13.3.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 78/41
Rikors ippreżentat fil-31 ta’ Jannar 2017 – CLF vs Il-Parlament
(Kawża T-54/17)
(2017/C 078/56)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrent: Coalition for Life and Family (CLF) (Brussell, il-Belġju) (rappreżentant: P. Richter, avukat)
Konvenut: Il-Parlament Ewropew
Talbiet
—
tannulla l-Artikolu I.4.1 tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew, tat-12 ta’ Diċembru 2016 (Nru FINS-2017-16), rigward it-tnaqqis tal-ammont tal-prefinanzjament għal 33 % tal-ammont massimu (ta’ sussidju) ffissat kif ukoll ir-rekwiżit tal-għoti ta’ garanzija;
—
tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq ksur tat-Trattati u tal-miżuri leġiżlattivi marbuta mal-applikazzjoni tagħhom.
—
Ir-rikorrent isostni li d-distinzjoni magħmula mill-konvenut bejn il-partiti politiċi fil-livell Ewropew li nħolqu reċentement, u dawk li ilhom jeżistu għal iktar fit-tul tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza tad-dritt tal-Unjoni.
—
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 134(2) tar-Regolament Nru 966/2012 (1) kif ukoll skont l-Artikolu 206(1) tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012 (2) l-ebda garanzija ma tista’ tiġi mitluba fil-każ ta’ sussidji b’valur baxx.
—
Minbarra dan, il-konvenut ma għandu l-ebda interess li jassigura l-finanzjament tiegħu, għaliex ir-rikorrent huwa rrappreżentat minn deputati ta’ parlamenti nazzjonali f’biżżejjed Stati Membri sabiex tiġi eskluża l-biża’ ta’ telf tal-pożizzjoni tiegħu bħala partit politiku Ewropew.
—
Barra minn hekk, lanqas ma huwa ċar għalfejn il-konvenut għandu dubji rigward l-osservanza min-naħa tar-rikorrent tal-valuri fundamentali tal-Unjoni.
—
Fl-aħħar nett, il-miżuri huma sproporzjonati, għaliex ir-rikorrent ma huwiex fil-pożizzjoni li jagħti garanzija, u l-irtirar tal-finanzjament jhedded l-eżistenza ekonomika tiegħu, u dan iwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn partiti politiċi. Dan jikkostitwixxi ksur serju tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent għal-libertà ta’ espressjoni u għal-libertà ta’ assoċjazzjoni (Artikoli 11 u 12 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea).
(1) Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, p. 1).
(2) Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012, tad-29 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy