kompetizzjoni li jinkludu r-riskju li jiġi ppreġudikat l-għan li tiġi żgurata r-reġistrazzjoni ta’ kandidati li jippreżentaw l-ogħla livell (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 1997, de Kerros u Kohn-Berge vs Il‑Kummissjoni, T‑40/96 u T‑55/96, EU:T:1997:28, punt 40, u tas-17 ta’ Novembru 2009, Di Prospero vs Il‑Kummissjoni, F‑99/08, EU:F:2009:153, punt 32).
34
It-tielet nett, hemm lok li jitfakkar li, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa rrikonoxxuta lill-istituzzjonijiet f’dan il-qasam, l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali dwar l-osservanza tal-kundizzjoni relatata mal-interess tas-servizz għandu jkun limitat għall-kwistjoni jekk l-istituzzjoni żammitx ma’ limiti raġonevoli, li ma jistgħux jiġu kkontestati, u li ma użatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod manifestament żbaljat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2015, Z vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, T‑88/13 P, EU:T:2015:393, punt 106).
35
Fit-tieni lok, għandha tiġi stabbilita l-portata tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 82(7) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.
36
L-ewwel sentenza tal-Artikolu 82(7) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg tipprevedi li l-membri tal-persunal bil-kuntratt tal-gruppi ta’ funzjonijiet II sa IV jistgħu jiġu awtorizzati jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet interni biss wara li jkunu wettqu tliet snin ta’ servizz fi ħdan l-istituzzjoni.
37
L-ewwel nett u kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea għamel l-għażla, fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 82(7) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li jillimita l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-istituzzjonijiet billi jistabbilixxi limitu minimu ta’ tliet snin ta’ anzjanità tas-servizz li inqas minn hekk il-membri tal-persunal bil-kuntratt tal-gruppi ta’ funzjonijiet II sa IV ma jistgħux, irrispettivament mill-kwalitajiet u mill-merti professjonali tagħhom, jiġu awtorizzati sabiex jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet interni. Tali limitazzjoni tirriżulta, fid-dawl tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, min-natura eċċezzjonali tal-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet interni miftuħa lill-membri tal-persunal bil-kuntratt. Mill-bqija, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-qari tax-xogħol preparatorju tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2013, L 287, p. 15). Il-Kummissjoni tal-Affarijiet Legali tal-Parlament Ewropew kienet għalhekk ippreċiżat li membri tal-persunal ma setgħux jiġu ammessi għal tali kompetizzjonijiet ħlief “sa fejn ikunu ħadmu mill-inqas tliet snin […] għall-istituzzjoni kkonċernata fid-data limitu ta’ riċezzjoni tal-kandidaturi għall-kompetizzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (emenda Nru 30 tar-Rapport dwar il-proposta ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea (COM(2011)0890 – C7-0507/2011 – 2011/0455(COD)), p. 26).
38
It-tieni nett, il-ġurisprudenza kienet diġà rrikonoxxiet, qabel din ir-riforma leġiżlattiva, kundizzjonijiet ta’ anzjanità tas-servizz ta’ tul ta’ tliet snin (sentenzi tas-6 ta’ Marzu 1997, de Kerros u Kohn-Berge vs Il‑Kummissjoni, T‑40/96 u T‑55/96, EU:T:1997:28, punt 47, u tas-17 ta’ Novembru 2009, Di Prospero vs Il-Kummissjoni, F‑99/08, EU:F:2009:153, punt 31), ta’ ħames snin (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2006, Heus vs Il‑Kummissjoni, T‑173/05, EU:T:2006:392, punti 38, 40 u 42) u ta’ għaxar snin (sentenza tal-21 ta’ Novembru 2000, Carrasco Benítez vs Il‑Kummissjoni, T‑214/99, EU:T:2000:272, punti 56 u 61), peress li, f’dawn il-kawżi, l-istituzzjoni inkwistjoni kienet eżerċitat is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha fl-osservanza tal-kundizzjoni marbuta mal-interess tas-servizz.
39
It-tielet nett, diġà ġie deċiż li r-rekwiżit ta’ ċertu numru ta’ snin ta’ anzjanità tas-servizz kien jikkostitwixxi mezz xieraq sabiex jiġi żgurat li l-uffiċjali jkollhom il-kwalitajiet previsti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolament tal-Persunal u, għaldaqstant, sabiex jiġi ggarantit l-interess tas-servizz. Fil-fatt, il-pussess ta’ ċerta anzjanità, u għalhekk ta’ esperjenza sinjifikattiva fi ħdan istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, jikkostitwixxi “indizju ċert” tal-eżistenza tal-kwalitajiet imsemmija iktar ’il fuq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2006, Heus vs Il‑Kummissjoni, T‑173/05, EU:T:2006:392, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).
40
Tali kundizzjoni ta’ anzjanità tippermetti li jiġi żgurat li l-persuni ammessi għall-kompetizzjoni interna kienu ġew suġġetti għall-kundizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-persunal amministrattiv tal-istituzzjonijiet, b’mod partikolari għar-regoli relatati mal-evalwazzjoni u mad-dixxiplina, matul ċertu perijodu u li huma kienu pproduċew prova tal-kompetenzi tagħhom f’dan il-kuntest. Għalhekk il-proċedura ta’ reklutaġġ tiżgura s-servizzi ta’ uffiċjali lill-istituzzjoni li jkollhom l-ogħla livell ta’ kapaċità, ta’ effiċjenza u ta’ integrità, kif ġew evalwati mill-istituzzjonijiet stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2006, Heus vs Il‑Kummissjoni, T-173/05, EU:T:2006:392, punt 41).
41
Isegwi li, kif issostni l-Kummissjoni l-istituzzjoni li tiddeċiedi li torganizza, eċċezzjonalment, kompetizzjoni interna miftuħa għall-membri tal-persunal bil-kuntratt fil-gruppi ta’ funzjonijiet II sa IV hija obbligata li tosserva l-limitu minimu ta’ tliet snin ta’ anzjanità tas-servizz impost mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 82(7) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Madankollu huwa possibbli għal din l-istituzzjoni, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha u fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet imperattivi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 u tal-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jiġi stabbilit, għal ċerti impjiegi u għal ċerti gruppi ta’ funzjonijiet, kundizzjonijiet iktar iebsin billi b’mod partikolari ikun meħtieġ li jkun hemm anzjanità tas-servizz ogħla mill-minimu previst mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 82(7) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 1989, Jaenicke Cendoya vs Il‑Kummissjoni, 108/88, EU:C:1989:325, punt 24).
42
Din il-konklużjoni, li tiġi implikata mill-esklużjoni ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet ta’ anzjanità tas-servizz iddefiniti mill-istituzzjoni inkwistjoni, ma tistax tiġi kkonfutata, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, mill-fatt li, l-ewwel nett, l-espressjoni “kompetizzjoni interna għall-istituzzjoni” bħala prinċipju kienet tikkonċerna l-persuni kollha li kienu jinsabu fis-servizz tagħha, indipendentement minn kwalunkwe titolu.
43
Fil-fatt, l-obbligu li jiġu aċċettati f’kompetizzjoni interna għall-istituzzjoni l-persuni kollha li jkunu jinsabu fis-servizz tagħha jippreġudika s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Ottubru 2008, Chetcuti vs Il‑Kummissjoni, C‑16/07 P, EU:C:2008:549, punti 70 sa 76, u tal-24 ta’ Settembru 2009, Brown vs Il-Kummissjoni, F‑37/05, EU:F:2009:121, punt 68) u ebda dritt assolut għal parteċipazzjoni f’kompetizzjoni interna għal istituzzjoni ma jista’, għalhekk, jiġi rrikonoxxut lill-membri tal-persunal u lill-uffiċjali tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 1997, de Kerros u Kohn-Berge vs Il‑Kummissjoni, T‑40/96 u T‑55/96, EU:T:1997:28, punt 39, u tat-8 ta’ Novembru 2006, Chetcuti vs Il‑Kummissjoni, T‑357/04, EU:T:2006:339, punt 42).
44
F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-kundizzjoni kontenzjuża, li teżiġi li l-kandidati għall-kompetizzjonijiet interni jkollhom anzjanità tas-servizz ta’ 42 xahar, mhux neċessarjament konsekuttivi, tosserva l-kundizzjoni marbuta mal-interess tas-servizz.
45
Fil-fatt, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 38 sa 40 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rekwiżit ta’ ċertu numru ta’ snin ta’ anzjanità tas-servizz jikkostitwixxi “indizju ċert” tal-eżistenza, fost il-kandidati għall-kompetizzjonijiet interni, tal-kwalitajiet stabbiliti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal.
46
F’dan ir-rigward, l-avviż ta’ kompetizzjoni jippreċiża għalhekk espliċitament li l-interess tas-servizz jeżiġi li r-reklutaġġ ta’ membri tal-persunal temporanju bħala uffiċjali jiggarantixxi lill-Kummissjoni s-servizzi ta’ uffiċjali li jkollhom l-ogħla livell ta’ kapaċità, ta’ effiċjenza u ta’ integrità u li, fid-dawl ta’ dan, huma biss il-kandidati li jkollhom esperjenza rikonoxxuta fi grupp ta’ funzjonijiet partikolari li jsiru uffiċjali immedjatament operattivi.
47
Kif indikat il-Kummissjoni fir-risposta, l-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet interni previsti fl-avviż ta’ kompetizzjoni tiffoka għalhekk l-interess tas-servizz fil-forma ta’ għan doppju, jiġifieri, minn naħa, li tiġi rregolarizzata s-sitwazzjoni ta’ ċerti membri tal-persunal temporanju u bil-kuntratt billi dawn jinħatru uffiċjali u, min-naħa l-oħra, li jiġi rreklutat persunal mhux biss li għandu kwalifiki għolja, iżda immedjatament operattiv.
48
Għandu jiġi rrilevat ukoll li, bħala tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni bagħtet ir-rapport tal-laqgħa ta’ djalogu soċjali fuq il-kompetizzjonijiet interni miftuħa lill-membri tal-persunal bil-kuntratt tal-11 ta’ Diċembru 2015. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni kienet inizjalment ipprevediet li teħtieġ anzjanità tas-servizz ta’ erba’ snin. Din il-kundizzjoni kienet immotivata “mill-fatt li billi jiġu imposti [erba’] snin ta’ esperjenza professjonali fl-istituzzjonijiet, kien hemm ċerta assigurazzjoni li tikkonċerna l-kwalità professjonali tal-membri tal-persunal ikkonċernati sa fejn dawn il-membri tal-persunal kienu bbenefikaw minn tiġdid ta’ kuntratt” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Madankollu, fid-dawl tal-osservazzjonijiet ta’ diversi organizzazzjonijiet sindakali li pproponew li din l-anzjanità tas-servizz tkun ta’ tliet snin, il-Kummissjoni definittivament stabbilixxiet it-tul tal-kundizzjoni kontenzjuża għal tliet snin u nofs (paġna 4 tar-rapport).
49
Sa mill-bidu, il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li l-kandidati jkollhom anzjanità tas-servizz minimu, inizjalment ta’ erba’ snin u finalment ta’ tliet snin u nofs, peress li din tagħti ċerta assiguranza dwar il-kwalità professjonali tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din l-istituzzjoni ma użatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod manifestament żbaljat meta rrikjediet bħala kundizzjoni dwar l-anzjanità tas-servizz fl-avviż ta’ kompetizzjoni tul li jaqbeż b’sitt xhur biss it-tul minimu previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 82(7) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.
50
Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrent ibbażat fuq l-inkompatibbiltà tal-kundizzjoni kontenzjuża mal-prinċipju ta’ proporzjonalità wkoll ma jistax jintlaqa’.
51
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jirrikjedi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu idonei sabiex iwettqu l-għanijiet leġittimi segwiti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u li ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet (sentenza tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et, C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-Awtorità tal-Ħatra għandha sabiex tiddetermina l-kriterji ta’ kapaċitajiet meħtieġa għall-impjiegi li għandhom jimtlew u sabiex jiġu ddeterminati, skont dawn il-kriterji u, iktar ġeneralment, fl-interess tas-servizz, il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta’ organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni (sentenza tal-5 ta’ Frar 1997, Petit-Laurent vs Il‑Kummissjoni, T‑211/95, EU:T:1997:13, punt 54), hija unikament in-natura manifestament mhux xierqa tal-kundizzjoni kontenzjuża fir-rigward tal-għanijiet imfittxija li tista’ taffettwa l-legalità tal-avviż ta’ kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2010, Vodafone et, C‑58/08, EU:C:2010:321, punt 52). Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-iskop ta’ kull kompetizzjoni organizzata fi ħdan l-Unjoni jikkonsisti, hekk kif jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jiġi żgurat lill-istituzzjoni, bħal kull korp ieħor, is-servizz ta’ uffiċjali li jkollhom l-ogħla livell ta’ kapaċità, ta’ effiċjenza u ta’ integrità (sentenza tal-14 ta’ April 2011, Clarke et vs UASI,F‑82/08, EU:F:2011:45, punt 181).
52
F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 44 sa 49 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rekwiżit ta’ pussess ta’ anzjanità tas-servizz ta’ 42 xahar huwa adattat sabiex jintlaħaq l-għan doppju mfittex, jiġifieri, minn naħa, li tiġi rregolarizzata s-sitwazzjoni ta’ ċerti membri tal-persunal temporanju u kuntrattwali billi jinħatru uffiċjali u, min-naħa l-oħra, li jiġi rreklutat persunal mhux biss li għandu kwalifiki għolja, iżda immedjatament operattiv.
53
It-tieni nett, il-kundizzjoni kontenzjuża ma taqbiżx il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq ta’ dan l-għan doppju. Minn naħa, billi jiġi meħtieġ pussess ta’ anzjanità tas-servizz ta’ 42 xahar, hija taqbeż biss bi 6 xhur it-tul minimu previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 82(7) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Issa, il-Qorti Ġenerali diġà ammettiet, kif huwa indikat fil-punt 38 iktar ’il fuq, kundizzjonijiet ta’ anzjanità tas-servizz ta’ tul ħafna ogħla minn 42 xahar, peress li, bħal f’dan il-każ, l-istituzzjoni inkwistjoni kienet eżerċitat is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha b’mod kompatibbli mal-interess tas-servizz. Min-naħa l-oħra kif ippreċiżat il-Kummissjoni bħala tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, 84 % tal-615 kandidat irreġistrat fil-kompetizzjoni nterna COM/02/AST/16 (AST 2) kienu eliġibbli.
54
Din l-aħħar konstatazzjoni hija suffiċjenti, fl-aħħar nett, sabiex jiġi miċħud l-argument tar-rikorrent li l-kundizzjoni kontenzjuża ma kinitx ippermettiet lill-Awtorità tal-Ħatra tmexxi l-proċedura ta’ reklutaġġ fuq bażi daqstant wiesgħa daqs kemm huwa possibbli. Fil-fatt miċ-ċifri kkomunikati mill-Kummissjoni jirriżulta li 519 kandidat seta’ jipparteċipa fil-kompetizzjoni interna inkwistjoni.
55
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, billi stabbilixxiet il-kundizzjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni ma użatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod manifestament żbaljat u li, għaldaqstant, hija ma kisritx id-dispożizzjonijiet imperattivi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal.
56
Għalhekk hemm lok li tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ illegalità u konsegwentement, li r-rikors jiġi miċħud.
Fuq l-ispejjeż
57
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. F’dan il-każ, peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)
taqta’ u tiddeċiedi:
1)
Ir-rikors huwa miċħud.
2)
John Morrison Healy huwa kkundannat għall-ispejjeż.
Gervasoni
Kowalik-Bańczyk
Mac Eochaidh
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Settembru 2018.
Firem
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il‑Franċiż.
Full & Egal Universal Law Academy